Thursday 15 January 2009

IL-KTIEB TAS-SALMI



1. L-hena veru tal-bniedem

(S:1:1) Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
(S:1:2) imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.
(S:1:3) Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.
(S:1:4) Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk; iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
(S:1:5) Għalhekk il-ħżiena ma jifilħux għall-ħaqq, ma joqogħdux il-ħatja fil-ġemgħat tat-tajbin.
(S:1:6) Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha; imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.


2. Is-saltna universali tal-Messija

(S:2:1) Għaliex jixxewwxu l-ġnus, u l-popli jreddnu għal xejn?
(S:2:2) Is-slaten ta' l-art iqumu, u l-kbarat jiftiehmu bejniethom kontra
l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
(S:2:3) "Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom?"
(S:2:4) Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.
(S:2:5) Mbagħad ikellimhom bil-herra, bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
(S:2:6) "Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi?"
(S:2:7) Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej; hu qalli: "Ibni int, jien illum nissiltek.
(S:2:8) Itlobni, u l-ġnus nagħtik b'wirtek, u truf l-art bi priża tiegħek.
(S:2:9) B'virġa tal-ħadid int tkissirhom, bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.
" (S:2:10) U issa, slaten, ifhmu sewwa; twiddbu, intom li taħkmu l-art.
(S:2:11) Aqdu lill-Mulej bil-biża', u bir-rogħda riġlejh busu,
(S:2:12) li ma jagħdabx u intom tinqerdu, għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu. Hienja dawk kollha li jistkennu fih!


3. Tama fit-tiġrib

(S:3:1) Salm ta' David, meta ħarab minn quddiem ibnu Absalom.
(S:3:2) Kemm kotru, Mulej, l-għedewwa tiegħi! Ħafna huma dawk li qamu għalija;
(S:3:3) ħafna huma dawk li jgħidu fuqi: "M'hemmx salvazzjoni għalih f'Alla?"
(S:3:4) Imm'int, Mulej, tarka madwari, inti l-ġieħ tiegħi, int terfagħli rasi.
(S:3:5) Jien b'leħen għoli l-Mulej insejjaħ; hu jweġibni mill-għolja mqaddsa tiegħu.
(S:3:6) Immur nimtedd u norqod, u nqum, għax il-Mulej iżommni.
(S:3:7) Ma nibżax minn poplu sħiħ li jinġema' madwari kontrija.
(S:3:8) Qum, Mulej, salvani, Alla tiegħi! Int tajt bil-ħarta lill-għedewwa tiegħi kollha, lill-ħżiena kissirtilhom snienhom.
(S:3:9) Tiegħek, Mulej, ir-rebħa; il-barka tiegħek fuq il-poplu tiegħek.


4. L-hena tat-tama f'Alla

(S:4:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Salm ta' David.
(S:4:2) Weġibni, meta nsejjaħlek, Alla tal-ġustizzja tiegħi; oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq, ħenn għalija u isma' talbi.
(S:4:3) Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu qalbkom? Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?
(S:4:4) Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.
(S:4:5) Triegħdu bil-biża', u la tidinbux; aħsbu f'qalbkom billejl, u isktu!
(S:4:6) Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, u ittamaw fil-Mulej.
(S:4:7) Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?" Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.
(S:4:8) Int nissilt l-hena f'qalbi, aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.
(S:4:9) Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej,
fis-sod tqegħedni.


5. Talba għall-għajnuna kontra l-ħażen

(S:5:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq il-flawti. Salm ta' David.
(S:5:2) Mulej, agħti widen għal kliemi; agħti kas tat-tnehid tiegħi.
(S:5:3) Isma' l-għajat tat-talb tiegħi, Sultan tiegħi u Alla tiegħi, għax lilek jiena nitlob.
(S:5:4) Mulej, fil-għodu int tisma' leħni, fil-għodu nressaqlek talbi, u nistenna.
(S:5:5) Għax int m'intix Alla li tħobb il-ħażen; il-ħażin ma jsibx postu għandek.
(S:5:6) Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk; int tobgħod kull min jagħmel id-deni.
(S:5:7) Int teqred min jitkellem bil-gideb. Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej.
(S:5:8) Imma jien għat-tjieba kbira tiegħek nista' nidħol ġewwa darek; ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek, mimli bil-biża' tiegħek.
(S:5:9) Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek minħabba l-għedewwa tiegħi; wittili t-triq tiegħek quddiemi.
(S:5:10) Is-sewwa m'huwiex fuq fommhom, qalbhom bil-ħażen mimlija; ħalqhom bħal qabar miftuħ, imellsu biss bi lsienhom.
(S:5:11) Ħa jieħdu, o Alla, il-ħlas li ħaqqhom; ħa jaqgħu bit-tnassis tagħhom. Warrabhom għall-ħafna ħtijiet tagħhom, għax kontrik ħaduha.
(S:5:12) Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik, u jithennew għal dejjem; ħarishom, u bik jithennew dawk li jħobbu 'l ismek.
(S:5:13) Għax int tbierek il-ġust, Mulej; int tħaddnu bħal tarka bi tjubitek.


6. Talba fil-periklu tal-mewt

(S:6:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Fuq"Is-Semini?". Salm ta' David.
(S:6:2) Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek; la twiddibnix fis-saħna tiegħek.
(S:6:3) Ħenn għalija, Mulej, għaliex inħossni mifni; fejjaqni, Mulej, għaliex għadmi mfarrak;
(S:6:4) ruħi mħawwda għall-aħħar. Mulej, int kemm se ddum ma tismagħni?
(S:6:5) Dur lejja, Mulej, u eħlisni; salvani f'ġieħ it-tjieba tiegħek.
(S:6:6) Għax ħadd mill-mejtin ma jiftakar fik; min ifaħħrek f'art l-imwiet?
(S:6:7) Nfnejt bit-tnehid tiegħi, kull lejl nibki fuq friexi, bid-dmugħ inxarrab soddti.
(S:6:8) Għajnejja bil-biki tgħarrqu, u nfnew minħabba l-għedewwa tiegħi.
(S:6:9) Tbiegħdu minni, intom li tagħmlu l-ħażen, għax sama' l-Mulej
il-biki tiegħi.
(S:6:10) Sama' l-Mulej it-tħannin tiegħi; jilqa' l-Mulej it-talba tiegħi.
(S:6:11) Jistħu u jinfixlu għall-aħħar l-għedewwa tiegħi kollha, u minnufih jerġgħu lura mħawwda.







7. Sejħa tal-ġusti lill-Imħallef Divin

(S:7:1) Għanja ta' David, li għanna lill-Mulej minħabba f'Kus ta' Benjamin.
(S:7:2) Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi; salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni,
(S:7:3) li ma jaħtfunix bħal iljun u jqattgħuni, u ma jkunx hemm min jeħlisni.
(S:7:4) Mulej, Alla tiegħi, jekk dan jien għamilt, jekk ħatja ta' xi ħażen huma idejja,
(S:7:5) jekk b'deni għall-ġid ħallast lil ħabibi, jew għal xejn b'xejn ħarbatt l-għadu tiegħi,
(S:7:6) ħa jqum l-għadu kontrija u jirbaħni, ma' l-art taħt riġlejh jitfagħni, u ġieħi fit-trab ikasbarli.
(S:7:7) Qum, Mulej, bil-qilla tiegħek, ieqaf kontra s-saħna ta' l-għedewwa tiegħi; stenbaħ, u agħmilli l-ħaqq li int ordnajt.
(S:7:8) Ħa jinġemgħu l-ġnus madwarek; fuqhom int toqgħod fil-għoli.
(S:7:9) Mulej, int li tagħmel ħaqq mill-popli, agħmel ħaqq minni, Mulej, skond is-sewwa tiegħi u skond it-tjubija li hemm fija.
(S:7:10) Ħa jintemm il-ħażen tal-ħżiena, u jitwettaq il-bniedem sewwa. Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust.
(S:7:11) It-tarka tiegħi hu Alla, li jsalva 'l min hu qalbu safja.
(S:7:12) Alla hu mħallef ġust, Alla li dejjem jitħallas mill-ħażen.
(S:7:13) Tassew li l-għadu jiġi u jsinn is-sejf, l-ark jissikka u jimmirah.
(S:7:14) Diġà ħejja l-armi tal-mewt, il-vleġeġ għamilhom għodda mikwija.
(S:7:15) Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, jitqal bil-qerq u jiled il-gideb.
(S:7:16) Fetaħ bir u ħaffru sewwa; iżda jaqa' fil-ħofra li għamel hu.
(S:7:17) Fuq rasu taqa' l-ħsara li għamel; fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.
(S:7:18) Nrodd ħajr lill-Mulej għall-ġustizzja tiegħu; ngħanni isem il-Mulej, isem l-Għoli.




8. Il-kobor ta' Alla u d-dinjità tal-bniedem

(S:8:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Il-Gitti?". Salm ta' David.
(S:8:2) Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha! Int qegħedt is-sebħ tiegħek 'il fuq mis-smewwiet.
(S:8:3) Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib; int, li bnejt sur kontra l-għedewwa, biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.
(S:8:4) Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
(S:8:5) X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?
(S:8:6) Ftit inqas mill-allat għamiltu, bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
(S:8:7) qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk! Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:
(S:8:8) in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;
(S:8:9) l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar, dak kollu li jterraq
fil-baħar.
(S:8:10) Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!


9. Radd il-ħajr għar-rebħa fuq l-għedewwa

(S:9:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja"Mut-labbe?". Salm ta' David.
(S:9:2) Nfaħħrek, Mulej, b'qalbi kollha; nxandar għeġubijietek kollha!
(S:9:3) Nifraħ u nithenna bik; ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli.
(S:9:4) Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi, jitfixklu u jgħibu quddiemek.
(S:9:5) Għax int ħadt f'idejk id-dritt u l-kawża tiegħi, ta' mħallef ġust qgħadt fuq it-tron tiegħek.
(S:9:6) Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena; ħassart isimhom għal dejjem ta' dejjem.
(S:9:7) Ntemmu l-għedewwa mħarbtin għal dejjem; bliethom qridtilhom, u tifkirithom intilfet magħhom.
(S:9:8) Imma l-Mulej isaltan għal dejjem, iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.
(S:9:9) Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, jiġġudika l-popli
bis-sewwa.
(S:9:10) Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes, kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.
(S:9:11) Fik jittama min jagħraf lil ismek, għax int, Mulej, ma titlaqx
'il min ifittxek.
(S:9:12) Għannu lill-Mulej li joqgħod f'Sijon, xandru fost il-popli
l-għemejjel tiegħu.
(S:9:13) Hu, li jitħallas mid-demm, jiftakar fihom, ma jinsiex għajat
l-imsejknin.
(S:9:14) Ħenn għalija, Mulej; ara n-niket tiegħi; inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-mewt;
(S:9:15) biex inxandar tifħirek kollu f'bibien il-belt ta' Sijon; biex nifraħ minħabba l-ħelsien tiegħek.
(S:9:16) Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru; fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.
(S:9:17) Għarraf il-Mulej lilu nnifsu u għamel il-ħaqq, b'għemil idejh inqabad il-ħażin.
(S:9:18) Jinżlu l-ħżiena f'qiegħ l-art, il-ġnus kollha li jinsew 'l Alla.
(S:9:19) Għax l-imsejken ma jintesiex għal dejjem, it-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa.
(S:9:20) Qum, Mulej! Ma jirbaħx il-bniedem! Ħa jidhru l-ġnus għall-ħaqq quddiemek.
(S:9:21) Itfa', Mulej, it-twerwir fuqhom, ħa jagħrfu l-ġnus li bnedmin huma.







10. Talba għall-għajnuna kontra l-għadu

(S:10:1) Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? Għaliex tinħeba waqt
il-bżonn?
(S:10:2) Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar, jaqbdu fin-nases li nasablu.
(S:10:3) Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta' qalbu, fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.
(S:10:4) Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f'xejn ma jfittxu; u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.
(S:10:5) Jirnexxi dejjem fi triqtu, xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,
bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.
(S:10:6) Jgħid f'qalbu: "Ma niċċaqlaqx! Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni?"
(S:10:7) Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu; għawġ u ħsara fuq ilsienu.
(S:10:8) Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja, fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; għajnejh ifittxu lill-imsejken.
(S:10:9) Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta; jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf, jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.
(S:10:10) Jitbaxxa, ma' l-art jinxteħet; l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.
(S:10:11) Jgħid bejnu u bejn ruħu: "Alla nesa; ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed.
" (S:10:12) Qum, Mulej! Erfa' idek, o Alla! La tinsihomx lill-imsejknin.
(S:10:13) Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla, u jaħseb li int ma tfittxux?
(S:10:14) Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara, u taħseb biex f'idejk teħodhom. F'idejk jintelaq l-imsejken; ta' l-iltim int sirt l-għajnuna.
(S:10:15) Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb, ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.
(S:10:16) Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta' dejjem; nqerdu l-ġnus minn artu.
(S:10:17) It-talba ta' l-imsejknin smajtha, Mulej; int taqtgħalhom
ix-xewqa ta' qalbhom,
(S:10:18) biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur; u bniedem ta' l-art ma jbeżżax aktar.



11. Tama sħiħa f'Alla

(S:11:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' David. Fil-Mulej hu l-kenn tiegħi; mela kif tgħiduli: "Aħrab bħal għasfur lejn l-għolja;
(S:11:2) għax, ara, il-midinbin qed jiġbdu l-qaws, u jqabbdu mal-watar il-vleġġa, biex jolqtu fid-dlam lin-nies ta' qalb safja.
(S:11:3) Jekk is-sisien jinqalbu, il-bniedem ġust x'jista' jagħmel?"
(S:11:4) Il-Mulej hu fit-tempju mqaddes tiegħu, il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu; għajnejh fuq il-bnedmin jitfa', bi xfar għajnejh jiflihom.
(S:11:5) Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod 'il min iħobb id-dnewwa.
(S:11:6) Xita ta' ġamar u kubrit jitfa' fuq il-ħżiena; riħ jikwi jkun is-sehem li ħaqqhom.
(S:11:7) Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja; wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.


