Sunday 24 August 2008

L-Evangelju skond San Luqa




L-EVANGELJU SKOND SAN LUQA


1. Dedika lil Teofilu

[Lq:1:1] Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna,[Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma.[Lq:1:3] Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b'ħaġa,[Lq:1:4] biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.

It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista

[Lq:1:5] Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron.[Lq:1:6] It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.[Lq:1:7] Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.[Lq:1:8] Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu,[Lq:1:9] u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.[Lq:1:10] Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.[Lq:1:11] U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta' l-artal ta' l-inċens.[Lq:1:12] Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu.[Lq:1:13] Imma l-anġlu qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.[Lq:1:14] Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.[Lq:1:15] Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.[Lq:1:16] Huwa jreġġa' lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom,[Lq:1:17] u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex iraġġa' l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej."[Lq:1:18] Imma Żakkarija qal lill-anġlu: "Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien?"[Lq:1:19] Wieġeb l-anġlu u qallu: "Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba.[Lq:1:20] U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa' mbikkem u ma tkunx tista' titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek."[Lq:1:21] Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju.[Lq:1:22] Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa' mbikkem.[Lq:1:23] Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa' lura lejn id-dar.[Lq:1:24] Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid:[Lq:1:25] "Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies?"

It-taħbira tat-twelid ta' Ġesù Kristu

[Lq:1:26] Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija, jisimha Nazaret,[Lq:1:27] għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta' David. Dix-xebba kien jisimha Marija.[Lq:1:28] L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek."[Lq:1:29] Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima.[Lq:1:30] Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.[Lq:1:31] Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.[Lq:1:32] Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru[Lq:1:33] u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu."[Lq:1:34] Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?"[Lq:1:35] Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.[Lq:1:36] Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,[Lq:1:37] għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir."[Lq:1:38] Mbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek?" U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Iż-żjara ta' Marija lil Eliżabetta

[Lq:1:39] F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt tal-Lhudija.[Lq:1:40] Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.[Lq:1:41] Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;[Lq:1:42] u nfexxet f'għajta kbira u qalet: "Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek![Lq:1:43] U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?[Lq:1:44] Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.[Lq:1:45] Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej?"




Innu ta' tifħir lil Alla minn Marija

[Lq:1:46] Mbagħad qalet Marija: "Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,[Lq:1:47] u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi,[Lq:1:48] għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,[Lq:1:49] għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.[Lq:1:50] Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.[Lq:1:51] Hu wera l-qawwa ta' driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.[Lq:1:52] Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.[Lq:1:53] Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.[Lq:1:54] Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu,[Lq:1:55] bħalma wiegħed lil missirijietna, b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."[Lq:1:56] Marija baqgħet ma' Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

It-twelid ta' Ġwanni l-Battista

[Lq:1:57] Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel.[Lq:1:58] Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.[Lq:1:59] Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,[Lq:1:60] imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu."[Lq:1:61] Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek?"[Lq:1:62] Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x'ried isemmih,[Lq:1:63] u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb.[Lq:1:64] Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.[Lq:1:65] U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija,[Lq:1:66] u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.

Il-profezija ta' Żakkarija

[Lq:1:67] U Żakkarija, missieru, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:[Lq:1:68] "Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,[Lq:1:69] u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni f'dar David qaddej tiegħu,[Lq:1:70] bħalma wiegħed fl-imgħoddi b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,[Lq:1:71] biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.[Lq:1:72] B'hekk juri ħniena ma' missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,[Lq:1:73] fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja[Lq:1:74] li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża', tul ħajjitna kollha,[Lq:1:75] bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.[Lq:1:76] U int, tfajjel, tissejjaħ profeta ta' l-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu[Lq:1:77] u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta' dnubiethom,[Lq:1:78] mogħtija mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;[Lq:1:79] u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem."[Lq:1:80] It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.




2. It-twelid ta' Ġesù Kristu

[Lq:2:1] F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha.[Lq:2:2] Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.[Lq:2:3] U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.[Lq:2:4] Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David -[Lq:2:5] biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.[Lq:2:6] Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles,[Lq:2:7] u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Ir-rgħajja u l-anġli

[Lq:2:8] F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl.[Lq:2:9] U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża' kbir.[Lq:2:10] Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu.[Lq:2:11] Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.[Lq:2:12] U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura."[Lq:2:13] F'daqqa waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta' qtajja' tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:[Lq:2:14] "Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu?"[Lq:2:15] Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: "Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej."[Lq:2:16] Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura.[Lq:2:17] Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija,[Lq:2:18] u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja.[Lq:2:19] Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.[Lq:2:20] Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.[Lq:2:21] Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-preżentazzjoni ta' Ġesù fit-tempju

[Lq:2:22] Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,[Lq:2:23] kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,'[Lq:2:24] u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.[Lq:2:25] F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.[Lq:2:26] L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.[Lq:2:27] Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,[Lq:2:28] huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:[Lq:2:29] "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek,[Lq:2:30] għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."[Lq:2:33] Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu.[Lq:2:34] Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,[Lq:2:35] - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."[Lq:2:36] Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta' Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin miżżewwġa,[Lq:2:37] u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.[Lq:2:38] Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.[Lq:2:39] Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nazaret.[Lq:2:40] U t-tifel baqa' jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu.

It-tfajjel Ġesù fit-tempju

[Lq:2:41] Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid.[Lq:2:42] Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa.[Lq:2:43] Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.[Lq:2:44] Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom,[Lq:2:45] ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.[Lq:2:46] Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom;[Lq:2:47] u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.[Lq:2:48] Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma?"[Lq:2:49] U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?"[Lq:2:50] Iżda kliemu ma fehmuhx.[Lq:2:51] Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.[Lq:2:52] U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.




3. Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista

[Lq:3:1] Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta' Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta' l-artijiet ta' l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta' Abileni,[Lq:3:2] fiż-żmien meta l-uffiċċju ta' qassis il-kbir kien f'idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert.[Lq:3:3] U ġie fl-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet,[Lq:3:4] kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta' Isaija:[Lq:3:5] Kull wied jimtela,[Lq:3:6] U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta' Alla.'[Lq:3:7] In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom, u huwa kien jgħidilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x'għandkom tagħmlu biex taħarbu l-korla li ġejja?[Lq:3:8] Mela uru frott li jixraq lill-indiema, u toqogħdux tgħidu lilkom infuskom: 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham.'[Lq:3:9] Il-mannara ġa qiegħda ma' għerq is-siġra, u għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar."[Lq:3:10] In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: "Mela x'għandna nagħmlu?"[Lq:3:11] U huwa kien iweġibhom: "Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol jagħmel l-istess."[Lq:3:12] Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: "Mgħallem, x'għandna nagħmlu aħna?"[Lq:3:13] U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu."[Lq:3:14] Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom."[Lq:3:15] Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.[Lq:3:16] Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.[Lq:3:17] Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex."[Lq:3:18] U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.[Lq:3:19] Iżda meta widdeb lil Erodi t-tetrarka billi kien qed jgħix ma' Erodja, mart ħuh, u minħabba l-ħażen kollu li kien għamel,[Lq:3:20] Erodi kompla jżid ma' ħtijietu u għalaq lil Ġwanni fil-ħabs.

Il-magħmudija ta' Ġesù

[Lq:3:21] Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu,[Lq:3:22] u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta' ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: "Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."

L-antenati ta' Ġesù Kristu

[Lq:3:23] Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli,[Lq:3:24] bin Mattat, bin Levi, bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi,[Lq:3:25] bin Mattatija, bin Għamos, bin Naħum, bin Ħesli, bin Naggaj,[Lq:3:26] bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi, bin Ġożè, bin Ġoda,[Lq:3:27] bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel, bin Neri,[Lq:3:28] bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadan, bin Għer,[Lq:3:29] bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi,[Lq:3:30] bin Simgħon, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim,[Lq:3:31] bin Melija, bin Menna, bin Mattata, bin Natan, bin David,[Lq:3:32] bin Ġesse, bin Għobed, bin Bogħaż, bin Sala, bin Naħson,[Lq:3:33] bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni, bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda,[Lq:3:34] bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham, bin Teraħ, bin Naħor,[Lq:3:35] bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin Selaħ,[Lq:3:36] bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek,[Lq:3:37] bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan,[Lq:3:38] bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla.