12. Kontra l-ilsna ħżiena

(S:12:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Is-Semini?". Salm ta' David. (
S:12:2) Għajnuna, Mulej, għax m'hawnx aktar twajbin; għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.
(S:12:3) Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem; b'xufftejn qarrieqa, b'żewġt iqlub jitkellmu.
(S:12:4) Jaqta' l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa, kull ilsien li jitkellem
bil-kburija,
(S:12:5) dawk li jgħidu: "Saħħitna fi lsienna, kliem xufftejna magħna;
min hu sidna?"
(S:12:6) "Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin u l-krib ta' l-imsejknin, jien issa se nqum?" jgħid il-Mulej, "nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq."
(S:12:7) Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija min-nar, seba' darbiet imsoffija mit-trab.
(S:12:8) Int, Mulej, tieħu ħsiebna tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.
(S:12:9) Għax il-ħżiena ma' kullimkien juru ruħhom, aktar ma titgħolla
d-dnewwa fost il-bnedmin.


13. Talba fin-niket minħabba l-għadu

(S:13:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. (
S:13:2) Mulej, għal dejjem se tinsieni? Kemm se ddum taħbi wiċċek minni?
(S:13:3) Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq, bl-imrar kuljum f'qalbi? Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?
(S:13:4) Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, agħti d-dawl lil għajnejja,
li ma naqax fir-raqda tal-mewt;
(S:13:5) li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu?", li ma jifirħux
l-għedewwa għax jarawni nogħtor.
(S:13:6) Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.


14. Lment minħabba l-ħażen

(S:14:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' David. Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla?" Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta' min jistmellhom, m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.
(S:14:2) Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, biex jara jekk hemmx min hu għaqli, min ifittex lil Alla.
(S:14:3) Lkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.
(S:14:4) Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej, li jaħtfu l-poplu tiegħi, kif wieħed jaħtaf il-ħobż?
(S:14:5) Biża' kbir waqa' fuqhom, għax Alla hu ma' nisel il-ġust.
(S:14:6) Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken; imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.
(S:14:7) Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? Meta jerġa' jqajjem
il-Mulej il-poplu tiegħu, jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.


15. Min jista' jgħix ma' Alla

(S:15:1) Salm ta' David. Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
(S:15:2) Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f'qalbu;
(S:15:3) min ma jqassasx bi lsienu, ma jagħmilx deni lil ġaru, u ma jgħajjarx lil għajru;
(S:15:4) min ma jistmax lill-bniedem ħażin, imma jweġġaħ lil dawk
li jibżgħu mill-Mulej; min iwiegħed u jżomm kelmtu;
(S:15:5) min jislef u ma jitlobx imgħax, u ma jixxaħħamx kontra min
hu bla ħtija. Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.


16. Alla l-aqwa ġid u hena

(S:16:1) Miktam. Ta' David. Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
(S:16:2) Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi, m'għandix ġid ieħor ħliefek.
" (S:16:3) It-twajbin huma l-kbar f'din l-art; fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.
(S:16:4) L-hemm tagħhom ikattru dawk li jaħtru allat oħra. Lil dawn ma nsawwabx id-demm b'sagrifiċċju, anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.
(S:16:5) Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi, inti żżomm f'idejk xortija.
(S:16:6) Il-kejl tani art li tgħaxxaq: messni sehem tassew għal qalbi.
(S:16:7) Mbierek lill-Mulej li tani l-fehma; mqar billejl qalbi tgħallimni.
(S:16:8) Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.
(S:16:9) Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
(S:16:10) Għax int ma titlaqnix fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
(S:16:11) Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.


17. Sejħa lil Alla kontra l-persekuturi

(S:17:1) Talba. Ta' David. Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi, ilqa' l-għajta tiegħi, agħti widen għat-talb tiegħi; bla qerq huma xufftejja.
(S:17:2) Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, għajnejk jaraw is-sewwa.
(S:17:3) Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni, jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.
(S:17:4) Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies; ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.
(S:17:5) Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek, qatt ma għotru riġlejja.
(S:17:6) Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; ressaq widintek lejja, isma' kliemi.
(S:17:7) Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb; int li teħles mill-għedewwa
lil min jittama fil-leminija tiegħek.
(S:17:8) Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni, għad-dell ta' ġwenħajk kenninni
(S:17:9) mill-ħżiena li jagħfsu fuqi, mill-għedewwa qattiela li jdawwruni.
(S:17:10) Għalqu qalbhom għall-ħniena, minn fommhom joħroġ kliem kburi.
(S:17:11) Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni, ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.
(S:17:12) Huma bħal iljun imxennaq għall-priża, bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.
(S:17:13) Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu; eħlisli ħajti minn id
il-ħażin.
(S:17:14) B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni, mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom. Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek, ħa jieklu
sax-xaba' wliedhom, u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!
(S:17:15) Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek; meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.


18. Tifħir u ħajr wara r-rebħa

(S:18:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' David, il-qaddej tal-Mulej, li qal
il-kliem ta' din l-għanja lill-Mulej dakinhar li hu ħelsu minn id
l-għedewwa kollha tiegħu u minn Sawl.
(S:18:2) Hu qal: Nħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
(S:18:3) Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi, Alla tiegħi, sur
tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
(S:18:4) Nsejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru, u nkun meħlus
mill-għedewwa tiegħi.
(S:18:5) Mwieġ tal-mewt ħakmuni, widien tal-biża' werwruni,
(S:18:6) ħbula ta' l-imwiet dawwruni, xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.
(S:18:7) Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt, tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi; hu sama' leħni mit-tempju tiegħu, f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.
(S:18:8) Tqanqlet u theżhżet l-art, triegħdu s-sisien tal-muntanji,
u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.
(S:18:9) Duħħan ħareġ minn imnifsejh, u nar li jħarbat minn fommu, minnu jarmi ilsna tan-nar.
(S:18:10) Feraq is-smewwiet u niżel, bi ċpar iswed taħt riġlejh.
(S:18:11) Fuq kerubin rikeb u tar, niżel b'ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.
(S:18:12) Bid-dlam insatar bħal b'libsa, sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.
(S:18:13) Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ, silġ u ilsna tan-nar.
(S:18:14) Riegħed il-Mulej mis-smewwiet, l-Għoli semma' leħnu.
(S:18:15) Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom, għamel il-beraq
u ħarrabhom.
(S:18:16) U dehru qigħan il-baħar, nkixfu s-sisien ta' l-art, mat-theddida tiegħek, Mulej, man-nefħa ta' mnifsejk.
(S:18:17) Mill-għoli medd idu u ħatafni, ħariġni minn baħar ta' ilma.
(S:18:18) Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni, mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.
(S:18:19) Ġew fuqi f'siegħa ħażina, iżda l-Mulej waqaf miegħi.
(S:18:20) Ħariġni 'l barra fil-wisa'; ħelisni, għax lili jħobbni.
(S:18:21) Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, raddli skond is-safa ta' idejja.
(S:18:22) Għax jien żammejt triqat il-Mulej, ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.
(S:18:23) Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu; ma warrabtx minni
l-preċetti tiegħu.
(S:18:24) Bla tebgħa kont quddiemu, mill-ħtija ħarist lili nnifsi.
(S:18:25) Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.
(S:18:26) Ma' min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, ma' min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;
(S:18:27) ma' min hu safi inti timxi bis-safa, ma' min jgħawweġ timxi
bil-għaqal.
(S:18:28) Għax inti ssalva l-poplu fqajjar, u l-għajnejn kburin tbaxxihom.
(S:18:29) Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal
id-dlam tiegħi.
(S:18:30) Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa; bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!
(S:18:31) Dritta hi t-triq ta' Alla; safja hi l-kelma tal-Mulej. Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.
(S:18:32) Għax min hu Alla ħlief Jaħweh? Min hu blata ħlief Alla tagħna?
(S:18:33) Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa; fetaħli triq dritta quddiemi.
(S:18:34) Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja, fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.
(S:18:35) Idejja jħarriġli għat-taqbida; ark tal-bronż jiġbdu dirgħajja.
(S:18:36) Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek, lemintek għenitni,
l-għajnuna tiegħek kabbritni.
(S:18:37) Int wessajtli t-triq quddiemi, u ma tfixklux riġlejja.
(S:18:38) Neħodha għal wara l-għedewwa u nilħaqhom, ma nerġax lura qabel neqridhom.
(S:18:39) Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha; jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.
(S:18:40) Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida, taħti titfa' 'l dawk
li jqumu għalija.
(S:18:41) Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi; jien neqred 'il dawk
li jobogħduni.
(S:18:42) Jgħajjtu għall-għajnuna, u ħadd ma jgħinhom; lill-Mulej isejjħu, u ma jweġibhomx.
(S:18:43) Bħat-trab itir mar-riħ nagħmilhom, bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.
(S:18:44) Int teħlisni minn poplu ġellied, fuq il-ġnus inti tqegħedni;
u poplu, li ma nafux, jaqdini.
(S:18:45) Malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija; il-barranin jinxteħtu sa
l-art quddiemi.
(S:18:46) Il-barranin jaqgħu mifnija, joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.
(S:18:47) Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi! Ikun imfaħħar Alla
tas-salvazzjoni tiegħi!
(S:18:48) Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa, li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!
(S:18:49) Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi, tqegħedni fuq min jaħbat għalija, teħlisni min-nies vjolenti.
(S:18:50) Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej, u ngħanni t-tifħir ta' ismek.
(S:18:51) Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu, juri mħabbtu mal-midluk tiegħu; ma' David u nislu għal dejjem.


19. Alla awtur tal-ħolqien u l-liġi

(S:19:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. (S:19:2) Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
(S:19:3) Jum lil ieħor jagħti l-aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.
(S:19:4) Ma hemmx aħbar u anqas kliem, ma hemmx leħen li ma jinstemax.
(S:19:5) Ma' l-art kollha jasal leħenhom, mad-dinja kollha jixtered kliemhom. Lix-xemx għamlilha għarix fihom;
(S:19:6) u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, ferħana bħal ġgant
għall-ġirja tagħha,
(S:19:7) minn truf is-smewwiet hi toħroġ, sat-truf l-oħra d-dawran tagħha; xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.
(S:19:8) Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja; ix-xhieda tal-Mulej
hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.
(S:19:9) Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament
tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.
(S:19:10) Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem; il-ġudizzji
tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;
(S:19:11) egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin, oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda.
(S:19:12) Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek; ħlas tajjeb għandu min iħarishom.
(S:19:13) In-nuqqas min jista' jagħrfu? Minn dak li ma nafx bih saffini.
(S:19:14) U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek, tħalliha qatt taħkimni. Mbagħad inkun bla ħtija u ħieles minn dnub kbir.
(S:19:15) Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.


20. Talba għas-sultan fi żmien il-gwerra

(S:20:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:20:2) Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket; iħarsek l-isem ta' Alla ta' Ġakobb!
(S:20:3) Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek l-għajnuna, u minn Sijon jagħtik is-saħħa.
(S:20:4) Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha, u jilqa' bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek.
(S:20:5) Jagħtik dak li tixtieq qalbek, u jtemm ħsibijietek kollha.
(S:20:6) Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek, ngħollu l-bnadar f'isem Alla tagħna. Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu!
(S:20:7) Jien issa naf li l-Mulej irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu,
u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu.
(S:20:8) Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, imma aħna f'isem
il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.
(S:20:9) Huma jixxenglu u jaqgħu; imma aħna b'saħħitna, weqfin fuq riġlejna.
(S:20:10) Mulej, salva s-sultan; weġibna meta nsejjħulek.


21. Radd il-ħajr u talb għas-sultan

(S:21:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:21:2) Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; kemm jithenna
bir-rebħa tiegħek!
(S:21:3) Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu, ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.
(S:21:4) Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, kuruna ta' deheb
fin qegħedtlu fuq rasu.
(S:21:5) Il-ħajja talbek, u int tajthielu, għomor twil minn żmien għal żmien.
(S:21:6) Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.
(S:21:7) Lilu tagħti barkiet għal dejjem, tferrħu u thennih bis-sebħ
ta' wiċċek.
(S:21:8) Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.
(S:21:9) Tilħaq idek l-għedewwa kollha tiegħek, tilħaq lemintek 'il min jobogħdok.
(S:21:10) Malli int tidher, forn tan-nar tagħmilhom. Fil-qilla tiegħu jiblagħhom il-Mulej, u n-nar jeqridhom.
(S:21:11) Nisilhom mill-art int teqred, 'l uliedhom minn fost il-bnedmin.
(S:21:12) Għax riedu jagħmlu l-ħsara lilek; nasbu d-deni, iżda ma rnexxilhomx.
(S:21:13) Għax inti ġġegħelhom jaħarbu, xħin timmira l-qaws kontrihom.
(S:21:14) Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! Ħa ngħannu u nfaħħru
s-saħħa tiegħek.


22. Tbatijiet u rebħ tal-Messija

(S:22:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja"Iċ-ċerva tas-seb?".
Salm ta' David.
(S:22:2) Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!
(S:22:3) Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.
(S:22:4) Imma int tgħammar fis-santwarju, u lilek ifaħħar Iżrael!
(S:22:5) Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw, u inti ħlisthom.
(S:22:6) Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; fik ittamaw u ma tfixklux.
(S:22:7) Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, żebliħ tan-nies, tkasbir
tal-poplu.
(S:22:8) Dawk kollha li jarawni jidħku bija, jgħajjbuni, iħarrku rashom
u jgħidu:
(S:22:9) "F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq?"
(S:22:10) Imma int minn ġuf ommi lqajtni; fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.
(S:22:11) Fuqek qegħduni sa minn twelidi; int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.
(S:22:12) La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, u m'hawn ħadd biex jgħinni.
(S:22:13) Qatgħa gniedes daru miegħi; barrin qawwija ta' Basan għalquni,
(S:22:14) b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.
(S:22:15) Ninsab bħall-ilma msawwab, għandi għadmi maqlugħ kollu; qalbi hi bħal xemgħa, iddub ġewwa fija.
(S:22:16) Ħalqi niexef bħal xaqqufa, lsieni mwaħħal ma' ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.
(S:22:17) Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni. Taqqbuli idejja u riġlejja;
(S:22:18) nista' ngħodd għadmi kollu. B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja.
(S:22:19) Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
(S:22:20) Mulej, la titbegħidx minni; qawwa tiegħi, fittex għinni!
(S:22:21) Eħlisli mis-sejf lil ħajti, u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.
(S:22:22) Minn ħalq l-iljun salvani, minn qarn il-gniedes lili msejken.
(S:22:23) Nxandar ismek lil ħuti; nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.
(S:22:24) Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.
(S:22:25) Għax ma warrabx minnu l-imsejken, ma stmellx in-niket tiegħu; anqas wiċċu ma ħeba minnu, imma semgħu meta sejjaħlu.
(S:22:26) Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; nrodd
il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu minnu.
(S:22:27) Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!
(S:22:28) Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
(S:22:29) Għax tal-Mulej hi s-saltna; hu fuq il-ġnus isaltan.
(S:22:30) Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab. U għalih tgħix ruħi,
(S:22:31) lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
(S:22:32) Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled: "Dan għamlu l-Mulej?"


23. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi

(S:23:1) Salm ta' David. Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni;
(S:23:2) f'mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
(S:23:3) hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.
(S:23:4) Mqar jekk nimxi f'wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni.
(S:23:5) Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
(S:23:6) Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena il-jiem kollha ta' ħajti.
U ngħammar f'dar il-Mulej sakemm indum ħaj!


24. Id-daħla trijonfali ta' l-arka fit-tempju

(S:24:1) Salm ta' David. Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha.
(S:24:2) Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.
(S:24:3) Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej, min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
(S:24:4) Min għandu idejh indaf u qalbu safja, min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, u anqas ma jaħlef bil-qerq.
(S:24:5) Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
(S:24:6) Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh; li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.
(S:24:7) Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
(S:24:8) Min hu dan is-Sultan tal-glorja? Hu l-Mulej setgħan u qawwi,
il-Mulej qawwi fit-taqbida.
(S:24:9) Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta' dejjem, ħalli jidħol
is-Sultan tal-glorja!
(S:24:10) Min hu dan is-Sultan tal-glorja? Hu l-Mulej ta' l-eżerċti: dan hu s-Sultan tal-glorja!


25. Talba għall-għajnuna u l-maħfra

(S:25:1) Ta' David. Lejk jien nerfa' ruħi, Mulej, Alla tiegħi.
(S:25:2) Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad; ma jifirħux
l-għedewwa tiegħi minħabba fija.
(S:25:3) Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad; jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.
(S:25:4) Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
(S:25:5) Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla
tas-salvazzjoni tiegħi. Għalik nixxennaq il-jum kollu.
(S:25:6) Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, għax huma minn dejjem, Mulej.
(S:25:7) Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti: inti tajjeb,
Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.
(S:25:8) Tajjeb u sewwa l-Mulej; għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
(S:25:9) Imexxi l-imsejkna fis-sewwa, jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.
(S:25:10) Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
(S:25:11) Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, aħfirli ħżuniti, kbira kemm
hi kbira.
(S:25:12) Min hu dak li għandu l-biża' tal-Mulej? Lilu hu juri t-triq
li għandu jagħżel.
(S:25:13) Fil-ġid hu jgħammar, uliedu jiksbu l-art.
(S:25:14) Midħla l-Mulej ta' dawk li jibżgħu minnu, lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.
(S:25:15) Għajnejja dejjem fil-Mulej, għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.
(S:25:16) Dur lejja u kun twajjeb miegħi, għax jiena fqajjar u waħdi.
(S:25:17) Serraħli qalbi mid-dwejjaq, min-niket tiegħi eħlisni.
(S:25:18) Ara n-niket u d-diqa tiegħi, u aħfirli ħtijieti kollha.
(S:25:19) Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi, x'mibegħda qawwija għandhom għalija.
(S:25:20) Ħarisli ħajti u eħlisni; la nistkenn fik, m'għandix għax ninfixel.
(S:25:21) Is-sewwa u d-dritt iħarsuni, għax jien fik ittamajt.
(S:25:22) Eħles, o Alla, lil Iżrael, mid-dwejjaq tiegħu kollha!

26. Talba ta' l-innoċenti

(S:26:1) Ta' David Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej! Bla ħtija l-imġiba tiegħi, sħiħa fil-Mulej it-tama tiegħi.
(S:26:2) Ġarrabni, Mulej, u għarbilni, iflili moħħi u qalbi.
(S:26:3) Tjubitek quddiem għajnejja, mxejt skond is-sewwa tiegħek.
(S:26:4) Ma qgħadtx man-nies giddieba, ma sseħibtx ma' nies qarrieqa.
(S:26:5) Nobgħod il-ġemgħa tal-ħżiena, ma nagħmilhiex mal-midinbin.
(S:26:6) Naħsel fis-safa idejja, u ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej,
(S:26:7) biex ngħannilek ir-radd ta' ħajr, u nxandar għeġubijietek kollha.
(S:26:8) Mulej, nħobb id-dar ta' l-għamara tiegħek, il-post fejn jgħammar sebħek.
(S:26:9) Tgħoddnix man-nies midinba, anqas ma' min ixerred id-dmija;
(S:26:10) dawk li għandhom f'idejhom il-ħażen, u f'leminthom rigali qarrieqa.
(S:26:11) Iżda jien nimxi bla ħtija; eħlisni int, u ħenn għalija.
(S:26:12) Jien b'riġli wieqaf fil-wita; fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.


27. Fiduċja kbira f'Alla

(S:27:1) Ta' David Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża'? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi; quddiem min għandi nitwerwer?
(S:27:2) Meta jqumu għalija l-ħżiena, biex jaħtfuni u jikluni, dawk
li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi, huma jitfixklu u jaqgħu.
(S:27:3) Mqar jekk eżerċtu jqum għalija, xejn ma tibża' qalbi; mqar jekk gwerra tqum kontrija, jiena nibqa' qalbi qawwija.
(S:27:4) Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f'dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta' ħajti; biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa
tal-Mulej jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.
(S:27:5) Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu meta nsib ruħi fil-għawġ; jistorni fis-satra ta' daru, fuq blata fl-għoli jqegħedni.
(S:27:6) U issa tintrefa' rasi fuq l-għedewwa ta' madwari. U jien noffri
fit-tempju tiegħu sagrifiċċju b'għajat ta' ferħ. Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!
(S:27:7) Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi, ħenn għalija u weġibni.
(S:27:8) "Ejja?" għedt f'qalbi,"fittex 'il wiċċ?"; jien wiċċek infittex, Mulej.
(S:27:9) La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix, Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
(S:27:10) Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.
(S:27:11) Urini, Mulej, it-triq tiegħek, mexxini minn mogħdija dritta minħabba l-għedewwa tiegħi.
(S:27:12) Titlaqnix għax-xewqa ta' l-għedewwa tiegħi; għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija, li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.
(S:27:13) Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f'art il-ħajjin.
(S:27:14) Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.


28. Talb u radd il-ħajr

(S:28:1) Ta' David. Lilek, Mulej, nsejjaħ; blata tiegħi, la tittarraxx għalija. Jekk int tibqa' sieket miegħi, inkun nixbah lil min jinżel fil-ħofra.
(S:28:2) Isma' leħen it-tnehid tiegħi meta nsejjaħ l-għajnuna tiegħek, kull meta nerfa' idejja lejn is-santwarju mqaddes tiegħek.
(S:28:3) Tiġbornix man-nies ħżiena, ma' dawk li jagħmlu l-ħażen, li kliem ta' sliem jgħidu lil għajrhom, u qalbhom bil-qerq mimlija.
(S:28:4) Ħallashom skond għemilhom, skond l-għemejjel ħżiena tagħhom; skond dak li għamlu idejhom, roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.
(S:28:5) Għax ma jaħsbux f'dak li għamel il-Mulej, dak li għamlu idejh. Hu jeqridhom u ma jqajjimhomx iżjed!
(S:28:6) Mbierek il-Mulej, għax sama' leħen it-tnehid tiegħi.
(S:28:7) Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi, fih ittamat qalbi; ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi; nroddlu ħajr bil-għana tiegħi.
(S:28:8) Il-Mulej hu s-saħħa tal-poplu tiegħu, kenn tas-salvazzjoni
għas-sultan, il-midluk tiegħu.
(S:28:9) Salva l-poplu tiegħek, bierek 'il wirtek, kun ir-ragħaj tagħhom, erfagħhom għal dejjem!

29. Il-Mulej, sid tat-tempesti

(S:29:1) Salm ta' David. Agħtu lill-Mulej, ulied Alla, agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.
(S:29:2) Agħtu lill-Mulej il-glorja ta' ismu, qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.
(S:29:3) Leħen il-Mulej fuq l-ibħra; Alla tal-glorja jriegħed, il-Mulej fuq
l-ibħra kotrana.
(S:29:4) Leħen il-Mulej bil-qawwa, leħen il-Mulej bil-glorja.
(S:29:5) Leħen il-Mulej ikisser iċ-ċedri; ikisser il-Mulej iċ-ċedri
tal-Libanu.
(S:29:6) Iġiegħel il-Libanu jaqbeż bħal għoġol, is-Sirjon bħal ferħ
ta' gendus selvaġġ.
(S:29:7) Leħen il-Mulej itajjar ilsna tan-nar.
(S:29:8) Leħen il-Mulej jheżheż id-deżert; jheżheż il-Mulej id-deżert
ta' Kades.
(S:29:9) Leħen il-Mulej jobrom il-ballut, u jżarma l-foresti; u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: Glorja!
(S:29:10) Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar; isaltan il-Mulej għal dejjem.
(S:29:11) Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; ibierek il-Mulej
bis-sliem il-poplu tiegħu!


30. Radd il-ħajr għall-ħelsien mill-mewt

(S:30:1) Salm. Innu għad-Dedikazzjoni tat-Tempju. Ta' David.
(S:30:2) Ngħollik, Mulej, għax erfajtni, u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
(S:30:3) Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek; sejjaħtlek, u int fejjaqtni.
(S:30:4) Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi, ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.
(S:30:5) Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu, faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
(S:30:6) Għax ftit iddum is-saħna tiegħu, iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu. Fil-għaxija jidħol il-biki, fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.
(S:30:7) Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi: "Żgur li qatt ma niċċaqlaq?
" (S:30:8) Mulej, bil-pjaċir tiegħek fuq muntanja qawwija qegħedtni; mbagħad ħbejt wiċċek minni, u jien tħawwadt għalkollox.
(S:30:9) Lilek sejjaħt, Mulej; lil Sidi tlabt il-ħniena.
(S:30:10) X'tieħu int jekk inkun mejjet, jekk jiena ninżel fil-qabar?
Se jfaħħrek forsi t-trab? Se jxandar il-fedeltà tiegħek?
(S:30:11) Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
(S:30:12) Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi, neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.
(S:30:13) Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda; Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!


31. Talba fil-hemm u ħajr għall-ħelsien

(S:31:1) Għal mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:31:2) Fik, Mulej, jien nistkenn; ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,
(S:31:3) agħtini widen u fittex eħlisni. Kun blata tal-kenn għalija, fortizza qawwija ta' salvazzjoni.
(S:31:4) Inti l-blata u l-fortizza tiegħi; f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.
(S:31:5) Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija, għax inti l-qawwa tiegħi.
(S:31:6) F'idejk jien nerħi ruħi; int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
(S:31:7) Int tobgħod 'il min iqim allat fiergħa; imma jien fil-Mulej nittama.
(S:31:8) Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek, int, li rajt l-hemm tiegħi,
li għaraft id-diqa ta' qalbi.
(S:31:9) Ma tlaqtnix f'idejn l-għedewwa, imma qegħedtli fil-wisa' riġlejja.
(S:31:10) Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm, nfnew għajnejja minħabba d-dwejjaq, ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.
(S:31:11) Nfniet ħajti bl-għali, u bl-ilfiq is-snin ta' ħajti; minħabba
fil-hemm naqsitni saħħti, u tmermer għadmi kollu.
(S:31:12) Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha, jien sirt ħaġa ta' min ikasbarha; jitwerwru l-ġirien tiegħi, u min jafni jibża' minni. Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.
(S:31:13) Nsewni bħal wieħed mejjet, sirt bħal ġarra mkissra.
(S:31:14) Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi; biża' minn kullimkien madwari. Jiftiehmu bejniethom kontrija, jonsbuni biex jeħduli ħajti.
(S:31:15) Imma jien fik nittama, Mulej; jien ngħidlek: "Alla tiegħi int?"
(S:31:16) F'idejk hi xortija, eħlisni minn id l-għedewwa, minn id dawk
li jeħduha kontrija.
(S:31:17) Uri d-dawl ta' wiċċek lill-qaddej tiegħek; fit-tjieba tiegħek eħlisni.
(S:31:18) Mulej, tħallinix ninfixel, lili li qed insejjaħlek; ħa jinfixlu
l-ħżiena, u jinżlu mbikkma f'art l-imwiet!
(S:31:19) Ħa jisktu x-xufftejn giddieba, li jmaqdru u jkasbru l-ġust
bil-kburija!
(S:31:20) Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej, li inti rfajt għal min jibża' minnek, li int ħejjejt għal min jafda fik, quddiem il-bnedmin kollha!
(S:31:21) Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom kontra t-tnassis tal-bnedmin; fl-għarix tiegħek taħbihom kontra t-tqassis ta' l-ilsna.
(S:31:22) Mbierek il-Mulej li minn belt qawwija għamel miegħi għeġubijiet ta' tjieba.
(S:31:23) Jien għedt fil-fixla li kelli: "Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk." Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.
(S:31:24) Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha. Lit-twajbin iħarishom
il-Mulej, imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.
(S:31:25) Issaħħu u qawwu qalbkom, intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.


32. L-hena ta' min jaqla' l-maħfra

(S:32:1) Ta' David. Maskil.
(S:32:2) Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur! Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej, u ma għandu ebda qerq f'qalbu!
(S:32:3) Jien bqajt sieket, u nfena ġismi, jiena u nokrob il-jum kollu.
(S:32:4) Għax lejl u nhar it-toqol ta' idek fuqi; saħħti nfniet bħal
bis-sħana tas-sajf.
(S:32:5) Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti." U int ħfirtli l-ħażen
tad-dnub tiegħi.
(S:32:6) Għalhekk kull min hu twajjeb lilek jitlob fi żmien in-niket.
Jekk ifuru ilmijiet kotrana, lilu qatt ma jilħquh.
(S:32:7) Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni, iddawwarni u tferraħni
bil-ħelsien tiegħek.
(S:32:8) Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.
(S:32:9) Tkunux bla sens bħaż-żiemel u l-bagħal, li bil-lġiem u r-riedni trażżanhom, biex jirnexxilek tiġbidhom lejk.
(S:32:10) Ħafna huma t-tbatijiet tal-ħżiena; iżda min jittama fil-Mulej jitħaddan bil-ħniena.
(S:32:11) Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej; għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja.


33. Tifħir lis-setgħa u l-provvidenza ta' Alla

(S:33:1) Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.
(S:33:2) Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.
(S:33:3) Għannulu għanja ġdida; doqqulu bis-sengħa u b'leħen qawwi.
(S:33:4) Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, kollox bil-fedeltà huwa għamel.
(S:33:5) Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
(S:33:6) Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
(S:33:7) Bħal f'ġarra l-ilmijiet ġabar, u l-ibħra kbar fi mħażen.
(S:33:8) Ħa tibża' mill-Mulej l-art kollha; jitbeżża' minnu kull min jgħammar fid-dinja.
(S:33:9) Għax hu tkellem, u hi saret; hu ordna, u hi twaqqfet.
(S:33:10) Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
(S:33:11) Imma l-fehma tal-Mulej tibqa' għal dejjem, minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta' moħħu.
(S:33:12) Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, il-poplu li hu għażel b'wirtu.
(S:33:13) Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, u jara l-bnedmin kollha;
(S:33:14) mill-post fejn jgħammar jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.
(S:33:15) Hu jsawwar il-qalb ta' kull wieħed, u jagħraf għemilhom kollu.
(S:33:16) Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.
(S:33:17) Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, b'saħħtu kollha 'l ħadd ma jeħles.
(S:33:18) Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk
li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
(S:33:19) Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, u jaħjihom fi żmien
il-ġuħ.
(S:33:20) Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
(S:33:21) Fih jinsab l-hena ta' qalbna, fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.
(S:33:22) Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.


34. Tifħir lil Alla difensur tal-ġustizzja

(S:34:1) Ta' David, meta għamilha ta' iblah quddiem Abimelek u dan keċċieh, u hu telaq.
(S:34:2) Kull ħin inbierek il-Mulej; tifħiru dejjem fuq fommi.
(S:34:3) Bil-Mulej tiftaħar ruħi; jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
(S:34:4) Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; ħa ngħollu ismu flimkien.
(S:34:5) Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, minn kull biża' tiegħi ħelisni.
(S:34:6) Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom, u ma jkollkomx għax tistħu.
(S:34:7) Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.
(S:34:8) L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu,
u jeħlishom.
(S:34:9) Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem
li jistkenn fih.
(S:34:10) Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; xejn ma jonqsu min jibża' minnu.
(S:34:11) Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.
(S:34:12) Ejjew uliedi, isimgħu lili; jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.
(S:34:13) Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu riżq?
(S:34:14) Ħares ilsienek mill-ħażen, u xufftejk minn kliem il-qerq.
(S:34:15) Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh.
(S:34:16) Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
(S:34:17) Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
(S:34:18) Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
(S:34:19) Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.
(S:34:20) Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
(S:34:21) Iħarislu għadmu kollha, ebda waħda ma titkissirlu.
(S:34:22) Il-ħażin ħżunitu teqirdu; min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
(S:34:23) Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.



35. Talba tal-ġust ippersegwitat

(S:35:1) Ta' David. Ħudha, Mulej, ma' min jeħodha miegħi, tqabad ma' min jitqabad kontrija.
(S:35:2) Aqbad it-tarka, il-kbira u ż-żgħira, u qum biex tagħtini
l-għajnuna.
(S:35:3) Xejjer il-lanza u islet is-sejf għal dawk li jagħmlu għalija. Għidli: "Jiena s-salvazzjoni tiegħek?"
(S:35:4) Jitfixklu u jistħu dawk li jfittxu jneħħuli ħajti. Jerġgħu lura mifxula dawk li ħsiebhom kif jagħmluli l-ħsara.
(S:35:5) Ħa jkunu bħal karfa mar-riħ, mkeċċija mill-anġlu tal-Mulej.
(S:35:6) Tkun triqithom dlam u żliq; u l-anġlu tal-Mulej isuqhom.
(S:35:7) Għal xejn b'xejn nasbuli xibka, għal xejn ħaffruli ħofra.
(S:35:8) Tiġi fuqhom qerda għal għarrieda, taħkimhom ix-xibka li nasbu, jaqgħu fil-ħofra li ħaffru.
(S:35:9) Imma jien fil-Mulej nifraħ, nitgħaxxaq bis-salvazzjoni tiegħu.
(S:35:10) Saħansitra għadmi kollu jgħid: "Min hu bħalek, Mulej! Int teħles l-imsejken minn min hu aqwa minnu, l-imsejken u l-fqajjar minn dawk li jisirquh.
" (S:35:11) Iqumu xiehda qarrieqa, jistaqsuni dak li ma nafx;
(S:35:12) bid-deni għall-ġid iħallsuni; qerduli ruħi.
(S:35:13) Iżda meta huma kienu morda, jien kont nilbes l-ixkora; kont ngħakkes bis-sawm lili nnifsi, u nitlob b'rasi mgħaddsa fi ħdani.
(S:35:14) Bħal ħbiebi, bħal ħuti mxejt magħhom; bħal min jagħli għal ommu nxtħett fin-niket.
(S:35:15) Meta wqajt jien, nġemgħu flimkien jifirħu, ngħaqdu flimkien kontrija. Bla ma naf għaliex jaħbtu għalija, bla heda jtertquni.
(S:35:16) Mal-ħżiena jkasbruni u jiddieħku bija, jgħażgħżu snienhom kontrija.
(S:35:17) Int, Mulej Sidi, kemm se ddum tħares? Eħlisni mill-qerda tagħhom, eħlisli mill-iljuni ħajti l-għażiża.
(S:35:18) Niżżik ħajr qalb ġemgħa kbira, qalb kotra ta' nies infaħħrek.
(S:35:19) Tħallix l-għedewwa qarrieqa jithennew minħabba fija; anqas
'il dawk li għal xejn jobogħduni jegħmżu 'l xulxin kontrija.
(S:35:20) Għax huma ma jitkellmux bis-sliem; mqar kontra nies kwieti kliem ta' qerq jaqilgħu.
(S:35:21) Ħalqhom jiftħu beraħ fuqi: "Arah?", jgħidu ferħana."Hawn hu taħt għajnejna?
" (S:35:22) Int rajtu dan, Mulej; la tibqax sieket; Sidi, titbegħidx minni.
(S:35:23) Stenbaħ u qum biex tagħtini raġun, biex taqbeż għall-kawża tiegħi, Alla tiegħi u Sid tiegħi.
(S:35:24) Skond il-ġustizzja tiegħek agħtini li ħaqqni, Mulej, Alla tiegħi; tħallihomx jifirħu minħabba fija.
(S:35:25) Ħalli ma jgħidux f'qalbhom: "Qtajna xewqitna?" Ħalli ma jgħidux: "Ġibnieh fix-xejn.
" (S:35:26) Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien dawk li jifirħu bid-deni tiegħi. Jitgħabbew bl-għajb u bil-mistħija dawk li jitkabbru minħabba fija.
(S:35:27) Jifirħu u jithennew dawk li jgħożżu l-ġustizzja tiegħi; u jgħidu dejjem: 'Kbir il-Mulej, li jgħożż is-sliem tal-qaddej tiegħu?
" (S:35:28) Mbagħad ixandar ilsieni l-ġustizzja tiegħek, il-jum kollu
t-tifħir tiegħek.


36. Il-ħażen tal-midneb u t-tjieba ta' Alla

(S:36:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' David, il-qaddej tal-Mulej.
(S:36:2) Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu; m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.
(S:36:3) Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu, li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.
(S:36:4) Kliem fommu kollu qerq u gideb, ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.
(S:36:5) Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq, triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.
(S:36:6) Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek, sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
(S:36:7) M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek, baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek; bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej!
(S:36:8) Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla! Għad-dell ta' ġwenħajk jistkennu wlied il-bnedmin.
(S:36:9) Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek, tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.
(S:36:10) Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja, fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.
(S:36:11) Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek, il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.
(S:36:12) Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi, ma titfagħnix 'il barra id
il-ħażin.
(S:36:13) Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen, ntefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.


37. Il-premju tat-tajbin u l-kastig tal-ħżiena

(S:37:1) Ta' David. La tagħdabx minħabba l-ħżiena, la tgħirx għal dawk
li jagħmlu d-deni;
(S:37:2) għax bħall-ħaxix malajr jidbielu, u bħan-nibbieta malajr jinxfu.
(S:37:3) Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; għammar fl-art, u tgħix b'moħħok mistrieħ;
(S:37:4) qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek, u jagħtik dak li tixtieq qalbek.
(S:37:5) Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.
(S:37:6) Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek, u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.
(S:37:7) Serraħ rasek fil-Mulej u ittama fih; tinkeddx minħabba f'min jirnexxi u f'min jimxi bil-ħżunija.
(S:37:8) Ħallik mill-korla u la tirrabjax; tinkedd xejn, għax deni jiswielek.
(S:37:9) Għax il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra; min jittama fil-Mulej jikseb
l-art.
(S:37:10) Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar; għad tħares fejn kien u ma ssibux.
(S:37:11) Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.
(S:37:12) Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust, u jgħażgħeż snienu kontra tiegħu, (S:37:13) imma l-Mulej bil-ħażin jidħak, għax jara li wasal żmienu.
(S:37:14) Jisiltu s-sejf il-ħżiena u jiġbdu l-ark tagħhom, biex joqtlu
l-imsejken u l-fqajjar, u joqtlu 'l min jimxi sewwa.
(S:37:15) Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom, u l-ark tagħhom jitkisser.
(S:37:16) Aħjar il-ftit li għandu l-ġust mill-ġid kotran tal-ħżiena;
(S:37:17) għax dirgħajn il-ħażin jitkissru, imma l-Mulej iżomm il-ġusti.
(S:37:18) Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin, u wirthom jibqa' għal dejjem.
(S:37:19) Ma jitfixklux f'siegħa ħażina, u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.
(S:37:20) Imma l-ħżiena għad jintilfu; l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba', u jgħibu kif jgħib id-duħħan.
(S:37:21) Jissellef il-ħażin u ma jroddx; imma l-ġust iħenn u jagħti.
(S:37:22) Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art; imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu 'l barra.
(S:37:23) Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem, iwettqu u jitgħaxxaq
bi triqtu.
(S:37:24) Jekk jaqa', ma jmurx għal tulu fl-art, għax il-Mulej iżommlu idu.
(S:37:25) Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.
(S:37:26) Dejjem iħenn u jislef bil-qalb, u wliedu jgħixu bil-barka.
(S:37:27) Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, biex tibqa' tgħammar għal dejjem.
(S:37:28) Għax il-Mulej iħobb is-sewwa, u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem, imma wlied il-ħżiena jeqridhom.
(S:37:29) Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.
(S:37:30) Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, u lsienu jgħid
is-sewwa.
(S:37:31) Il-liġi ta' Alla tiegħu għal qalbu, ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.
(S:37:32) Il-ħażin jgħasses għall-ġust, u jfittex li jneħħilu ħajtu.
(S:37:33) Imma l-Mulej ma jitilqux f'idejh, ma jħallihx jaqa' taħt il-ħaqq tiegħu.
(S:37:34) Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art; mbagħad tara l-ħżiena meqruda.
(S:37:35) Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.
(S:37:36) Rġajt għaddejt, u ma rajtux; fittixtu, u ma sibtux.
(S:37:37) Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem sewwa; għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.
(S:37:38) Imma l-midinbin flimkien jinqerdu; ulied il-ħżiena jitqaċċtu
'l barra.
(S:37:39) Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej; hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.
(S:37:40) Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena, isalvahom għax fih jistkennu.


38. Talba ta' midneb maħkum mill-mard

(S:38:1) Salm ta' David. B'tifkira.
(S:38:2) Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek, la twiddibnix fis-saħna tiegħek!
(S:38:3) Għax il-vleġeġ tiegħek daħlu fija, u idek tagħfas fuqi.
(S:38:4) Xejn m'hu sħiħ f'ġismi minħabba l-għadab tiegħek; m'hemmx saħħa f'għadmi minħabba ħtijieti.
(S:38:5) Għax dnubieti telgħu 'l fuq minn rasi, bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.
(S:38:6) Irejjħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi, ħtija tal-bluha tiegħi.
(S:38:7) Ninsab milwi u mifni għall-aħħar; il-jum kollu ngħaddih
fid-dwejjaq.
(S:38:8) Għax qabadni ħruq f'ġenbejja, u xejn sħiħ ma għandi f'ġismi.
(S:38:9) Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; ngħajjat minħabba t-tferfir ta' qalbi.
(S:38:10) Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi; it-tnehid tiegħi m'hux moħbi minnek.
(S:38:11) Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni, id-dawl ta' għajnejja wkoll naqasni.
(S:38:12) Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu; qrabati jżommu
'l bogħod minni.
(S:38:13) Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti, iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni, il-ħin kollu l-qerq inassu.
(S:38:14) Imma jien bħal trux li ma jismax; bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.
(S:38:15) Nagħmilha ta' wieħed li ma jismax, bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.
(S:38:16) Għax fik, Mulej, jien nittama; int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.
(S:38:17) Jien għedt: "Ma jifirħux minħabba fija, ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor.
" (S:38:18) Għax jien wasalt biex naqa', u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.
(S:38:19) Ħtijieti jien nistqarrhom; nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.
(S:38:20) Tqawwew dawk li għal xejn b'xejn huma kontrija; żdiedu dawk
li għal xejn jobogħduni;
(S:38:21) dawk li jrodduli għall-ġid id-deni; dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.
(S:38:22) La tħallinix, Mulej; Alla tiegħi, titbegħidx minni.
(S:38:23) Fittex agħtini l-għajnuna, Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.


39. Ħajjitna qasira u kollha frugħa

(S:39:1) Għall-mexxej tal-kor. Għal Ġedutun. Salm ta' David.
(S:39:2) Jien għedt: "Irrid nara kif nimxi, biex ma nagħmilx dnubiet
bi lsieni; nqiegħed fuq fommi sarima, sakemm idum il-ħażen quddiemi.
" (S:39:3) Għalaqt ħalqi u bqajt sieket, żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli, l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.
(S:39:4) Tħeġġet qalbi ġewwa fija; għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija. Nħall imbagħad ilsieni, u jien għedt:
(S:39:5) "Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi, u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi, ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.
(S:39:6) Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi, żmien ħajti qisu xejn quddiemek. Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.
(S:39:7) Bħal dell jgħaddi l-bniedem, għalxejn joqgħod jitħabat,
jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.
(S:39:8) U issa, Mulej, jien x'nistenna? Fik biss hija t-tama tiegħi.
(S:39:9) Eħlisni minn ħtijieti kollha, titlaqnix għaż-żebliħ ta' l-iblah.
(S:39:10) Niskot jien, ma niftaħx ħalqi, għax dan hu għemil tiegħek.
(S:39:11) Warrab minni d-daqqiet tiegħek; mifni jien bis-swat ta' idejk.
(S:39:12) B'kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem, bħal kamla tgħarraqlu ġmielu. Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.
(S:39:13) Isma', Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għall-għajta tiegħi, tibqax trux għad-dmugħ tiegħi. Għax jien m'hux ħlief mistieden għandek, barrani, bħal missirijieti kollha.
(S:39:14) Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu n-nifs, qabel ma nitlaq
u nintemm għalkollox."