4. It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert

[Lq:4:1] Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert.[Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.[Lq:4:3] U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż."[Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.'?"[Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f'daqqa.[Lq:4:6] Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.[Lq:4:7] Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun."[Lq:4:8] Ġesù wieġbu u qallu: "Hemm miktub,[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.[Lq:4:10] Għax hemm miktub li[Lq:4:11] u li[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.'?"[Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija

[Lq:4:14] Ġesù, bil-qawwa ta' l-Ispirtu, reġa' mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma' dawk l-inħawi kollha,[Lq:4:15] għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta' kulħadd.

In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù

[Lq:4:16] U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra.[Lq:4:17] Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:[Lq:4:18] 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.'[Lq:4:20] Mbagħad raġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.[Lq:4:21] U beda jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu."[Lq:4:22] U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin Ġużeppi?"[Lq:4:23] Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll."[Lq:4:24] U żied jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu.[Lq:4:25] Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir fil-pajjiż kollu;[Lq:4:26] madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon.[Lq:4:27] U kien hemm bosta lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja."[Lq:4:28] Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla;[Lq:4:29] qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta' rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel.[Lq:4:30] Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.

Ir-raġel bi spirtu ħażin

[Lq:4:31] Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f'jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies,[Lq:4:32] li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta' wieħed li għandu s-setgħa.[Lq:4:33] U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta' xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b'leħen għoli:[Lq:4:34] "Ah! x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta' Alla?"[Lq:4:35] Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: "Iskot, u oħroġ minnu?" Mbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara.[Lq:4:36] U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: "Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b'setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu?"[Lq:4:37] U l-fama tiegħu xterdet ma' kullimkien f'dawk l-inħawi kollha.

Ġesù jfejjaq ħafna nies

[Lq:4:38] Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta' Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha.[Lq:4:39] Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom.[Lq:4:40] Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x'kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom.[Lq:4:41] Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajjtu u jgħidu: "Inti Bin Alla?" Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.



Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka

[Lq:4:42] Meta sebaħ, ħareġ u mar f'post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom.[Lq:4:43] Iżda hu qalilhom: "Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut."[Lq:4:44] U kien jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija.




5. Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli

[Lq:5:1] Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma' l-kelma ta' Alla. Hu kien qiegħed f'xatt l-għadira ta' Ġennesaret.[Lq:5:2] U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.[Lq:5:3] Tela' fuq waħda minnhom, li kienet ta' Xmun, u talbu jaqla' kemmxejn 'il barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.[Lq:5:4] Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: "Aqdef 'il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd."[Lq:5:5] Wieġbu Xmun u qallu: "Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek."[Lq:5:6] Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta' ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.[Lq:5:7] Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.[Lq:5:8] Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f'riġlejn Ġesù u qallu: "Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb?"[Lq:5:9] Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.[Lq:5:10] U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: "Tibżax; minn issa 'l quddiem tkun taqbad in-nies."[Lq:5:11] Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma' l-art, telqu kollox u marru warajh.

Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż

[Lq:5:12] Darba kien qiegħed f'belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: "Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni."[Lq:5:13] Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Iva, irrid; kun imfejjaq?" u minnufih il-lebbra marritlu.[Lq:5:14] Ġesù widdbu u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt."[Lq:5:15] Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta' nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom.[Lq:5:16] Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.

Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ

[Lq:5:17] Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq.[Lq:5:18] U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu,[Lq:5:19] iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù.[Lq:5:20] Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura."[Lq:5:21] Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?"[Lq:5:22] Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom?[Lq:5:23] X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew tgħid 'Qum u imxi'?[Lq:5:24] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-ar?" - qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek."[Lq:5:25] U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.[Lq:5:26] U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu: "Rajna ħwejjeġ ta' l-għaġeb illum?"



Is-sejħa ta' Levi

[Lq:5:27] Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: "Ejja warajja."[Lq:5:28] Dak telaq kollox, qam u mar warajh.[Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f'daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta' pubblikani u nies oħra.[Lq:5:30] Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: "Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?"[Lq:5:31] U Ġesù weġibhom: "Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda.[Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema."

Mistoqsija fuq is-sawm

[Lq:5:33] Iżda huma qalulu: "Id-dixxipli ta' Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu?"[Lq:5:34] U Ġesù qalilhom: "Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb ta' l-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?[Lq:5:35] Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar."[Lq:5:36] Qalilhom ukoll parabbola: "Ħadd ma jaqta' biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa' waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta' l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima.[Lq:5:37] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa' d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani.[Lq:5:38] Iżda nbid ġdid iqegħduh f'damiġġani ġodda.[Lq:5:39] U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, 'Il-qadim tajjeb!'?"






6. Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt

[Lq:6:1] Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b'idejhom u jikluh.[Lq:6:2] Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: "Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?"[Lq:6:3] Qabeż Ġesù u weġibhom: "Anqas dan ma qrajtu, x'għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu?[Lq:6:4] Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta' Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista' jiekol minnu ħlief il-qassisin biss?"[Lq:6:5] U qalilhom: "Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll."

Ir-raġel b'idu niexfa

[Lq:6:6] F'Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa.[Lq:6:7] Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f'jum is-Sibt, ħalli b'hekk isibu fuqiex jixluh.[Lq:6:8] Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum, u oħroġ fin-nofs." Dak qam u ħareġ fin-nofs.[Lq:6:9] U qalilhom Ġesù: "Ħa nistaqsikom ħaġa: X'jiswa nhar ta' Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?"[Lq:6:10] U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: "Midd idek." Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.[Lq:6:11] Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x'se jagħmlu b'Ġesù.

Ġesù jagħżel it-Tnax

[Lq:6:12] Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla.[Lq:6:13] Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli:[Lq:6:14] Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew,[Lq:6:15] Mattew, Tumas, Ġakbu ta' Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ,[Lq:6:16] Ġuda ta' Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar

[Lq:6:17] Mbagħad niżel magħhom u waqaf f'wita, flimkien ma' kotra kbira ta' dixxipli u folla kbira ta' nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta' Tir u Sidon.[Lq:6:18] Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq;[Lq:6:19] u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

Hena veru u hena qarrieq

[Lq:6:20] Ġesù rafa' għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:[Lq:6:21] Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.[Lq:6:22] Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.[Lq:6:23] Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.[Lq:6:24] Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.[Lq:6:25] Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.[Lq:6:26] Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

L-imħabba ta' l-għedewwa

[Lq:6:27] "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom,[Lq:6:28] bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom.[Lq:6:29] Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu.[Lq:6:30] Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.[Lq:6:31] Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.[Lq:6:32] Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.[Lq:6:33] U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.[Lq:6:34] U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista' jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.[Lq:6:35] Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma' l-ingrati u l-ħżiena.[Lq:6:36] Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Tiġġudikawx

[Lq:6:37] "Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;[Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f'ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom."[Lq:6:39] Qalilhom parabbola: "Jista' agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?[Lq:6:40] Id-dixxiplu m'huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.[Lq:6:41] Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int?[Lq:6:42] Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta m'intix tara t-travu li għandek f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

Is-siġra tingħaraf mill-frott

[Lq:6:43] "Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb.[Lq:6:44] Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.[Lq:6:45] Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.

Sisien tajba u sisien ħżiena

[Lq:6:46] "Għaliex issejjħuli, 'Mulej,' u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?[Lq:6:47] Kull min jiġi għandi u jisma' kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah.[Lq:6:48] Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb.[Lq:6:49] Iżda min jisma' kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar?"




7. Ġesù jfejjaq qaddej ta' ċenturjun

[Lq:7:1] Meta spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum.[Lq:7:2] U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar.[Lq:7:3] Iċ-ċenturjun sama' b'Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej.[Lq:7:4] Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b'ħerqa kbira u jgħidulu: "Jixraqlu li tagħmillu dan,[Lq:7:5] għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga."[Lq:7:6] Ġesù mar magħhom, u ma kienx 'il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma' xi ħbieb: "Sinjur, toqgħodx tinqala', għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi;[Lq:7:7] għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b'kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.[Lq:7:8] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, 'Mur,' u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja,' u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, 'Agħmel dan,' u jagħmlu."[Lq:7:9] Ġesù baqa' mistagħġeb bih meta sama' dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: "Ngħidilkom li anqas f'Iżrael ma sibt fidi bħal din?"[Lq:7:10] Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta' Najn mill-mewt

[Lq:7:11] Wara dan imbagħad mar f'belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta' nies.[Lq:7:12] Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta' nies mill-belt.[Lq:7:13] Kif raha l-Mulej tħassarha."Tibkix?" qalilha.[Lq:7:14] Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: "Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum?"[Lq:7:15] U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.[Lq:7:16] In-nies kollha tkexkxu bil-biża', u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Profeta kbir qam fostna?" u,"Alla żar il-poplu tiegħu."[Lq:7:17] U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.