40. Radd il-ħajr u talba għall-għajnuna

(S:40:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:40:2) Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej; hu niżel ħdejja u sama'
l-għajta tiegħi.
(S:40:3) Minn bir waħxi tellagħni, minn qalb il-ħama u t-tajn; fuq il-blat qegħedli riġlejja, u saħħaħli l-mixi tiegħi.
(S:40:4) Qegħedli fuq fommi għanja ġdida, għanja ta' tifħir lil Alla tagħna. Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu, u jittamaw fil-Mulej.
(S:40:5) Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu, u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.
(S:40:6) Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; ta' l-għaġeb
il-ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek! Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.
(S:40:7) Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti; imma widnejja inti ftaħtli; ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
(S:40:8) Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej. Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
(S:40:9) li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.
" (S:40:10) Xandart il-ġustizzja f'ġemgħa kbira; xufftejja ma żammejthomx magħluqa. Mulej, dan inti tafu.
(S:40:11) Ma ħbejtx f'qalbi l-ġustizzja tiegħek; il-fedeltà u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom; ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltà tiegħek
lill-ġemgħa kbira.
(S:40:12) Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena tiegħek; it-tjieba u
l-fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem!
(S:40:13) Għax għalquni minn kull naħa ħsarat li ma jingħaddux; ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara; huma aktar mix-xagħar ta' rasi; għandi qalbi maqtugħa.
(S:40:14) Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni; Mulej, fittex għinni.
(S:40:15) Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.
Ħa jerġgħu lura mħawwda dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.
(S:40:16) Jitbellhu bil-mistħija tagħhom dawk li jiddieħku bija.
(S:40:17) Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk; jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej?" dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.
(S:40:18) Imma jien, fqajjar u msejken, għandi 'l Sidi jaħseb fija. Inti
l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi; iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!


41. Radd il-ħajr għall-fejqan mill-mard

(S:41:1) Għall-mexxej tal-Kor. Salm ta' David
(S:41:2) Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef; f'jum l-għawġ jeħilsu l-Mulej.
(S:41:3) Il-Mulej iħarsu, jagħtih il-ħajja u jhennih fuq l-art; ma jitilqux
għar-rieda ta' l-għedewwa tiegħu.
(S:41:4) Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard; ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.
(S:41:5) Jien għedt: "Ħenn għalija, Mulej; fejjaqni, għax dnibt kontra tiegħek.
" (S:41:6) L-għedewwa jixtiquli d-deni u jgħidu: "Meta se jmut u jintemm ismu?
" (S:41:7) Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ; jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena, biex ixandarhom kif joħroġ barra.
(S:41:8) Dawk kollha li jobogħduni jfesfsu bejniethom kontrija; jaħsbu dak
li hu ħażin għalija,
(S:41:9) "Marda mill-agħar ġiet fuqu; ma jqumx iżjed mnejn hu mixħut?"
(S:41:10) Mqar ħabibi, li fih kont nafda, li kiel minn ħobżi, ntrefa' kontrija.
(S:41:11) Imma int, Mulej, ħenn għalija u qajjimni, u nkun nista' nagħtihom li ħaqqhom.
(S:41:12) Minn dan nagħraf li int kuntent bija, li l-għadu ma jifraħx minħabba fija.
(S:41:13) U lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, u tqegħedni għal dejjem quddiemek.
(S:41:14) Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, minn dejjem għal dejjem. Amen! Amen!


42. Xewqa kbira għat-tempju ta' Alla

(S:42:1) Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' wlied Koraħ.
(S:42:2) Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.
(S:42:3) Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; meta niġi u nara wiċċ Alla?
(S:42:4) Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, meta l-jum kollu kienu jgħiduli: "Fejn hu Alla tiegħek?"
(S:42:5) Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ sad-dar ta' Alla, fost għajta ta' ferħ u ta' radd
il-ħajr, qalb folla ferħana.
(S:42:6) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;
(S:42:7) hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi! Tintelaq ruħi ġo fija; għalhekk fik niftakar minn art il-Ġordan u mill-Ħermon u mill-muntanja ta' Misgħar.
(S:42:8) Minn irdum għal irdum jidwu l-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek; il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek għaddew minn fuqi.
(S:42:9) Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.
(S:42:10) Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? Għax għandi ngħix imdejjaq taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"
(S:42:11) Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, qishom qed ikissruli għadmi; meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"
(S:42:12) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!


43. Tnehid għall-ħelsien u x-xewqa
għat-tempju

(S:43:1) Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej, u min-nies bla tjieba ddefendi
l-kawża tiegħi; min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.
(S:43:2) Inti l-kenn tiegħi, o Alla; għaliex warrabtni? Għax għandi ngħix imdejjaq taħt it-tagħkis ta' l-għadu?
(S:43:3) Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek; huma jmexxuni; iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek u sa l-għerejjex tiegħek.
(S:43:4) U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla, ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U nroddlok ħajr biċ-ċetra, o Alla, Alla tiegħi.
(S:43:5) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!


44. Talba għall-qawmien ta' Iżrael mirbuħ

(S:44:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Maskil.
(S:44:2) O Alla, b'widnejna aħna smajna, qaluhulna missirijietna, dak li int għamilt fi żmienhom,
(S:44:3) li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi. Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom; il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.
(S:44:4) Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art, jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa; kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek, u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.
(S:44:5) Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi, li tajt ir-rebħa lil Ġakobb.
(S:44:6) Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna, f'ismek nirfsu fuq dawk
li jqumu għalina.
(S:44:7) Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda, anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.
(S:44:8) Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna, u tfixkel 'il dawk
li jobogħduna.
(S:44:9) F'Alla niftaħru l-ħin kollu; ismek infaħħru għal dejjem.
(S:44:10) Imma issa warrabtna u ċekkintna, ma għadekx toħroġ ma'
l-eżerċti tagħna.
(S:44:11) Ġagħaltna nduru lura minn quddiem l-għadu; dawk
li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.
(S:44:12) Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla, u fost il-ġnus xerridtna.
(S:44:13) Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira; ma qlajtx wisq
mill-bejgħ tiegħu.
(S:44:14) Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna, għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.
(S:44:15) Ġibtna fi lsien il-ġnus, u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.
(S:44:16) L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu, il-mistħija tgħattili wiċċi,
(S:44:17) għall-kliem ta' żebliħ u tkasbir, quddiem l-għadu li jitħallas minni.
(S:44:18) Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx, għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.
(S:44:19) Ma dorniex mill-fehma tagħna, anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.
(S:44:20) Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi, u b'dell il-mewt għattejtna.
(S:44:21) Li kieku nsejna isem Alla tagħna, jew ftaħna idejna quddiem
xi alla barrani,
(S:44:22) ma kienx Alla b'dan jintebaħ, hu li jagħraf x'hemm moħbi
fil-qalb?
(S:44:23) Minħabba fik joqtluna l-jum kollu, jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.
(S:44:24) Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi? Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.
(S:44:25) Għaliex taħbi wiċċek minna? Għaliex tinsa d-dwejjaq u
t-tagħkis tagħna?
(S:44:26) Għax fit-trab ninsabu mitluqa, mixħuta ma' l-art minn tulna.
(S:44:27) Qum! Ejja biex tgħinna! Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!


45. Għanja għat-tieġ tal-Messija-Sultan

(S:45:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Il-Ġilj?". Ta' wlied Koraħ. Maskil. Għanja ta' mħabba.
(S:45:2) Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ; ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan; lsieni pinna ta' kittieb ħafif.
(S:45:3) Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, msawwba l-ħlewwa fuq xufftejk; għalhekk bierkek Alla għal dejjem.
(S:45:4) Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek; ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!
(S:45:5) Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq; turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!
(S:45:6) Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, taħtek jaqgħu l-popli; jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.
(S:45:7) It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem; xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!
(S:45:8) Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen; għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek, b'żejt il-hena aktar minn sħabek.
(S:45:9) Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha fwieħa lbiesek. Mill-palazzi ta' l-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.
(S:45:10) Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk; f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.
(S:45:11) Isma', binti, ħares u agħti widen, insa 'l ġensek u 'l dar missierek.
(S:45:12) Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek; u int, għax hu sidek, agħtih qima.
(S:45:13) In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu, il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.
(S:45:14) Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, minsuġ bid-deheb ilbiesha.
(S:45:15) Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha, it-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha.
(S:45:16) Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena; jidħlu fil-palazz tas-sultan.
(S:45:17) Flok missirijietek jilħqu wliedek; inti tqegħedhom kapijiet fuq
l-art kollha.
(S:45:18) Nfakkar ismek minn nisel għal nisel; ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!


46. Alla l-kenn u l-qawwa tagħna

(S:46:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Fuq"Għalamô?". Għanja.
(S:46:2) Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh
fid-dwejjaq.
(S:46:3) Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed, jew jiġġarrfu l-muntanji f'nofs ta' baħar;
(S:46:4) anqas jekk jgħajjtu u jogħlew ilmijietu, jew jitheżhżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu. Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!
(S:46:5) Hemm xmara li s-swieqi tagħha iferrħu l-belt ta' Alla, l-għamara qaddisa ta' l-Għoli.
(S:46:6) Hemm Alla f'nofsha, ma titħarrikx; jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
(S:46:7) Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet, iddewwbet l-art, malli samma' leħnu.
(S:46:8) Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!
(S:46:9) Ejjew, araw x'għamel il-Mulej, għemejjel ta' l-għaġeb fuq l-art.
(S:46:10) Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; l-ark jaqsam u l-lanza jkisser, jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:
(S:46:11) "Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla, għoli fuq il-ġnus, għoli fuqb l-art?"
(S:46:12) Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna, fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

47. Il-Mulej sultan tal-popli kollha

(S:47:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Salm.
(S:47:2) Popli kollha, ċapċpu idejkom, għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!
(S:47:3) Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża', sultan kbir fuq l-art kollha.
(S:47:4) Irażżan il-popli taħtna, il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.
(S:47:5) Hu jagħżlilna l-wirt tagħna, il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.
(S:47:6) Tela' Alla b'għajat ta' ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
(S:47:7) Għannu lil Alla, għannu, għannu lis-sultan tagħna, għannu.
(S:47:8) Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha: għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
(S:47:9) Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.
(S:47:10) Jinġemgħu l-kbarat tal-popli mal-poplu ta' Alla ta' Abraham. Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art; hu fl-għoli fuq kulħadd.


48. Radd il-ħajr għall-ħelsien
ta' Ġerusalemm

(S:48:1) Għanja. Salm ta' wlied Koraħ.
(S:48:2) Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna fil-belt ta' Alla tagħna. L-għolja qaddisa tiegħu,
(S:48:3) għolja mill-isbaħ, l-għaxqa ta' l-art kollha. L-għolja ta' Sijon
fil-qalba tat-tramuntana; hi l-belt tas-sultan il-kbir.
(S:48:4) Alla fil-fortizzi tagħha wera ruħu bħal sur qawwi.
(S:48:5) Ara, is-slaten ingħaqdu, mxew ilkoll flimkien;
(S:48:6) kif rawha, baqgħu mistagħġba, tfixklu u ħarbu.
(S:48:7) Hemm qabdithom rogħda kbira, u wġigħ bħal dak tal-ħlas.
(S:48:8) Bir-riħ tal-lvant int tfarrak l-iġfna ta' Tarsis.
(S:48:9) Kif smajna, hekk rajna f'belt il-Mulej ta' l-eżerċti, fil-belt ta' Alla tagħna. Alla jżommha sħiħa għal dejjem!
(S:48:10) Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek f'nofs it-tempju tiegħek.
(S:48:11) Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek, sa truf l-art jasal. Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija.
(S:48:12) Tithenna l-għolja ta' Sijon, jifirħu l-bliet ta' Ġuda, minħabba l-ġudizzji tiegħek.
(S:48:13) Duru ma' Sijon, duru dawra magħha, araw kemm-il torri għandha.
(S:48:14) Ħarsu sewwa lejn is-swar tagħha, duru bir-reqqa l-fortizzi tagħha, biex ixxandru lin-nisel ta' wrajkom:
(S:48:15) Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem ta' dejjem. Hu jmexxina għal dejjem!


49. Il-frugħa ta' l-għana ta' l-art

(S:49:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ.
Salm.
(S:49:2) Isimgħu dan, popli kollha; agħtu widen, intom ilkoll
li tgħixu fid-dinja;
(S:49:3) kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu, kemm il-għonja u kemm
il-fqar.
(S:49:4) Fommi jitkellem l-għerf, u nxandar il-fehmiet ta' qalbi.
(S:49:5) Nagħti widen għal kliem l-għerf; se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.
(S:49:6) Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena, meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?
(S:49:7) F'ġidhom it-tama tagħhom; jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.
(S:49:8) Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.
(S:49:9) Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed,
(S:49:10) biex wieħed jgħix għal dejjem u ma jara qatt il-qabar.
(S:49:11) Jara mqar l-għorrief imutu, l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu, u lil ta' wrajhom iħallu ġidhom.
(S:49:12) Qabarhom hu darhom għal dejjem, għamara tagħhom minn nisel għal nisel, għalkemm għamlu isem f'artijiethom.
(S:49:13) Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, qisu bħall-bhejjem li jintemmu.
(S:49:14) Din xortih min jittama fih innifsu; hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħatu.
(S:49:15) Bħan-nagħaġ lejn l-imwiet mexjin, il-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom; dritt lejn il-qabar jinżlu, jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta' xejn.
(S:49:16) Imma lili Alla jifdili ħajti, mis-setgħa ta' l-imwiet żgur jaħtafni.
(S:49:17) Tibżax meta xi ħadd jistagħna, meta joktor il-ġieħ ta' daru.
(S:49:18) Għax xejn ma jieħu f'mewtu, ġieħu ma jinżilx warajh.
(S:49:19) Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni, u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;
(S:49:20) imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu, li qatt aktar ma jaraw id-dawl.
(S:49:21) Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ, qisu bħall-bhejjem li jintemmu.