Il-messaġġiera ta' Ġwanni l-Battista

[Lq:7:18] Id-dixxipli ta' Ġwanni marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn minnhom maġenbu,[Lq:7:19] u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?"[Lq:7:20] Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: "Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?"[Lq:7:21] Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl.[Lq:7:22] Mbagħad wieġeb u qalilhom: "Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar.[Lq:7:23] Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija?"[Lq:7:24] Xħin il-messaġġiera ta' Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?[Lq:7:25] Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom![Lq:7:26] Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta.[Lq:7:27] Dan hu li fuqu hemm miktub,[Lq:7:28] Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta' Alla hu akbar minnu."[Lq:7:29] Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta' Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta' Ġwanni.[Lq:7:30] Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta' Ġwanni.[Lq:7:31] "Ma' min, mela, se nxebbahhom in-nies ta' dan iż-żmien? Lil min jixbhu?[Lq:7:32] Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajjtu lil xulxin u jgħidu, 'Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta' niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!'[Lq:7:33] Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li 'għandu fih xitan'.[Lq:7:34] Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!'[Lq:7:35] Imma l-ulied ta' Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu."

Ġesù għand Xmun il-Fariżew

[Lq:7:36] Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.[Lq:7:37] Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ;[Lq:7:38] u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ.[Lq:7:39] Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba?"[Lq:7:40] Imma Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.""Għid, mgħallem?" qallu dak.[Lq:7:41] "Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin.[Lq:7:42] Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?"[Lq:7:43] Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.""Ħsibtha tajjeb?" qallu Ġesù.[Lq:7:44] Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha.[Lq:7:45] Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.[Lq:7:46] Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ.[Lq:7:47] Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb."[Lq:7:48] Mbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura."[Lq:7:49] Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?"[Lq:7:50] Iżda hu qal lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem."





8. In-nisa twajba li marru wara Ġesù

[Lq:8:1] Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax[Lq:8:2] u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta' Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten,[Lq:8:3] Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Il-parabbola taż-żerriegħ

[Lq:8:4] Nġemgħet kotra kbira ta' nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola:[Lq:8:5] "Wieħed bidwi ħareġ jiżra' ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar ta' l-ajru naqqruhom kollha.[Lq:8:6] Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx.[Lq:8:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.[Lq:8:8] Oħrajn waqgħu f'art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija." Kif qal dan, rafa' leħnu u qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'?"

L-iskop tal-parabboli

[Lq:8:9] Id-dixxipli tiegħu staqsewh x'kienet dik il-parabbola.[Lq:8:10] U hu qalilhom: "Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta' Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli,

Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ

[Lq:8:11] "Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta' Alla.[Lq:8:12] Dawk ta' matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw.[Lq:8:13] Dawk ta' fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu.[Lq:8:14] Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar 'il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx.[Lq:8:15] Imma dawk li jaqgħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b'qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

Il-parabbola tal-musbieħ

[Lq:8:16] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b'għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.[Lq:8:17] Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl.[Lq:8:18] Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu."

Omm Ġesù u ħutu

[Lq:8:19] Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla.[Lq:8:20] Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk."[Lq:8:21] Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmlu li jgħid Hu."

Ġesù jsikket it-tempesta

[Lq:8:22] Darba fost l-oħrajn tela' fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta' l-għadira." U qadfu 'l barra.[Lq:8:23] Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f'qagħda mwiegħra.[Lq:8:24] Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu?" Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma.[Lq:8:25] U qal lid-dixxipli: "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qabadhom il-biża', u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu?"

Fejqan ta' raġel bi spirtu mniġġes

[Lq:8:26] Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin li tiġi biswit il-Galilija.[Lq:8:27] Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan. Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb l-oqbra.[Lq:8:28] Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, nxteħet quddiemu u b'leħen qawwi qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok, taħqarnix?"[Lq:8:29] Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu mniġġes biex joħroġ minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan kien jimbuttah lejn id-deżert.[Lq:8:30] Ġesù staqsieh: "X'jismek?""Leġjun?" qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih.[Lq:8:31] U beda jitolbu biex ma jordnalhomx imorru fl-abbissi.[Lq:8:32] Mela kien hemm merħla kbira ta' ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom.[Lq:8:33] U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal ġo l-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet.[Lq:8:34] Ir-rgħajja, meta raw x'ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet.[Lq:8:35] In-nies ħarġu jaraw x'ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten sabuh bilqiegħda f'riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f'sikktu; u qabadhom il-biża'.[Lq:8:36] In-nies li raw x'ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq lil dak li kien maħkum mix-xitan.[Lq:8:37] Mbagħad in-nies kollha ta' l-inħawi ta' Gerasa bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża' kbir kien waqa' fuqhom. U hu tela' fuq id-dgħajsa u reġa' lura.[Lq:8:38] Ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa' miegħu, iżda hu bagħtu u qallu:[Lq:8:39] "Erġa' lura lejn id-dar u għarraf kull ma għamel Alla miegħek." Dak telaq u xandar mal-belt kollha kull ma kien għamel miegħu Ġesù.

Bint Ġajru mqajjma mill-mewt u l-mara mfejjqa

[Lq:8:40] Meta raġa' lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed jistennieh.[Lq:8:41] U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga, nxteħet f'riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu,[Lq:8:42] għax kienet qiegħda tmutlu bintu, tifla ta' xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha.[Lq:8:43] U kien hemm mara, li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha;[Lq:8:44] resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm waqfitilha.[Lq:8:45] U Ġesù qal: "Min messni?" Kulħadd ċaħad li kien messu, u Pietru qallu: "Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek."[Lq:8:46] Imma Ġesù qal: "Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni."[Lq:8:47] Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b'rogħda fuqha, nxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u kif fieqet minnufih.[Lq:8:48] U hu qalilha: "Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema."[Lq:8:49] Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u qallu: "Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem."[Lq:8:50] Iżda Ġesù, meta sama' dan, qal lill-kap: "Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq."[Lq:8:51] Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u 'l Ġwanni u 'l Ġakbu, u lil missier it-tifla u 'l ommha.[Lq:8:52] Kulħadd kien qiegħed jibkiha u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: "Tibkux, għax m'hijiex mejta, imma rieqd?".[Lq:8:53] U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet.[Lq:8:54] Imma hu qabdilha idha u b'leħen qawwi qalilha: "Tifla, qum?"[Lq:8:55] U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol.[Lq:8:56] Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd b'li ġara.




9. Il-missjoni tat-Tnax

[Lq:9:1] Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejjqu l-mard[Lq:9:2] U bagħathom ixandru s-Saltna ta' Alla u jfejjqu l-morda.[Lq:9:3] U qalilhom: "Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi.[Lq:9:4] Jekk tidħlu f'xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu.[Lq:9:5] Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma' riġlejkom bħala xhieda kontrihom."[Lq:9:6] Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejjqu l-morda kullimkien.



Erodi mħasseb

[Lq:9:7] Dawn il-ġrajja kollha waslu f'widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet,[Lq:9:8] waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi.[Lq:9:9] Iżda Erodi qal: "Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma' dan kollu?" U beda jfittex li jarah.

Ġesù jitma' ħamest elef

[Lq:9:10] L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x'kienu għamlu; mbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda.[Lq:9:11] Imma l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta' Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.[Lq:9:12] Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: "Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f'post imwarrab."[Lq:9:13] Iżda hu qalilhom: "Agħtuhom intom x'jieklu." Qalulu: "Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha?"[Lq:9:14] Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: "Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin."[Lq:9:15] Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda.[Lq:9:16] Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa' għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom lin-nies.[Lq:9:17] U kulħadd kiel u xaba' u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Pietru jistqarr il-fidi f'Ġesù

[Lq:9:18] Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: "Min jgħidu n-nies li jien?"[Lq:9:19] Huma weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi."[Lq:9:20] Qalilhom: "Imma intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija ta' Alla."

L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien

[Lq:9:21] Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b'dan.[Lq:9:22] U qalilhom: "Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum."[Lq:9:23] Darba qal lil kulħadd: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu kuljum, u jimxi warajja.[Lq:9:24] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.[Lq:9:25] Għax x'jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?[Lq:9:26] Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u ta' l-anġli mqaddsa.[Lq:9:27] Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta' Alla."

It-Trasfigurazzjoni

[Lq:9:28] Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u 'l Ġakbu, u tala' fuq il-muntanja biex jitlob.[Lq:9:29] U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex.[Lq:9:30] U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija,[Lq:9:31] li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta' ħajtu li kellu jseħħ f'Ġerusalemm.[Lq:9:32] Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajjmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.[Lq:9:33] Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Ma kienx jaf x'inhu jgħid.[Lq:9:34] Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba.[Lq:9:35] U minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu."[Lq:9:36] Malli nstama' l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan

[Lq:9:37] L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna nies.[Lq:9:38] U wieħed raġel mill-folla rafa' leħnu u qallu: "Mgħallem, nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi.[Lq:9:39] Ara, l-ispirtu jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu ma' l-art kollu ragħwa, u jħallih imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu.[Lq:9:40] Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux."[Lq:9:41] Wieġeb Ġesù u qal: "Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek hawn."[Lq:9:42] Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu ma' l-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġes, fejjaq lit-tifel, u raġa' tah lil missieru.[Lq:9:43] U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor li ma bħalu ta' Alla.

It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien

[Lq:9:44] "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin."[Lq:9:45] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla

[Lq:9:46] Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom.[Lq:9:47] Ġesù għaraf x'kellhom f'moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu,[Lq:9:48] u qalilhom: "Min jilqa' lil dan it-tifel żgħir minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir."


Min m'huwiex kontra tagħkom hu magħkom

[Lq:9:49] Qabeż Ġwanni u qallu: "Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f'ismek, u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna."[Lq:9:50] Imma Ġesù qallu: "La żżommuhx, għax min m'huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom."

Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù

[Lq:9:51] Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b'rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.[Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f'raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod.[Lq:9:53] Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm.[Lq:9:54] Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: "Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?"[Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom.[Lq:9:56] U marru f'raħal ieħor.

X'jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu

[Lq:9:57] Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: "Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk."[Lq:9:58] U qallu Ġesù: "Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta' l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu."[Lq:9:59] Lil wieħed ieħor qallu: "Imxi warajja." Iżda dak wieġbu: "Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri."[Lq:9:60] Iżda hu wieġbu: "Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta' Alla."[Lq:9:61] U ieħor ukoll qallu: "Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar."[Lq:9:62] Qallu Ġesù: "Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m'huwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla."



10. Il-missjoni tat-72 dixxiplu

[Lq:10:1] Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu.[Lq:10:2] U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.[Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.[Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.[Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.'[Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom.[Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.[Lq:10:8] F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom;[Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.'[Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu,[Lq:10:11] 'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.'[Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

Saħta fuq il-bliet li ma nidmux

[Lq:10:13] "Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied.[Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom.[Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet![Lq:10:16] Min jisma' lilkom ikun jisma' lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni."



It-72 jerġgħu lura għand Ġesù

[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek?"[Lq:10:18] U hu qalilhom: "Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema.[Lq:10:19] Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.[Lq:10:20] Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet."

Il-ferħ ta' Ġesù

[Lq:10:21] F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.[Lq:10:22] Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu."[Lq:10:23] Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: "Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom.[Lq:10:24] Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx?"

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb

[Lq:10:25] Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: "Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?"[Lq:10:26] Qallu Ġesù: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?"[Lq:10:27] U dak wieġeb: "Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek."[Lq:10:28] "Sewwa weġibt?" qallu Ġesù,"agħmel hekk u tgħix."[Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: "U l-proxxmu tiegħi min hu?"[Lq:10:30] U Ġesù raġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.[Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer.[Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer.[Lq:10:33] Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.[Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu[Lq:10:35] L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu,"Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.'[Lq:10:36] Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?"[Lq:10:37] "Min ħenn għalih?" wieġbu dak."Mur?" qallu Ġesù,"u agħmel hekk int ukoll."


Ġesù jżur lil Marta u Marija

[Lq:10:38] Huma u sejrin, daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta.[Lq:10:39] Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid.[Lq:10:40] Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi?"[Lq:10:41] Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ;[Lq:10:42] imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."




11. Tagħlim fuq it-talb

[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu."[Lq:11:2] U qalilhom: "Meta titolbu, għidu, 'Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.[Lq:11:3] Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum.[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.'?"[Lq:11:5] Qalilhom ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu, 'Ħabib, islifni tliet ħobżiet,[Lq:11:6] għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.'[Lq:11:7] U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.'[Lq:11:8] Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:[Lq:11:9] Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.[Lq:11:10] Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.[Lq:11:11] Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?[Lq:11:12] Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?[Lq:11:13] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu?"

Ġesù u Begħelżebul

[Lq:11:14] Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu.[Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: "Bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten."[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.[Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x'kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa' dar fuq oħra.[Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta' Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten.[Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta' min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.[Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla.[Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur.[Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu.[Lq:11:23] Min m'huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

L-ispirtu mniġġes iħabbat lill-bniedem

[Lq:11:24] "Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f'art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, 'Mela nerġa' lura lejn dari mnejn ħriġt.'[Lq:11:25] U x'ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f'postu.[Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta' qabel."

L-hena veru

[Lq:11:27] Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt?"[Lq:11:28] Iżda hu qalilha: "Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jħarsuha?"

Nisel ħażin irid sinjal

[Lq:11:29] Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: "Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta' Ġona.[Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta' Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel.[Lq:11:31] F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta' dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta' l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun![Lq:11:32] F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu ma' dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

Id-dawl tal-bniedem

[Lq:11:33] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl.[Lq:11:34] Il-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun mudlam.[Lq:11:35] Mela ara jekk id-dawl li għandek fik huwiex dlam![Lq:11:36] Jekk ġismek hu kollu mdawwal tajjeb u ma fih imkien mudlam, ikun jiddi kollu kemm hu bħal meta musbieħ idawwlek bid-dija tiegħu."

Ġesù jikkundanna lill-Fariżej u lill-għorrief tal-Liġi

[Lq:11:37] Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda.[Lq:11:38] Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skond ir-riti ta' qabel l-ikel.[Lq:11:39] U l-Mulej qallu: "U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen.[Lq:11:40] Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta' barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta' ġewwa?[Lq:11:41] Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.[Lq:11:42] Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta' ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta' Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra.[Lq:11:43] Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez.[Lq:11:44] Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom."[Lq:11:45] Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: "Mgħallem, b'dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll?"[Lq:11:46] Qallu Ġesù: "Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b'tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b'saba' wieħed ma tmissuhom.[Lq:11:47] Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom,[Lq:11:48] u b'hekk tagħtu xhieda ta' kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra.[Lq:11:49] Kien għalhekk li l-Għerf ta' Alla qal, 'Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.'[Lq:11:50] U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta' demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja,[Lq:11:51] ibda mid-demm ta' Abel sad-demm ta' Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont![Lq:11:52] Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta' l-għerf, biex mbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol?"[Lq:11:53] Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b'mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ[Lq:11:54] u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.




12. Twissija fuq il-wiċċ b'ieħor

[Lq:12:1] Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl- eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: "Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b'ieħor tagħhom.[Lq:12:2] Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf.[Lq:12:3] Għalhekk, kull ma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama' fid-dawl, u kull ma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta' ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.


Minn min għandkom tibżgħu

[Lq:12:4] "Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed.[Lq:12:5] Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu.[Lq:12:6] Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla.[Lq:12:7] U intom, sa x-xagħar ta' raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.



Id-dixxiplu jistqarr li hu ma' Ġesù

[Lq:12:8] "U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta' Alla.[Lq:12:9] Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta' Alla.[Lq:12:10] U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux.[Lq:12:11] Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x'sejrin tgħidu,[Lq:12:12] għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x'għandkom tgħidu."

Il-parabbola ta' l-għani iblah

[Lq:12:13] Xi ħadd mill-folla qallu: "Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi."[Lq:12:14] "Ħabib?" wieġbu Ġesù,"min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?"[Lq:12:15] Mbagħad qal lin-nies: "Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu."[Lq:12:16] U qalilhom parabbola: "Wieħed raġel għani ġabar kotra ta' frott mir-raba' tiegħu.[Lq:12:17] U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, 'X'se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu![Lq:12:18] Ara x'nagħmel,' qal, 'inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.[Lq:12:19] Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta' ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala?"[Lq:12:20] Iżda qallu Alla, 'Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta' min ikunu?'[Lq:12:21] Hekk jiġrilu min jiġma' l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla."