50. Is-sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla

(S:50:1) Salm. Ta' Asaf, Alla, il-Mulej Alla, tkellem u sejjaħ l-art. Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel,
(S:50:2) minn Sijon, il-ġmiel tagħha, Alla wera d-dija tiegħu.
(S:50:3) Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket; quddiemu nar li jeqred, madwaru tempesta qalila.
(S:50:4) Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:
(S:50:5) "Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi, li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."
(S:50:6) U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu, għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.
(S:50:7) "Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem, Iżrael, għax se nixhed kontrik. Jiena Alla, Alla tiegħek.
(S:50:8) Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek; il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.
(S:50:9) Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek, jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.
(S:50:10) Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri, eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.
(S:50:11) Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru, taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'.
(S:50:12) Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek, għax tiegħi l-art u kull ma fiha.
(S:50:13) Huwa jien se niekol laħam il-gniedes, jew nixrob id-demm tal-gidjien?
(S:50:14) Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.
(S:50:15) Mbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq; jien neħilsek, u int tweġġaħni."
(S:50:16) Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu: "Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi, u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,
(S:50:17) int, li tobgħod it-twiddib, u tixħet kliemi wara dahrek?
(S:50:18) Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu; sehmek taqsam maż-żienja.
(S:50:19) Fommok ftaħt għall-ħażen, u lsienek il-qerq jinseġ.
(S:50:20) Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ, kontra bin ommok tqassas.
(S:50:21) Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; forsi ħsibt li jiena bħalek. Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.
(S:50:22) Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla, li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.
(S:50:23) Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, dan isebbaħni; lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta' Alla."





51. Il-qalb niedma u sogħbiena

(S:51:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David,
(S:51:2) meta Natan il-profeta ġie għandu għax hu kien resaq lejn Batseba.
(S:51:3) Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
(S:51:4) Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi.
(S:51:5) Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
(S:51:6) Kontrik biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt. Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.
(S:51:7) Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, u fid-dnub nisslitni ommi.
(S:51:8) Int li tħobb il-qalb sinċiera, għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.
(S:51:9) Roxxni bl-ilma, u nissaffa; aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.
(S:51:10) Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena, biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.
(S:51:11) Dawwar wiċċek minn ħtijieti; ħassar ħżuniti kollha.
(S:51:12) Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.
(S:51:13) La twarrabnix minn quddiemek; tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.
(S:51:14) Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni.
(S:51:15) Lill-midinbin ngħallem triqatek, u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.
(S:51:16) Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla, Alla tas-salvazzjoni tiegħi; u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.
(S:51:17) Iftaħli xufftejja, Sidi, u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
(S:51:18) Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju; noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
(S:51:19) Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
(S:51:20) Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek; erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.
(S:51:21) Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa, sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma; mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.



52. L-ilsien qarrieq

(S:52:1) Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' David,
(S:52:2) meta Duweg ta' Edom ġie għand Sawl u qallu: "David wasal f'dar Aħimelek."
(S:52:3) Xi trid tiftaħar, bniedem b'saħħtek, bi ħżunitek kontra t-twajjeb?
(S:52:4) Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni, lsienek bħal xafra taqta', ja qarrieq!
(S:52:5) Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb, u l-gideb aktar mis-sewwa.
(S:52:6) Tħobb kull xorta ta' kliem ta' ħsara, lsien qarrieq!
(S:52:7) Imma Alla jxejjnek għal dejjem, jaħtfek u jaqilgħek 'il barra minn għamartek, jeqirdek minn art il-ħajjin.
(S:52:8) Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa, jidħku bih u jgħidu:
(S:52:9) "Araw il-bniedem li m'għamilx 'l Alla fortizza tiegħu, imma ttama fl-għana kbir tiegħu, qiegħed f'ġidu l-qawwa tiegħu?"
(S:52:10) Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ li tħaddar fid-dar ta' Alla, nittama fit-tjieba ta' Alla għal dejjem ta' dejjem.
(S:52:11) Nfaħħrek għal dejjem għax dan int għamiltu; nxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb.


53. Il-bniedem mingħajr Alla

(S:53:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Maħala?". Maskil. Ta' David.
(S:53:2) Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla?" Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta' min jistmellhom; m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.
(S:53:3) Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, biex jara jekk hemmx min hu għaqli, min ifittex lil Alla.
(S:53:4) Lkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.
(S:53:5) Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla? li jaħtfu l-poplu tiegħi kif wieħed jaħtaf il-ħobż, u lil Alla ma jsejjħux?
(S:53:6) Biża' kbir waqa' fuqhom, bla ma kellhom għalfejn; għax Alla kissrilhom għadamhom lil dawk li dawwruk; tħawwdu, għax Alla telaqhom.
(S:53:7) Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael? Meta jerġa' jqajjem Alla l-poplu tiegħu, jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.


54. Talba għall-ħelsien mill-għedewwa

(S:54:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Maskil. Ta' David,
(S:54:2) meta n-nies ta' Żif ġew jgħidu lil Sawl: "David moħbi fostna."
(S:54:3) B'ismek, o Alla, salvani; agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
(S:54:4) Isma', o Alla, it-talba tiegħi; agħti widen għal kliem fommi.
(S:54:5) Għax nies kburin qamu kontrija, nies kefrin jonsbuli ħajti; ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom.
(S:54:6) Ara, Alla l-għajnuna tiegħi; il-Mulej hu dak li jżommni.
(S:54:7) Hu jdawwar id-deni għal fuq l-għedewwa tiegħi. Għall-fedeltà tiegħek eqridhom, Mulej!
(S:54:8) Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju; nrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.
(S:54:9) Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej; jitpaxxew għajnejja l-għedewwa mirbuħa.





55. Ħabib fost l-għedewwa

(S:55:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Maskil. Ta' David.
(S:55:2) Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi, titwarrabx mit-talb umli tiegħi.
(S:55:3) Ismagħni u weġibni, m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!
(S:55:4) Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta' l-għedewwa, minħabba l-għajat tal-ħżiena; għax huma jġibu fuqi l-ħsara, fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.
(S:55:5) Qalbi tinfena ġewwa fija, biża' tal-mewt waqa' fuqi.
(S:55:6) Biża' u tregħid jiġu fuqi, u twerwir jaħkimni.
(S:55:7) U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, biex intir u mmur nistrieħ!
(S:55:8) Kont 'il bogħod immur niġġerra, u fid-deżert insib fejn noqgħod.
(S:55:9) Kont malajr insib fejn nistkenn mir-riħ qawwi u r-riefnu."
(S:55:10) Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom, għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.
(S:55:11) Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha, fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.
(S:55:12) Il-ħerba tinsab ġo nofsha, moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.
(S:55:13) M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu.
(S:55:14) Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb,
(S:55:15) li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.
(S:55:16) Ħa taqa' l-mewt fuqhom, ħa jinżlu ħajjin fl-imwiet, għax il-ħażen jgħammar fosthom.
(S:55:17) Imma jien lil Alla nsejjaħ, u l-Mulej isalvani.
(S:55:18) Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar nokrob u nitniehed; u hu jisma' l-leħen tiegħi.
(S:55:19) Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem mill-ġlied li qajjmu kontrija, għax ħafna huma li ħabtu għalija.
(S:55:20) Alla jismagħni u jrażżanhom, hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem; għax huma ma jridux jindmu, ma għandhomx il-biża' ta' Alla.
(S:55:21) Idu rafa' kontra ħbiebu, kiser il-ftehim tiegħu.
(S:55:22) Aktar mill-butir hu ħelu fommu, imma qalbu bil-ġlied mimlija. Aktar miż-żejt hu artab kliemu, imma hu bħal sejf mislut.
(S:55:23) Ħalli xortik f'idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.
(S:55:24) U int, o Alla, itfagħhom fil-ħofra tat-telfien. Nies tad-demm u tal-qerq, ma jgħixux nofs ħajjithom! Imma jien fik nittama.


56. Alla magħna fit-tiġrib

(S:56:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Il-ħamiema tal-ballut imbiegħe?". Miktam. Ta' David, meta nqabad mill-Filistin f'Gatt.
(S:56:2) Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni, il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.
(S:56:3) Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi, għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.
(S:56:4) Fik, Alla l-Għoli, jien nittama, meta jkolli għal xiex nibża'.
(S:56:5) Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; f'Alla nafda, m'għandix għax nibża'; x'jista' jagħmilli l-bniedem?
(S:56:6) Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi, ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.
(S:56:7) Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, jgħassu l-mixi tiegħi, bit-tama li jneħħuli ħajti.
(S:56:8) Għall-ħażen tagħhom ħallashom int, o Alla; bl-għadab tiegħek xejjen il-popli.
(S:56:9) Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi; iġma' fi flixkun id-dmugħ tiegħi. M'huwiex dan fil-ktieb tiegħek?
(S:56:10) Mbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi, meta jiena nsejjaħlek. Dan jien naf, li Alla hu miegħi.
(S:56:11) Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu; bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.
(S:56:12) F'Alla nitma, m'għandix għax nibża'; x'jista' jagħmilli l-bniedem?
(S:56:13) O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek; għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta' tifħir.
(S:56:14) Għax mill-mewt int ħlistli 'l ħajti u 'l riġli mill-waqgħa, biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.


57. Min jafda f'Alla ma jibża' minn xejn

(S:57:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"La teqrid?". Miktam. Ta' David meta ħarab minn quddiem Sawl u nħeba fl-għar.
(S:57:2) Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija, għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi; għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn, sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.
(S:57:3) Nsejjaħ lil Alla l-Għoli, lil Alla, li jieħu ħsiebi.
(S:57:4) Jibgħat mis-sema u jsalvani; jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni; jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltà tiegħu.
(S:57:5) Ninsab mimdud qalb l-iljuni, li jaħtfu lill-bnedmin; snienhom lanez u vleġeġ, u lsienhom sejf misnun.
(S:57:6) Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!
(S:57:7) Xibka ħejjewli fil-mogħdija; għal ftit ma waqajtx fiha. Ħofra ħaffruli quddiemi, iżda huma waqgħu fiha.
(S:57:8) Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi; ħa ngħanni u ninseġ għanja:
(S:57:9) "Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum?"
(S:57:10) Nfaħħrek, Sidi, fost il-popli, ngħannilek fost il-ġnus;
(S:57:11) għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
(S:57:12) Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

58. Kundanna ta' l-imħallfin ħżiena

(S:58:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"La teqrid?". Ta' David. Miktam.
(S:58:2) Intom, kbarat, qegħdin tagħmlu ħaqq sewwa? Qegħdin tiġġudikaw sewwa l-bnedmin?
(S:58:3) Le, anzi f'qalbkom il-ħażin taħsbu, fuq l-art dnewwa jxerrdu idejkom.
(S:58:4) Minn ġuf ommhom il-ħżiena qabdu triq ħażina, minn twelidhom żbaljaw dawk li jgħidu l-gideb.
(S:58:5) Għandhom semm bħal dak tas-serp, bħal tal-lifgħa truxa, li ssodd widnejha,
(S:58:6) biex ma tismax is-sejħa tas-saħħar, mqar jekk isaħħar b'sengħa kbira.
(S:58:7) O Alla, farrkilhom snienhom f'ħalqhom, kisser dras il-frieħ ta' l-iljun, Mulej.
(S:58:8) Ħa jgħibu bħal ilma li jintrema, bħal ħaxix jintrifsu u jinxfu.
(S:58:9) Ikunu bħal bebbuxu li jinxef u jintemm, bħal tarbija barra minn żmienha li ma tarax ix-xemx.
(S:58:10) Qabel ma tinħass is-sħana tax-xewk jaqbad, ħajjin ikaxkarhom bis-saħna ta' għadbu.
(S:58:11) Jifraħ il-ġust xħin jara l-ħaqq iseħħ, saqajh jaħsel fid-demm tal-ħżiena.
(S:58:12) U kulħadd jgħid: "Tassew hemm ħlas tajjeb għall-ġust; tassew li hemm Alla jagħmel ħaqq fuq l-art."


59. Talba għall-ħelsien mill-għedewwa

(S:59:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"La teqridx." Miktam. Ta' David, meta Sawl bagħat in-nies jgħassulu f'daru biex joqtlu.
(S:59:2) Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi, ħarisni minn dawk li jqumu għalija.
(S:59:3) Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen, salvani min-nies qattiela.
(S:59:4) Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti, nies qalila jinġemgħu kontrija; u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.
(S:59:5a) Għalkemm jien bla ħtija, huma jiġru u jlestu għalija.
(S:59:6a) Imma int, Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael,
(S:59:5b) qum, ejja u ara b'għajnejk.
(S:59:6b) Stenbaħ biex tħallas il-ġnus kollha; la tħennx għal min jagħmel il-ħażen bil-qerq.
(S:59:7) Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb, jiġġerrew 'l hawn u 'l hemm mal-belt.
(S:59:8) Arahom, kliemhom ibaqbaq fuq fommhom, kliem li jniggeż fuq xufftejhom. "Min se jismagħna?" huma jgħidu.
(S:59:9) Imma int, Mulej, tidħak bihom, il-ġnus kollha biċ-ċajt teħodhom.
(S:59:10) Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna, għax inti, Alla, fortizza tiegħi.
(S:59:11) Alla tiegħi, mħabba tiegħi, jiġi jilqagħni; jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.
(S:59:12) Eqridhom, o Alla, biex ma jinsiekx il-poplu tiegħi, ferrixhom u xejjinhom bil-qawwa tiegħek; int, Sidi, it-tarka tagħna!
(S:59:13) Għal dnub fommhom u għal kliem xufftejhom jinqabdu fi kburithom; għall-kliem ta' saħta u ta' gideb jinsteħtu.
(S:59:14) Temmhom b'qilltek, temmhom biex ma jkunux iżjed, biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb sa trufijiet l-art.
(S:59:15) Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb, jiġġerrew 'l hawn u 'l hemm mal-belt.
(S:59:16) Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x'jieklu; u jekk ma jixbgħux, tismagħhom jinbħu.
(S:59:17) Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek; ngħanni ferħan filgħodu fit-tjieba tiegħek għax int sirt fortizza għalija, kenn tiegħi f'jum
id-dwejjaq.
(S:59:18) Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni; għax inti, Alla, fortizza tiegħi, Alla tiegħi, mħabba tiegħi!




60. Fiduċja f'Alla wara t-telfa

(S:60:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Susân Għedû?". Miktam. Ta' David. Għat-tagħlim.
S:60:2) Meta David ħadha kontra Aram-Naħarajm u kontra Aram-Soba; u meta Ġowab, hu u ġej lura, qatel tnax-il elf min-nies ta' Edom f'Wied il-Melħ.
(S:60:3) O Alla, inti warrabtna u kissirtna, għadabt għalina; erġa' dur lejna!
(S:60:4) Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha; sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.
(S:60:5) Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek, sqejtna nbid li jsakkar.
(S:60:6) Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu minnek, biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,
(S:60:7) biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; għinna bil-leminija tiegħek u weġibni!
(S:60:8) Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: "Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.
(S:60:9) Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manassi, Efrajm hu l-elmu ta' rasi, u Ġuda x-xettru tiegħi.
(S:60:10) Mowab lenbija fejn ninħasel, fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, fuq Filistja nifraħ rebbieħ?"
(S:60:11) Min se jwassalni fil-belt bis-swar? Min se jeħodni sa Edom?
(S:60:12) M'hux int, o Alla, li warrabtna, u li m'għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?
(S:60:13) Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.
(S:60:14) Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.






61. Talba ta' wieħed itturufnat

(S:61:1) Għall-mexxej tal-kor. Bl-istrumenti tal-korda. Ta' David.
(S:61:2) Isma', o Alla, l-għajta tiegħi, agħti widen għat-talba tiegħi.
(S:61:3) Minn truf l-art lilek insejjaħ, meta nkun qalbi maqtugħa; minn hemm inti mexxini lejn il-fortizza fuq l-għolja.
(S:61:4) Għax int sirt kenn għalija, torri qawwi quddiem l-għadu.
(S:61:5) M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem, nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!
(S:61:6) Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi, u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.
(S:61:7) Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu; ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.
(S:61:8) Isaltan quddiem Alla għal dejjem. Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltà.
(S:61:9) Hekk infaħħar ismek għal dejjem, jien u nrodd kuljum
il-wegħdiet tiegħi.


62. It-tama tagħna f'Alla wieħed

(S:62:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Ġedutun." Salm. Ta' David.
S:62:2) F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi: mingħandu tiġini s-salvazzjoni.
(S:62:3) Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.
(S:62:4) Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed waħdu, biex taqilbuh ilkoll flimkien, bħal ċint qed jiġġarraf, bħal ħajt qed jaqa'?
(S:62:5) Ħsiebhom biss biex iwaqqgħuh mill-għoli tiegħu; iħobbu l-gideb; b'fommhom ibierku, imma f'qalbhom jisħtu.
(S:62:6) F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi, għax mingħandu tiġini t-tama.
(S:62:7) Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.
(S:62:8) F'Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi, hu l-blata qawwija tiegħi, u l-kenn tiegħi f'Alla.
(S:62:9) Ittama fih f'kull żmien, o poplu; iftħu qalbkom quddiemu. Alla hu kenn għalina!
(S:62:10) Duħħan biss huma l-bnedmin, gidba huma wlied il-bniedem. Fil-miżien 'il fuq jogħlew, eħfef mid-duħħan ilkoll flimkien.
(S:62:11) Isserrħux raskom bis-serq, tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa; mqar jekk joktor l-għana, torbtux qalbkom miegħu.
(S:62:12) Ħaġa waħda qal Alla, jien dawn it-tnejn tgħallimt: li"l-qawwa hi ta' All?",
(S:62:13) u li"tiegħek, Sidi, hi t-tjieb?". Għax int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.


63. Xewqa kbira għal Alla

(S:63:1) Salm. Ta' David, meta kien fid-deżert ta' Ġuda.
(S:63:2) Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena, bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
(S:63:3) Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
(S:63:4) Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
(S:63:5) Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
(S:63:6) Bħal b'ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, u jgħannilek fommi b'xufftejn ferrieħa,
(S:63:7) meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
(S:63:8) Għax int kont għajnuna għalija, għad-dell ta' ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
(S:63:9) Miegħek tingħaqad ruħi, int tweżinni bil-leminija tiegħek.
(S:63:10) Dawk li jfittxu jneħħuli ħajti jinżlu fil-qiegħnett ta' l-art.
(S:63:11) Taħt is-setgħa tas-sejf jaqgħu, isiru ikel għall-klieb selvaġġi.
(S:63:12) Imma s-sultan f'Alla jifraħ; jiftaħar kull min jaħlef bih; imma jintebaq fomm il-giddieba.

64. Il-kastig ta' l-ilsna ħżiena

(S:64:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:64:2) Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi; mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.
(S:64:3) Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena, mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,
(S:64:4) dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,
(S:64:5) biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija, jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.
(S:64:6) Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, u jgħidu: "Min se jarana?"
(S:64:7) Ifittxu l-ħażen, ifasslu pjan maħsub sewwa. Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem?
(S:64:8) Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.
(S:64:9) Minħabba lsienhom isiru ħerba; kull min jarahom iħarrek rasu.
(S:64:10) U lkoll jimtlew bil-biża' ta' Alla, u għemilu jxandru, u jifhmu sewwa kull ma għamel.
(S:64:11) Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn; jiftaħru dawk kollha ta' qalbhom safja.


65. Radd il-ħajr għall-ġid tas-sema

(S:65:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. Għanja.
(S:65:2) Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f'Sijon; lilek inroddu l-wegħda,
(S:65:3) int, li tisma' talbna.
(S:65:4) Quddiemek jersaq kull bniedem, minħabba fi ħtijietu. Kbar wisq għalina dnubietna; iżda inti taħfirhomlna.
(S:65:5) Hieni l-bniedem li inti tagħżel u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek. Bil-ġid ta' darek nixbgħu fit-tempju mqaddes tiegħek.
(S:65:6) Ta' l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek, o Alla tas-salvazzjoni tagħna. Int tama ta' min jgħix fi truf l-art u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.
(S:65:7) Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b'qawwietek, int imħażżem bis-saħħa.
(S:65:8) Int issikket l-għajat ta' l-ibħra, u l-ħsejjes ta' l-imwieġ tagħhom, u t-tixwix tal-popli.
(S:65:9) U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art quddiem l-għeġubijiet tiegħek. Il-lvant u l-punent inti timliehom bil-ferħ.
(S:65:10) Inti żżur l-art u ssaqqiha, u tagħniha bil-ġid tiegħek. Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma; il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.
(S:65:11) Hekk int tħejjiha: issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha, bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
(S:65:12) Fawwart is-sena bi tjubitek, triqatek bil-ġid joqtru.
(S:65:13) Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert, u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
(S:65:14) Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel, il-widien jinksew bil-qamħ; jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ!


66. Ferħ, tifħir u ħajr

(S:66:1) Għall-mexxej tal-kor. Għanja.
Salm.
Għajjtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha;
(S:66:2) għannu s-sebħ ta' ismu, xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
(S:66:3) Għidu lil Alla: "Kemm int tal-biża' f'għemilek! Għall-kobor tal-qawwa tiegħek jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.
(S:66:4) L-art kollha tagħtik qima, tgħannilek u tgħanni lil ismek."
(S:66:5) Ejjew, araw l-għemejjel ta' Alla; tal-biża' f'għemilu fost
il-bnedmin.
(S:66:6) Biddel il-baħar f'art niexfa, għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara. Għalhekk, nifirħu bih!
(S:66:7) Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem; b'għajnejh fuq il-ġnus jgħasses; ma jerfgħux rashom in-nies xewwiexa.
(S:66:8) Bierku, popli, lil Alla tagħna, semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.
(S:66:9) Hu li jżommna fost il-ħajjin, u ma jħallix riġlejna jogħtru.
(S:66:10) Għax int, o Alla, ġarrabtna, għaddejtna mill-prova bħall-fidda.
(S:66:11) Ħallejtna naqgħu fix-xibka, issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna.
(S:66:12) Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna, għaddejtna min-nar u mill-ilma; iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa'.
(S:66:13) Nidħol f'darek bil-vittmi maħruqa, ntemm il-wegħdiet li għamiltlek;
(S:66:14) il-wegħdiet li tennew xufftejja, u fommi wiegħed fl-hemm tiegħi.
(S:66:15) Sagrifiċċji ta' bhejjem imsemmna, duħħan ifuħ ta' ħrief maħruqa, mogħoż u gniedes inħejjilek.
(S:66:16) Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom, intom ilkoll li tibżgħu minn Alla, ngħidilkom x'għamel miegħi.
(S:66:17) Lilu sejjaħ fommi, tifħiru kien fuq ilsieni.
(S:66:18) Kieku żammejt il-ħażen f'qalbi, ma kienx jismagħni Alla Sidi.
(S:66:19) Iżda Alla tassew semagħni, ta widen għat-talba tiegħi.
(S:66:20) Mbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi; ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!


67. Ħa jfaħħru l-popli lil Alla

(S:67:1) Għall-mexxej tal-kor. Bl-istrumenti tal-korda. Salm. Għanja.
(S:67:2) Iħenn għalina Alla, u jberikna; idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!
(S:67:3) Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.
(S:67:4) Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha.
(S:67:5) Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax trieġi l-popli bis-sewwa, u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.
(S:67:6) Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha.
(S:67:7) L-art tat il-frott tagħha; iberikna Alla, Alla tagħna!
(S:67:8) Iberikna Alla, u tibża' minnu l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

68. Il-Mulej jidħol rebbieħ f'Sijon

(S:68:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. Għanja.
(S:68:2) Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu; jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.
(S:68:3) Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered, bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar, hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.
(S:68:4) Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla, jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.
(S:68:5) Għannu lil Alla, faħħru ismu, wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab. Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu.
(S:68:6) Missier l-iltiema u difensur tar-romol, hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.
(S:68:7) Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom, u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom; imma s-suppervi telaqhom jgħammru fid-deżert jikwi.
(S:68:8) O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek, int u tiela' mid-deżert,
(S:68:9) triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu quddiem Alla tas-Sinaj, quddiem il-Mulej, Alla ta' Iżrael.
(S:68:10) Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek, u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.
(S:68:11) Il-poplu tiegħek għammar fiha, fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.
(S:68:12) Il-Mulej Sidi jagħti ordni, u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara:
(S:68:13a) "Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti!
(S:68:14a) X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?
(S:68:13b) In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża,
(S:68:14b) sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ bħall-fidda,
(S:68:14c) b'rixha mżejjen b'deheb safrani.
(S:68:15) Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten, xita ta' silġ niżlet fuq Salmon.
" (S:68:16) Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan, għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.
(S:68:17) Imma għax tħares bl-għira, għolja ta' ħafna qċaċet, lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu? Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.
(S:68:18) L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf; bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.
(S:68:19) Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk, bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek, mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.
(S:68:20) Mbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna.
(S:68:21) Alla tagħna hu Alla li jsalvana; il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.
(S:68:22) Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu, ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.
(S:68:23) Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom, lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,
(S:68:24) biex tgħaddas riġlek f'demmhom, u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb.
" (S:68:25) Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju, id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.
(S:68:26) L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara, f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:
(S:68:27) "Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom; bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael.
" (S:68:28) Quddiem miexi Benjamin, l-iżgħar fost it-tribù, il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom, il-kapijiet ta' Żebulun, il-kapijiet ta' Naftali.
(S:68:29) Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek, wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.
(S:68:30) Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm, għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.
(S:68:31) Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil, dawk il-popli, bħal qabda gniedes bl-għoġiela tagħhom, sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda; ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer.
(S:68:32) Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.
(S:68:33) Slaten ta' l-art, għannu lil Alla, faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:
(S:68:34) lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet, fuq is-smewwiet ta' dejjem. Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi:
(S:68:35) "Agħrfu l-qawwa ta' Alla?" Fuq Iżrael il-kobor tiegħu; fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.
(S:68:36) Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu! Hu Alla ta' Iżrael, li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu. Mbierek Alla!


69. Tnehid f'hemm kbir

(S:69:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Il-Ġilj?". Ta' David.
(S:69:2) Salvani, o Alla, għax l-ilma laħaq sa griżmejja.
(S:69:3) Sibt ruħi mgħaddas f'ħama fond; ma hemmx fejn inserraħ riġlejja. Sibt ruħi f'ilma għoli; il-mewġ qed ikaxkarni.
(S:69:4) Ma niflaħx ngħajjat iżjed, griżmejja nħanqu; tgħammxu għajnejja, jien u nistenna 'l Alla tiegħi.
(S:69:5) Dawk li għal xejn jobogħduni huma iżjed mix-xagħar ta' rasi; dawk li bil-gideb jixluni huma b'saħħithom aktar minn għadmi; ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx.
(S:69:6) Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi; ħtijieti m'humiex moħbija minnek.
(S:69:7) Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik, Mulej ta' l-eżerċti; ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek, Alla ta' Iżrael.
(S:69:8) Għax minħabba fik qiegħed nilqa' t-tmaqdir, u l-mistħija tiksili wiċċi.
(S:69:9) Sirt barrani għal ħuti; ulied ommi ma jagħrfunix.
(S:69:10) Għax il-ħeġġa għal darek fnietni, it-tagħjir ta' min jgħajjar lilek waqa' fuqi.
(S:69:11) Għakkist bis-sawm lili nnifsi, u swieli biss biex żebilħuni.
(S:69:12) L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.
(S:69:13) Jgħidu fuqi bilqiegħda f'bieb il-belt; jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.
(S:69:14) Imma jien lilek nitlob, Mulej; meta jogħġbok, o Alla, weġibni, fil-kobor ta' tjubitek u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.
(S:69:15) Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel; ħarisni minn min jobgħodni u eħlisni mill-ilma fond.
(S:69:16) Tħallix iġorrni l-ilma, jew jiblagħni d-dagħbien, u jingħalaq fuqi l-bir!
(S:69:17) Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek; dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.
(S:69:18) Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek; fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.
(S:69:19) Ersaq qrib lejja u ifdini; eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.
(S:69:20) Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb tiegħi; quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.
(S:69:21) It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni; fittixt min jagħdirni, u ma sibt 'il ħadd; u min ifarraġni, u ma kelli 'l ħadd.
(S:69:22) Tawni b'ikel il-velenu; sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.
(S:69:23) Tkun il-mejda tagħhom xibka quddiemhom, u sħabhom stess in-nassa tagħhom.
(S:69:24) Jiddallmu għajnejhom biex ma jarawx, jirtogħdu f'ġenbejhom għal dejjem.
(S:69:25) Ixħet fuqhom il-qilla tiegħek; jaħkimhom l-għadab imħeġġeġ tiegħek.
(S:69:26) Isiru ħerba l-għamajjar tagħhom; ħadd ma jgħammar fl-għerejjex tagħhom.
(S:69:27) Lil min int sawwatt jagħmlu għalih, u jxandru t-tbatija ta' min inti lħaqt.
(S:69:28) Agħtihom kastig fuq ieħor; ma jilħqux is-salvazzjoni tiegħek.
(S:69:29) Jitħassru mill-ktieb tal-ħajjin; ma jinkitbux man-nies sewwa.
(S:69:30) Imma jiena msejken u batut; terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!
(S:69:31) Nfaħħar l-isem ta' Alla bl-għana, nkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.
(S:69:32) Dan jogħġob lill-Mulej aktar minn offerta ta' gendus, jew ta' barri bil-qrun u dwiefer ħierġa.
(S:69:33) Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu; u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
(S:69:34) Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej, ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
(S:69:35) Ifaħħruh is-sema u l-art, l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.
(S:69:36) Għax Alla jsalva 'l Sijon, u jibni l-bliet ta' Ġuda; u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
(S:69:37) Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu; dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.