L-inkwiet u t-tħassib

[Lq:12:22] Mbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x'se tieklu, anqas għall-ġisem, x'se tilbsu.[Lq:12:23] Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies.[Lq:12:24] Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra' u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfa' , u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom![Lq:12:25] U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'jum wieħed?[Lq:12:26] Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija?[Lq:12:27] Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.[Lq:12:28] Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna?[Lq:12:29] Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x'se tieklu u x'se tixorbu, u xejn titħassbu;[Lq:12:30] dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom.[Lq:12:31] Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.

Teżori fis-sema

[Lq:12:32] "Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna![Lq:12:33] Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.[Lq:12:34] Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll."

Il-qaddejja li jishru

[Lq:12:35] "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;[Lq:12:36] kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.[Lq:12:37] Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.[Lq:12:38] U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma![Lq:12:39] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru.[Lq:12:40] Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem."

Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin

[Lq:12:41] "Mulej?" qallu Pietru,"din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?"[Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel?[Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.[Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh.[Lq:12:45] Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;[Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili.[Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla' .[Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

Firda minħabba Ġesù

[Lq:12:49] "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad![Lq:12:50] Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma dan iseħħ![Lq:12:51] Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;[Lq:12:52] għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;[Lq:12:53] jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha."

Iż-żmien jgħallem

[Lq:12:54] Lin-nies qalilhom ukoll: "Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri.[Lq:12:55] U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew.[Lq:12:56] Uċuħ b'oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta' issa kif ma tafux tfissruh?"

Irranġa ma' min jixlik

[Lq:12:57] "U għala ma tiġġudikawx intom stess x'inhu s-sewwa?[Lq:12:58] Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f'idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs;[Lq:12:59] għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba."

13. Jekk ma tindmux, tintilfu

[Lq:13:1] Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.[Lq:13:2] U Ġesù qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?[Lq:13:3] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.[Lq:13:4] Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm![Lq:13:5] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."

Is-siġra tat-tin bla frott

[Lq:13:6] U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.[Lq:13:7] Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd l-art?[Lq:13:8] Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.[Lq:13:9] Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.'?"

Il-mara mifluġa mfejjqa f'jum is-Sibt

[Lq:13:10] Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f'waħda mis-sinagogi.[Lq:13:11] U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista' tieqaf dritta għalkollox.[Lq:13:12] Kif raha Ġesù sejjħilha u qalilha: "Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek."[Lq:13:13] U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla.[Lq:13:14] Qabeż il-kap tas-sinagoga, b'saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f'jum is-Sibt, u qal lin-nies: "Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejjqu, u mhux is-Sibt?"[Lq:13:15] "Uċuħ b'oħra?" wieġbu l-Mulej,"Mhux kull wieħed minnkom f'jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih?[Lq:13:16] U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?"[Lq:13:17] Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.

Il-parabbola tal-mustarda u tal-ħmira

[Lq:13:18] Mela qal: "Lil xiex tixbah is-Saltna ta' Alla, u ma' xiex se nxebbhuha?[Lq:13:19] Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar ta' l-ajru marru jbejjtu fil-friegħi tagħha."[Lq:13:20] U reġa' qalilhom: "Ma' xiex se nxebbahha s-Saltna ta' Alla?[Lq:13:21] Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha."

Il-bieb id-dejjaq

[Lq:13:22] Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f'xi bliet u rħula.[Lq:13:23] U kien hemm wieħed qallu: "Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?" U huwa weġibhom:[Lq:13:24] "Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.[Lq:13:25] Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, 'Mulej, iftħilna.' Iżda hu jweġibkom u jgħid, 'Ma nafx mnejn intom.'[Lq:13:26] Mbagħad taqbdu tgħidulu, 'Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.'[Lq:13:27] Hu jwieġeb u jgħidilkom, 'Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m'hux sewwa!'[Lq:13:28] Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta' Alla, u intom imkeċċija 'l barra.[Lq:13:29] U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta' Alla.[Lq:13:30] U araw, hawn min hu ta' l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu ta' l-ewwel u għad ikun l-aħħar."

Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm

[Lq:13:31] Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: "Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok."[Lq:13:32] U hu qalilhom: "Morru għidulu lil dak il-volpi, 'Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi.[Lq:13:33] Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm.[Lq:13:34] Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx![Lq:13:35] Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m'intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, 'Mbierek min ġej f'isem il-Mulej!'?"




14. Ġesù jfejjaq raġel marid

[Lq:14:1] Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih.[Lq:14:2] U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma.[Lq:14:3] Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u lill-Fariżej; qalilhom: "Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f'jum is-Sibt?"[Lq:14:4] Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejjqu u bagħtu.[Lq:14:5] Mbagħad qalilhom: "Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f'ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?"[Lq:14:6] U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.


Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden

[Lq:14:7] Billi ra b'għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta' quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola:[Lq:14:8] "Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta' tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta' quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek,[Lq:14:9] u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, 'Agħti l-post lil dan', u int imbagħad, b'regħxa ta' mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post ta' l-aħħar.[Lq:14:10] Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post ta' l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, 'Ħabib, itla f'post aktar 'il fuq.' U dan ikun ta' ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek.[Lq:14:11] Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar."[Lq:14:12] Mbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: "Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom.[Lq:14:13] Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja,[Lq:14:14] u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja?"

Il-parabbola tal-pranzu

[Lq:14:15] Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: "Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta' Alla?"[Lq:14:16] Iżda hu wieġeb: "Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies.[Lq:14:17] Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, 'Ejjew, għax ġa lest kollox.'[Lq:14:18] Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, 'Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.'[Lq:14:19] Ieħor qallu, 'Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x'jagħtu; nitolbok tagħdirni.'[Lq:14:20] Ieħor qallu, 'Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.'[Lq:14:21] Il-qaddej raġa' lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b'korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, 'Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop.'[Lq:14:22] Il-qaddej imbagħad qallu, 'Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa'.'[Lq:14:23] 'Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,' qal is-sid lill-qaddej, 'u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela.[Lq:14:24] Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.'?"

X'jeħtieġ biex tkun dixxiplu

[Lq:14:25] Kotra kbira ta' nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom:[Lq:14:26] "Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u 'l ommu u lil martu u lil uliedu, 'l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.[Lq:14:27] Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.[Lq:14:28] "Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?[Lq:14:29] Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista' jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt[Lq:14:30] u jgħid, 'Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.'[Lq:14:31] Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b'għaxart elef raġel iħabbatha ma' min ġej għalih b'għoxrin elf ruħ?[Lq:14:32] Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu 'l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.[Lq:14:33] Hekk ukoll ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.[Lq:14:34] "Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu t-togħma tiegħu?[Lq:14:35] U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel; jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'?"

Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa

[Lq:15:1] Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom?"[Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:[Lq:15:4] "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?[Lq:15:5] U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh,[Lq:15:6] imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.'[Lq:15:7] Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta' ndiema.

15. Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa

[Lq:15:8] "Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa' tfittex bil-għaqal sa ma ssibha![Lq:15:9] U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.'[Lq:15:10] Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta' Alla għal midneb wieħed li jindem."

Il-parabbola ta' l-iben il-ħali

[Lq:15:11] Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.[Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid.[Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra.[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.[Lq:15:15] U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer.[Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.[Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ![Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;[Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.'[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.[Lq:15:21] 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.'[Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh![Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,[Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.[Lq:15:25] "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin.[Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien.[Lq:15:27] 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.'[Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.[Lq:15:29] 'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi![Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!'[Lq:15:31] 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.[Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.'?"




16.L-amministratur moħħu jilħaqlu

[Lq:16:1] Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: "Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.[Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, 'Dan x'inhu li qiegħed nisma' fuqek? Agħtini kont ta' l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa' iżjed amministratur tiegħi.'[Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, 'Issa x'sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi.[Lq:16:4] Naf x'nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.'[Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. 'Kemm għandek tagħtih lil sidi?' staqsa lill-ewwel wieħed.[Lq:16:6] 'Mitt barmil żejt,' wieġbu dak. 'Oħroġ il-karti tiegħek,' qallu l-amministratur, 'oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.'[Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, 'U int, kemm għandek tagħti?' 'Mitt xkora qamħ,' wieġbu. Qallu, 'Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.'[Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b'rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma' min hu tal-qatgħa tagħhom.[Lq:16:9] U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta' qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta' dejjem.[Lq:16:10] Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna.[Lq:16:11] Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?[Lq:16:12] U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom?[Lq:16:13] Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus."