70. Karba fin-niket

(S:70:1) Għall-mexxej tal-kor. Ta' David. B'tifkira.
(S:70:2) O Alla, ejja eħlisni! Mulej, fittex għinni!
(S:70:3) Ħa jistħu u jinfixlu dawk li jfittxu jneħħuli ħajti. Ħa jerġgħu lura mħawwda dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.
(S:70:4) Ħa jerġgħu lura kollhom mistħija dawk li jiddieħku bija.
(S:70:5) Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk; jgħidu dejjem: "Kbir hu Alla?" dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.
(S:70:6) Imma jien, fqajjar u msejken; o Alla, fittex għinni! Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi: iddumx ma tgħinni, Mulej!



71. Talba ta' wieħed imdaħħal fiż-żmien

(S:71:1) Fik, Mulej, jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel.
(S:71:2) Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; agħtini widen u fittex eħlisni.
(S:71:3) Kun sur ta' kenn għalija; int wegħedt li tiġi dejjem issalvani, għax blata u fortizza int għalija.
(S:71:4) Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin, minn id il-qarrieq u l-kiefer.
(S:71:5) Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi; Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
(S:71:6) Fuqek serraħt sa minn twelidi, sa minn ġuf ommi inti ħadtni; inti dejjem it-tifħir tiegħi.
(S:71:7) Ħafna huma li stagħġbu bija, iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.
(S:71:8) Mimli fommi b'tifħirek, u b'sebħek il-jum kollu.
(S:71:9) Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti.
(S:71:10) Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi; dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.
(S:71:11) "Alla nsieh?", huma jgħidu, "Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu.
" (S:71:12) O Alla, toqgħodx 'il bogħod minni; Alla tiegħi, fittex għinni.
(S:71:13) Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni; jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.
(S:71:14) Imma jien nibqa' dejjem nittama, u nkattar tifħirek kollu.
(S:71:15) Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek, il-jum kollu l-għemejjel
ta' l-għajnuna tiegħek, għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.
(S:71:16) Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi, biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.
(S:71:17) O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni; u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.
(S:71:18) Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.
(S:71:19) M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek o Alla! Ħwejjeġ kbar int għamilt; min hu bħalek o Alla!
(S:71:20) Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni; iżda int terġa' tagħtini l-ħajja, minn qiegħ l-art terġa' ttellagħni.
(S:71:21) Kattarli l-kobor tiegħi; erġa' agħtini l-faraġ tiegħek.
(S:71:22) U jiena nfaħħrek bl-arpa għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi; ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta' Iżrael.
(S:71:23) Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek; tifraħ ruħi, li inti fdejtli.
(S:71:24) U lsieni l-jum kollu jitħaddet fuq il-ġustizzja tiegħek, għax waqa' fl-għajb u l-mistħija min iridli d-deni.


72. Is-saltna tal-Messija

(S:72:1) Ta' Salamun. O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek, il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
(S:72:2) biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja, u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.
(S:72:3) Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu, tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.
(S:72:4) Hu jħares id-dritt ta' l-imsejknin tal-poplu, isalva l-fqajrin u jrażżan 'il min jgħakkishom.
(S:72:5) Ħa jdum kemm iddum ix-xemx; kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.
(S:72:6) Jinżel bħax-xita fuq ir-raba' maħsud, bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.
(S:72:7) Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
(S:72:8) Isaltan minn baħar sa baħar, u mix-Xmara sa truf l-art.
(S:72:9) Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu; dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.
(S:72:10) Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali, is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu.
(S:72:11) Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu.
(S:72:12) Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.
(S:72:13) Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva.
(S:72:14) Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.
(S:72:15) Ħa jgħix is-sultan għal dejjem, jingħata lilu deheb ta' Saba! Ħa jitolbu għalih dejjem, u jberkuh il-jum kollu!
(S:72:16) Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet ta' l-għoljiet. Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu, iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba'.
(S:72:17) Ismu jibqa' jissemma għal dejjem; idum ismu sakemm iddum ix-xemx! Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art; il-popli kollha jsejjħulu hieni.
(S:72:18) Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.
(S:72:19) Mbierek għal dejjem ismu msebbaħ; timtela l-art kollha b'sebħu! Amen! Amen!
(S:72:20) Tmiem it-talb ta' David, bin Ġesse.



73. Ħsibijiet fuq il-frugħa tal-ġid tal-ħżiena

(S:73:1) Salm ta' Asaf. Tassew twajjeb hu Alla ma' min hu sewwa, ma' dawk li għandhom qalbhom safja.
(S:73:2) Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja, għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.
(S:73:3) Għax ġietni l-għira għall-kburin, xħin rajt il-ħżiena jimxu 'l quddiem.
(S:73:4) Għax dawn ma għandhom ebda tbatija, qawwijin u sħaħ f'ġisimhom.
(S:73:5) M'għandhomx taħbit bħall-bnedmin tad-dinja; m'humiex imsawwtin ma' wlied Adam.
(S:73:6) Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom; tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.
(S:73:7) Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom, qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.
(S:73:8) Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu; kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija.
(S:73:9) Sa kontra s-sema jqassu; lsienhom ma' l-art kollha jlaħħaq.
(S:73:10) Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi, u jixrob kliemhom bħall-ilma.
(S:73:11) U jgħidu: "X'jista' jaf Alla? Huwa l-Għoli jaf b'xi ħaġa?"
(S:73:12) Dawn, ara, huma l-ħżiena: moħħhom dejjem mistrieħ, u jistagħnu dejjem.
(S:73:13) Mela għal xejn żammejt qalbi safja, u ħsilt idejja b'sinjal ta' ndafa.
(S:73:14) Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat, u kull filgħodu ħadt il-kastig.
(S:73:15) Kieku għedt li hekk għandi nitkellem, kont niċħad ir-razza ta' wliedek.
(S:73:16) Fittixt kif għandi nifhimha, u sibtha wisq bi tqila.
(S:73:17) Mbagħad dħalt fit-tempju ta' Alla, u għaraft sewwa x'inhu t-tmiem tal-ħżiena.
(S:73:18) Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom, u fit-tiġrif twaqqagħhom.
(S:73:19) Ara, kif tħarbtu f'daqqa waħda; kif għebu u ntemmu bil-biża'!
(S:73:20) Bħal ħolma ta' min jistenbaħ, Mulej Sidi, hekk int, malli tqum, ma tqishom xejn.
(S:73:21) Meta kienet tinkedd qalbi u kont ninfena ġewwa fija,
(S:73:22) kemm kont iblah, xejn ma fhimt, bħal bhima jien kont quddiemek.
(S:73:23) Imma jiena dejjem miegħek; inti żżommni minn idi l-leminija;
(S:73:24) skond il-ħsieb tiegħek tmexxini, mbagħad fis-sebħ tilqagħni.
(S:73:25) Lil min għandi fis-sema ħliefek? U meta għandi lilek, x'jonqosni fuq l-art?
(S:73:26) Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi; Alla l-qawwa ta' qalbi u sehmi għal dejjem.
(S:73:27) Għax kull min jitbiegħed minnek jintilef; int teqred 'il kull min jinfired minnek.
(S:73:28) Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla; f'Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi; u nxandar l-għemejjel tiegħek kollha.


74. Lment għall-ħerba tat-tempju

(S:74:1) Maskil. Ta' Asaf, Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem? Għaliex tħeġġeġ qilltek kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?
(S:74:2) Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem, it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek; ftakar f'Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.
(S:74:3) Itla' sal-post li sar ħerba waħda: kollox qered l-għadu fis-santwarju.
(S:74:4) Għajjtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek; hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.
(S:74:5) Bħal dawk li jxejjru l-mannara fl-għoli biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,
(S:74:6) hekk huma kissru l-bibien tat-tempju, bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.
(S:74:7) Taw in-nar lis-santwarju tiegħek; kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.
(S:74:8) Qalu f'qalbhom: "Ħa nfarrkuhom għalkollox?" Ħarqu kull post imqaddes ta' Alla f'artna.
(S:74:9) Ma għadniex naraw sinjali mis-sema, m'hawnx iżjed profeti; ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.
(S:74:10) Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla? Se jibqa' jkasbarlek ismek għal dejjem?
(S:74:11) Għaliex qiegħed iżżomm idek lura? Għax taħbi f'ħobbok il-leminija tiegħek?
(S:74:12) Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem; int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.
(S:74:13) Int fridt b'qawwietek il-baħar, u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.
(S:74:14) Int farrakt l-irjus tal-Levjatan, u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.
(S:74:15) Int ftaħt għejun u widien, u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.
(S:74:16) Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl; il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.
(S:74:17) Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art; is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.
(S:74:18) Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu, kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.
(S:74:19) Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek; tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.
(S:74:20) Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek, għax l-art mimlija dlamijiet u dnewwa.
(S:74:21) Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija, biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.
(S:74:22) Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek; ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.
(S:74:23) Tagħlaqx widnejk għall-għajat ta' l-għedewwa tiegħek, għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.


75. Alla hu l-imħallef

(S:75:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"La teqrid?". Salm ta' Asaf.
(S:75:2) Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru; ismek inxandru, għemilek ta' l-għaġeb inħabbru.
(S:75:3) "Meta jasal il-waqt li jien għażilt, jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.
(S:75:4) Jekk titriegħed l-art u kull ma fiha, jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha.
" (S:75:5) Lill-kburin ngħidilhom: "La titkabbrux?" u lill-ħżiena: "La terfgħux raskom.
" (S:75:6) Terfgħux kontra s-sema raskom; titkabbrux ma' Alla bi kliemkom.
(S:75:7) Għax ebda għajnuna ma ssibu, la mil-lvant, la mill-punent, la mit-tramuntana u lanqas minn nofsinhar;
(S:75:8) għax Alla hu l-imħallef: lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.
(S:75:9) Il-Mulej għandu f'idu bieqja, bi nbid qawwi, mħawwar tajjeb; minnha jisqihom sa l-aħħar qatra: il-ħżiena kollha ta' l-art jixorbuha.
(S:75:10) Iżda jien għal dejjem nifraħ; ngħanni lil Alla ta' Ġakobb.
(S:75:11) L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru; u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.


76. Tifħir lil Alla wara r-rebħa

(S:76:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti tal-korda. Salm ta' Asaf. Għanja.
(S:76:2) Magħruf hu Alla f'Ġuda, kbir hu ismu f'Iżrael.
(S:76:3) F'Salem hemm l-għarix tiegħu, u l-għamara tiegħu f'Sijon.
(S:76:4) Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark, it-tarka, is-sejf u l-armi tal-gwerra.
(S:76:5) Int kollok dija u glorja, aktar mill-aqwa muntanji.
(S:76:6) L-irġiel ta' qalbhom qawwija tilfu l-priża tagħhom; il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda, idejhom tmewwtulhom.
(S:76:7) Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb, f'ħedla jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.
(S:76:8) Tal-biża' int; int, min jiqaflek, meta tqum fuq tiegħek, Mulej?
(S:76:9) Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek; twerwret l-art u tbikkmet,
(S:76:10) meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq, biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.
(S:76:11) Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk; u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.
(S:76:12) Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom; ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni, lilu, li hu tal-biża';
(S:76:13) lil dak li jifni l-kbarat, u jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.



77. Ilment u tama fl-hemm

(S:77:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Ġedutu?". Salm ta' Asaf.
(S:77:2) B'leħen qawwi 'l Alla nsejjaħ, nsejjaħ 'l Alla biex jismagħni.
(S:77:3) Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex; ma negħjiex billejl nerfa' idi u nitlob; ma tridx taf b'faraġ qalbi.
(S:77:4) Niftakar f'Alla u nitniehed; jien u naħseb, tinfena qalbi.
(S:77:5) Nżomm miftuħa xfar għajnejja; jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.
(S:77:6) Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi, niftakar fis-snin ta' qabel;
(S:77:7) billejl nitħaddet f'qalbi, naħseb u nixtarr ġewwa fija.
(S:77:8) Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna? M'hux se jibqa' jurina mħabbtu?
(S:77:9) Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu? M'hux se jibqa' jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?
(S:77:10) Nesa Alla juri ħniena magħna? Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?
(S:77:11) Ikolli ngħid: "Dan hu l-għali tiegħi: li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu.
" (S:77:12) Mbagħad niftakar f'għemilek, Mulej; naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.
(S:77:13) Naħseb f'kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.
(S:77:14) Qaddisa triqtek, o Alla! Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?
(S:77:15) Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb, li turi qawwietek fost il-popli.
(S:77:16) Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek, l-ulied ta' Ġakobb u ta' Ġużeppi.
(S:77:17) Rawk l-ilmijiet, o Alla, rawk l-ilmijiet u twerwru; u sa qiegħ il-baħar triegħed.
(S:77:18) Mis-sħab niżlet ix-xita, u s-smewwiet triegħdu; leħħ ma' kullimkien il-beraq tiegħek.
(S:77:19) Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda f'waħda, il-beraq dawwal id-dinja; triegħdet u theżhżet l-art