Tagħlim fuq is-Saltna ta'Alla

[Lq:16:14] Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih.[Lq:16:15] Iżda hu qalilhom: "Intom dawk li tagħmluha ta' nies sewwa f'għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f'għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah.[Lq:16:16] Sa żmien Ġwanni kien hawn il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni 'l hawn qiegħda tixxandar is-Saltna ta' Alla, u kulħadd qiegħed jitħabat bis-sħiħ għaliha.[Lq:16:17] Hu aktar ħafif li jgħaddu s-sema u l-art milli taqa' tikka waħda mil-Liġi.[Lq:16:18] "Kull min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn żewġha jagħmel adulterju."


Il-parabbola ta' l-għani u Lazzru

[Lq:16:19] "Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar.[Lq:16:20] U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta' daru,[Lq:16:21] bix-xewqa li jixba' b'dak li jaqa' mill-mejda ta' l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.[Lq:16:22] Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh.[Lq:16:23] Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f'Art l-Imwiet, rafa' ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b'Lazzru fi ħdanu.[Lq:16:24] U għolla leħnu u qallu, 'Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f' dan in-nar.'[Lq:16:25] 'Ibni,' qallu Abraham, 'ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f'ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f'ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.[Lq:16:26] Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista' , u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.'[Lq:16:27] Qallu l-għani, 'Mela nitolbok, missier, ibagħtu f'dar missieri,[Lq:16:28] għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f'dan il-post ta' tbatijiet ħorox!'[Lq:16:29] Qallu Abraham, 'Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.'[Lq:16:30] 'Le, missier Abraham,' qallu dak, 'imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.'[Lq:16:31] Iżda wieġbu Abraham, 'Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.'?"







17. Twissijiet ta' Ġesù

[Lq:17:1] Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom![Lq:17:2] Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.[Lq:17:3] Oqogħdu attenti!"Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu.[Lq:17:4] U jekk jonqsok seba' darbiet f'ġurnata, u jdur lejk seba' darbiet u jgħidlek, 'Jisgħobbija,' aħfirlu."[Lq:17:5] L-appostli qalu lill-Mulej: "Kattar fina l-fidi."[Lq:17:6] Weġibhom il-Mulej: "Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, 'Inqala' u mur tħawwel fil-baħar,' u hi kienet tisma' minnkom.[Lq:17:7] "Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x'se jgħidlu? 'Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel'?[Lq:17:8] jew, 'Lestili x'niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int'?[Lq:17:9] Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?[Lq:17:10] Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, 'Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.'?"

Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi

[Lq:17:11] Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.[Lq:17:12] Kif kien dieħel f'raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu 'l bogħod minnu,[Lq:17:13] għollew leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna?"[Lq:17:14] Kif rahom, qalilhom: "Morru uru rwieħkom lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.[Lq:17:15] Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa' lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla,[Lq:17:16] nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan.[Lq:17:17] U Ġesù qabad u qal: "M'hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra?[Lq:17:18] Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?"[Lq:17:19] Mbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."




Il-miġja tas-Saltna ta' Alla

[Lq:17:20] Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta' Alla, u hu weġibhom: "Is-Saltna ta' Alla ma tiġix b'sinjali li jidhru;[Lq:17:21] lanqas ħadd ma hu se jgħid, 'Arawha, hawn,' jew, 'Hemm', għax araw, is-Saltna ta' Alla fostkom qiegħda."[Lq:17:22] Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx.[Lq:17:23] U jgħidulkom, 'Arawh, hawn hu,' jew, 'Arawh, hemm hu!' Tmorrux, tiġrux warajhom.[Lq:17:24] Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu.[Lq:17:25] Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.[Lq:17:26] "U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem.[Lq:17:27] Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; mbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.[Lq:17:28] L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawwlu, jibnu,[Lq:17:29] imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta' nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll.[Lq:17:30] Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.[Lq:17:31] F'dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba', iqis li ma jerġax lura.[Lq:17:32] Ftakru fil-mara ta' Lot![Lq:17:33] "Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha.[Lq:17:34] Ngħidilkom li, f'dak il-lejl, tnejn ikunu f'sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla;[Lq:17:35] żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla."[Lq:17:37] Qalulu: "Fejn, Mulej?" U hu weġibhom: "Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru."






18. Il-parabbola ta' l-imħallef u l-armla

[Lq:18:1] Mbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.[Lq:18:2] Qalilhom: "Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd.[Lq:18:3] F'dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.'[Lq:18:4] Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies,[Lq:18:5] imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.'?"[Lq:18:6] U l-Mulej qal: "Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin.[Lq:18:7] Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?[Lq:18:8] Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?"

Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan

[Lq:18:9] Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:[Lq:18:10] "Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.[Lq:18:11] Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li m'iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.[Lq:18:12] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta' kull ma ndaħħal.'[Lq:18:13] Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa' għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: 'O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!'[Lq:18:14] Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar."



Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar

[Lq:18:15] Ġibulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajjtu magħhom.[Lq:18:16] Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla.[Lq:18:17] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha."

Il-kap li kien għani

[Lq:18:18] Wieħed kap staqsieh u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?"[Lq:18:19] "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù,"Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu.[Lq:18:20] Inti l-kmandamenti tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u 'l ommok."[Lq:18:21] Dak qallu: "Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti."[Lq:18:22] Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: mbagħad ejja u imxi warajja."[Lq:18:23] Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.[Lq:18:24] Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla![Lq:18:25] Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla?"[Lq:18:26] Dawk li semgħuh qalulu: "Mela min jista' jsalva?"[Lq:18:27] Iżda hu weġibhom: "Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista' jkun."[Lq:18:28] Qallu Pietru: "Tajjeb! Aħna ħallejna kull ma kellna u ġejna warajk."[Lq:18:29] Ġesù qalilhom: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba s-Saltna ta' Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri tagħhom jew 'l uliedhom,[Lq:18:30] ma hemm ħadd fosthom li f'din id-dinja stess ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej."

It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien

[Lq:18:31] Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: "Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u jseħħ kull ma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem.[Lq:18:32] Għax se jagħtuh f'idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu,[Lq:18:33] jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet."[Lq:18:34] Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa' mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.

Ġesù jfejjaq l-agħma ta' Ġeriko

[Lq:18:35] Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità.[Lq:18:36] Dan sama' l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x'ġara.[Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret.[Lq:18:38] Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni?"[Lq:18:39] Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni?"[Lq:18:40] Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh:[Lq:18:41] "Xi tridni nagħmillek?""Li nara, Mulej?" wieġbu dak.[Lq:18:42] U Ġesù qallu: "Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek."[Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.




19. Ġesù u Żakkew

[Lq:19:1] Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq.[Lq:19:2] Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.[Lq:19:3] Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir.[Lq:19:4] Għalhekk mar jiġri 'l quddiem u xxabbat ma' siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.[Lq:19:5] Ġesù, kif wasal hemm, ħares 'il fuq u qallu: "Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek."[Lq:19:6] Dak niżel bla telf ta' żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu.[Lq:19:7] In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.[Lq:19:8] Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: "Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b'xi ħadd inroddlu għal erba' darbiet iżjed."[Lq:19:9] Qallu Ġesù: "F'din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.[Lq:19:10] Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf."

Il-parabbola ta' l-għaxar miniet

[Lq:19:11] Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta' Alla kienet se tidher minnufih.[Lq:19:12] Mela qal: "Wieħed raġel nobbli siefer f'pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa' lura.[Lq:19:13] Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: 'Ħaddmuhom, sa ma nerġa' niġi.'[Lq:19:14] Issa n-nies ta' pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, 'Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.'[Lq:19:15] Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa' lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x'qalgħu.[Lq:19:16] Resaq l-ewwel wieħed u qallu, 'Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.'[Lq:19:17] Qallu, 'Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f'ħaġa tassew żgħira, ħu f'idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.'[Lq:19:18] Ġie t-tieni wieħed u qallu, 'Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.'[Lq:19:19] Lil dan ukoll qallu, 'U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.'[Lq:19:20] U ġie ieħor u qallu, 'Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f'maktur.[Lq:19:21] Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.'[Lq:19:22] Qallu, 'Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, nfittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx.[Lq:19:23] Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?'[Lq:19:24] Mbagħad qal lil ta' madwaru, 'Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.'[Lq:19:25] 'Imma, sinjur,' qalulu, 'għandu għaxar miniet!'[Lq:19:26] 'Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.[Lq:19:27] Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.'?"

Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm

[Lq:19:28] Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela' lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.[Lq:19:29] U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu[Lq:19:30] u qalilhom: "Morru fir-raħal ta' biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh.[Lq:19:31] Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu."[Lq:19:32] Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom.[Lq:19:33] Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: "Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?"[Lq:19:34] U huma wieġbu: "Għax il-Mulej jeħtieġu."[Lq:19:35] Mbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu.[Lq:19:36] Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq.[Lq:19:37] Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta' l-Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b'għajat ta' ferħ u b'leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw,[Lq:19:38] u bdew jgħidu:[Lq:19:39] Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: "Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek?"[Lq:19:40] Iżda hu weġibhom u qal: "Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel."[Lq:19:41] Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha[Lq:19:42] u jgħid: "M'hux li għaraft imqar int ukoll f'dan il-jum x'inhu ta' ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk![Lq:19:43] Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b'rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa;[Lq:19:44] u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek?"


Il-qdusija tat-tempju

[Lq:19:45] Mbagħad daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi 'l barra l-bejjiegħa[Lq:19:46] u jgħidilhom: "Hemm miktub,[Lq:19:47] U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh;[Lq:19:48] iżda ma kinux jafu x'jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.




20. Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù

[Lq:20:1] Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-tempju u jxandar l-Evanġelju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ[Lq:20:2] u staqsewh u qalulu: "Għidilna, int b'liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?"[Lq:20:3] Hu weġibhom u qal: "Ħa nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli,[Lq:20:4] il-magħmudija ta' Ġwanni kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?"[Lq:20:5] Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema,' jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintuhx?'[Lq:20:6] U jekk ngħidulu, 'Mill-bnedmin,' il-poplu kollu jħaġġarna?" Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta.[Lq:20:7] Għalhekk weġbuh li ma kinux jafu minn fejn.[Lq:20:8] U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."

Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa

[Lq:20:9] Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: "Kien hemm raġel li ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f'art oħra.[Lq:20:10] Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh is-sehem li kien imissu mill-frott ta' l-għalqa. Iżda l-bdiewa sawwtuh u reġgħu bagħtuh lura idu f'idu.[Lq:20:11] Għal darb'oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma lil dan ukoll darbuh u xeħtuh 'il barra idu f'idu.[Lq:20:12] Għat-tielet darba bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh 'il barra.[Lq:20:13] 'X'naqbad nagħmel?' qal sid l-għalqa; 'ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż; nittama li minn dan jistħu'.[Lq:20:14] Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu bejniethom u jgħidu lil xulxin: 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu jaqa' fuqna.'[Lq:20:15] U xeħtuh 'il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh. Issa x'jagħmlilhom sid l-għalqa?[Lq:20:16] Jiġi u jeqred lil dawk il-bdiewa, u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil ħaddieħor.""Ma jkun qatt?" qalulu meta semgħuh jgħid hekk.[Lq:20:17] Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Mela xi jfisser dak li hemm miktub,[Lq:20:18] Min jaqa' fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa' tgħaffġu taħtha."[Lq:20:19] Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom.

It-taxxi lil Ċesari

[Lq:20:20] Mbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f'xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh f'idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità.[Lq:20:21] Dawk staqsewh u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi.[Lq:20:22] Sewwa jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?"[Lq:20:23] Iżda hu ntebaħ bil-ħażen tagħhom u qalilhom:[Lq:20:24] "Uruni dinar. Il-wiċċ u l-kitba ta' min huma?" Qalulu: "Ta' Ċesari."[Lq:20:25] Mbagħad qalilhom: "U mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla."[Lq:20:26] U hekk ma seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.

Il-qawmien mill-imwiet

[Lq:20:27] Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:[Lq:20:28] "Mgħallem?" qalulu,"Mosè ħallielna miktub, 'Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.'[Lq:20:29] Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.[Lq:20:30] It-tieni wieħed,[Lq:20:31] u mbagħad it-tielet, f'kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.[Lq:20:32] Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.[Lq:20:33] Issa din, fil-qawmien ta' l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha."[Lq:20:34] Weġibhom Ġesù: "Il-bnedmin f'din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu;[Lq:20:35] imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu.[Lq:20:36] Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.[Lq:20:37] U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta' l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb.[Lq:20:38] Issa hu m'huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix."[Lq:20:39] Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: "Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid."[Lq:20:40] Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.

Mistoqsija dwar Bin David

[Lq:20:41] Mbagħad qalilhom: "Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin David?[Lq:20:42] Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi,[Lq:20:43] sa ma nkun qegħedt l-għedewwa[Lq:20:44] Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?"

Ġesù jikkundanna l-kittieba

[Lq:20:45] Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma' , Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:[Lq:20:46] "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet,[Lq:20:47] iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa."

21. L-offerta ta' l-armla

[Lq:21:1] Rafa' għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju.[Lq:21:2] U ra wkoll waħda armla fqira titfa' biċċtejn żgħar tal-flus,[Lq:21:3] u qal: "Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll.[Lq:21:4] Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix."

Il-qerda tat-Tempju u l-persekuzzjonijiet

[Lq:21:5] Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b'ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:[Lq:21:6] "Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx."[Lq:21:7] U huma staqsewh u qalulu: "Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?"[Lq:21:8] Qalilhom: "Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu,' u, 'Iż-żmien wasal.' Tmorrux warajhom![Lq:21:9] Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih."[Lq:21:10] Mbagħad qalilhom: "Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,[Lq:21:11] l-art titheżheż bil-kbir, f'ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża' u sinjali ta' l-għaġeb.[Lq:21:12] Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f'idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f'ismi.[Lq:21:13] Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.[Lq:21:14] U żommu sewwa f'moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,[Lq:21:15] għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista' jiqaflu jew imerih.[Lq:21:16] U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,[Lq:21:17] u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi.[Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.[Lq:21:19] Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!

Ġesù jħabbar il-qerda ta' Ġerusalemm

[Lq:21:20] "Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet.[Lq:21:21] Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba';[Lq:21:22] għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kull ma hemm miktub.[Lq:21:23] Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa' fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu.[Lq:21:24] In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa' tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

Il-miġja ta' Bin il-bniedem

[Lq:21:25] "U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b'qalbhom ittaqtaq, ma jafux x'jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta' l-imwieġ;[Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża' billi jobsru x'ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.[Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b'qawwa u glorja kbira.[Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib."

Tagħlima mis-siġra tat-tin

[Lq:21:29] U qalilhom parabbola: "Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra.[Lq:21:30] Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib.[Lq:21:31] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta' Alla hi fil-qrib.[Lq:21:32] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu.[Lq:21:33] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

Ishru

[Lq:21:34] "Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.[Lq:21:35] Għax hu Jum li għad jaqa' bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.[Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem."[Lq:21:37] Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda fil-għaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk.[Lq:21:38] Fil-għodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-tempju biex jisimgħu.




22.Ftehim kontra Ġesù

[Lq:22:1] Kienet riesqa l-festa ta' l-Ażżmi, jiġifieri l-Għid.[Lq:22:2] Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu l-mod kif joqtlu lil Ġesù.[Lq:22:3] Imma x-Xitan daħal f'Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax,[Lq:22:4] u dan mar jiftiehem mal-qassisin il-kbar u l-uffiċjali tat-tempju dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.[Lq:22:5] Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus.[Lq:22:6] U hu tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom bil-moħbi tal-poplu.




Ġesù jħejji għall-ikla ta' l-Għid

[Lq:22:7] U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid.[Lq:22:8] Ġesù bagħat lil Pietru u 'l Ġwanni u qalilhom: "Morru ħejjulna l-ikla ta' l-Għid ħalli nieklu l-ħaruf."[Lq:22:9] "Fejn tridna nħejju?" staqsewh.[Lq:22:10] "Araw?" qalilhom: "Intom u deħlin il-belt jiltaqa' magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol,[Lq:22:11] u għidu lil sid dik id-dar: 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra ta' l-ikel li fiha nista' niekol l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli tiegħi?'[Lq:22:12] U dak jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b'kollox. Ħejju hemmhekk."[Lq:22:13] Marru, u sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla ta' l-Għid.

It-twaqqif ta' l-Ewkaristija

[Lq:22:14] Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien ma' l-appostli.[Lq:22:15] U Ġesù qalilhom: "Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta' l-Għid magħkom qabel ma nbati![Lq:22:16] Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m'iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta' Alla."[Lq:22:17] U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: "Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom.[Lq:22:18] Għaliex, ngħidilkom, minn issa 'l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta' Alla."[Lq:22:19] Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi."[Lq:22:20] Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, id-demm li jixxerred għalikom.[Lq:22:21] Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda.[Lq:22:22] Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih?"[Lq:22:23] Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.



Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla

[Lq:22:24] Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed.[Lq:22:25] Imma hu qalilhom: "Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi.[Lq:22:26] Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta' l-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta' qaddej.[Lq:22:27] Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M'hux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta' qaddej.[Lq:22:28] Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi;[Lq:22:29] u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom,[Lq:22:30] biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f'saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta' Iżrael.

It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru

[Lq:22:31] "Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f'idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ;[Lq:22:32] imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek."[Lq:22:33] Qallu Xmun: "Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll."[Lq:22:34] Imma Ġesù qallu: "Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni?"

Twissija ta' Ġesù

[Lq:22:35] Mbagħad qalilhom: "Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq?""Ma naqasna xejn?" weġbuh.[Lq:22:36] "Imma issa?" qalilhom,"min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta' fuqu u jixtri wieħed.[Lq:22:37] Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, 'li kien magħdud mal-ħżiena'. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ."[Lq:22:38] "Mulej?" qalulu,"ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk.""Biżżejjed?" qalilhom.

Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ

[Lq:22:39] Mbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu.[Lq:22:40] Kif wasal hemmhekk qalilhom: "Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib."[Lq:22:41] Mbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta' ġebla, u nxteħet għarkubbtejh jitlob[Lq:22:42] u jgħid: "Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi."[Lq:22:43] Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb,[Lq:22:44] imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b'ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art.[Lq:22:45] Mbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta' qalb.[Lq:22:46] "Kif?" qalilhom"Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib?"

Ġesù ttradut u arrestat

[Lq:22:47] Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu.[Lq:22:48] Imma Ġesù qallu: "Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?"[Lq:22:49] Dawk ta' madwaru, meta raw x'kien ġej, qalulu: "Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?"[Lq:22:50] U wieħed minnhom ta daqqa ta' sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija.[Lq:22:51] Imma Ġesù qal: "Ieqfu! Biżżejjed?" U messlu widintu u fejjqu.[Lq:22:52] Mbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten![Lq:22:53] Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet?"


Pietru jiċħad lil Ġesù

[Lq:22:54] Mbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa' miexi warajhom mill-bogħod.[Lq:22:55] Meta mbagħad qabbdu n-nar f'nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f'nofshom.[Lq:22:56] Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: "Dan ukoll kien miegħu?"[Lq:22:57] Iżda hu ċaħad u qalilha: "Mara, anqas biss nafu?"[Lq:22:58] Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: "Int ukoll wieħed minnhom." Imma Pietru wieġbu: "Le, sieħeb, m'iniex?"[Lq:22:59] Għaddiet xi siegħa u raġa' kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija."[Lq:22:60] Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid, sieħeb." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden.[Lq:22:61] U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.'[Lq:22:62] U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma.

Ġesù mżeblaħ u msawwat

[Lq:22:63] L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawwtuh,[Lq:22:64] u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: "Aqta' min tahielek din id-daqqa?"[Lq:22:65] U qagħdu jgħajjruh b'ħafna kliem ieħor.

Ġesù quddiem is-Sinedriju

[Lq:22:66] Meta sebaħ, ltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom.[Lq:22:67] U qalulu: "Jekk inti l-Messija, għidilna." Iżda hu weġibhom: "Jekk ngħidilkom, ma temmnux;[Lq:22:68] jekk nistaqsikom, ma tweġbux.[Lq:22:69] Imma minn issa 'l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta' Alla li jista' kollox."[Lq:22:70] U lkoll qalulu: "Inti mela l-Iben ta' Alla?""Intom stess qegħdin tgħiduh?" qalilhom,"Iva, jien."[Lq:22:71] "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda?" qalu huma,"Għax smajnieha aħna minn fommu stess?"




23. Ġesù quddiem Pilatu

[Lq:23:1] Mbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu.[Lq:23:2] U bdew jakkużawh u jgħidu: "Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li m'huwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan."[Lq:23:3] Pilatu staqsieh u qallu: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġbu: "Inti qiegħed tgħidu."[Lq:23:4] Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: "Ebda ħtija ma nsib f'dan il-bniedem."[Lq:23:5] Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: "Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess."

Ġesù quddiem Erodi

[Lq:23:6] Kif sama' dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija,[Lq:23:7] u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f'dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm.[Lq:23:8] Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama' fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal.[Lq:23:9] U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn.[Lq:23:10] Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b'saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh.[Lq:23:11] Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta' kulur ilellex u raġa' bagħtu quddiem Pilatu.[Lq:23:12] Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.

Ġesù kkundannat għall-mewt

[Lq:23:13] Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu.[Lq:23:14] u qalilhom: "Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih.[Lq:23:15] U anqas Erodi ma sab, għax raġa' bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.[Lq:23:16] Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu."[Lq:23:18] Iżda huma qabdu jgħajjtu lkoll f'daqqa: "Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna 'l Barabba?"[Lq:23:19] Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel.[Lq:23:20] Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa' kellimhom;[Lq:23:21] iżda huma qabdu jgħajjtu aktar minnu u jgħidu: "Sallbu! Sallbu?"[Lq:23:22] Għat-tielet darba qalilhom: "Imma dan x'għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu."[Lq:23:23] Iżda huma b'ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom.[Lq:23:24] Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma.[Lq:23:25] Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.

Ġesù msallab

[Lq:23:26] Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.[Lq:23:27] Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.[Lq:23:28] Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.[Lq:23:29] Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'![Lq:23:30] Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!'[Lq:23:31] Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"[Lq:23:32] Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu.[Lq:23:33] Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.[Lq:23:34] U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu." Mbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.[Lq:23:35] Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla?"[Lq:23:36] Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares[Lq:23:37] u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek?"[Lq:23:38] Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan tal-Lhud.'[Lq:23:39] Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: "Int m'intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna."[Lq:23:40] Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: "Anqas minn Alla int ma tibża' , int li qiegħed taħt l-istess kundanna?[Lq:23:41] Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta' kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin."[Lq:23:42] Mbagħad qal: "Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek."[Lq:23:43] U Ġesù wieġbu: "Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."

Il-mewt ta' Ġesù

[Lq:23:44] Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa,[Lq:23:45] għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs.[Lq:23:46] Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: "Missier, f'idejk jien nerħi ruħi." U kif qal hekk, ħarġet ruħu.[Lq:23:47] Iċ-ċenturjun, meta ra x'ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: "Tassew li dan bniedem ġust?"[Lq:23:48] U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom.[Lq:23:49] Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.




Id-difna ta' Ġesù

[Lq:23:50] U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust,[Lq:23:51] li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f'dak li riedu u f'dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta' Alla.[Lq:23:52] Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù;[Lq:23:53] niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd.[Lq:23:54] Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda.[Lq:23:55] In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru;[Lq:23:56] mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond il-preċett tal-Liġi.




24. Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet

[Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.[Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,[Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.[Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.[Lq:24:5] In-nisa, mimlijin bil-biża' , baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?[Lq:24:6] M'huwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,[Lq:24:7] meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet."[Lq:24:8] U huma ftakru kliemu.[Lq:24:9] Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.[Lq:24:10] Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli.[Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx.[Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.

Fit-triq ta' Għemmaws

[Lq:24:13] Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,[Lq:24:14] jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara.[Lq:24:15] Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom.[Lq:24:16] Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.[Lq:24:17] U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom.[Lq:24:18] Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?"[Lq:24:19] "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu,[Lq:24:20] kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.[Lq:24:21] Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja![Lq:24:22] Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar[Lq:24:23] u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.[Lq:24:24] Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx?"[Lq:24:25] Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti![Lq:24:26] U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?"[Lq:24:27] U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.[Lq:24:28] Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod.[Lq:24:29] Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom.[Lq:24:30] U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.[Lq:24:31] Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.[Lq:24:32] U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?"[Lq:24:33] Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien,[Lq:24:34] u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun?"[Lq:24:35] U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu

[Lq:24:36] Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Is-sliem għalikom?"[Lq:24:37] Huma twerwru bil-biża' għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.[Lq:24:38] Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f'qalbkom?[Lq:24:39] Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien."[Lq:24:40] Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.[Lq:24:41] Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa ta' l-ikel hawn?"[Lq:24:42] Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija,[Lq:24:43] u hu ħadha u kielha quddiemhom.[Lq:24:44] Mbagħad qalilhom: "Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, 'Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta' Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.'?"[Lq:24:45] Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.[Lq:24:46] U qalilhom: "Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,[Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.[Lq:24:48] Intom xhud ta' dan.[Lq:24:49] U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu."


It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema

[Lq:24:50] Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa' idejh u berikhom.[Lq:24:51] U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.[Lq:24:52] Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b'ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,[Lq:24:53] u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.





########################################################################

No comments: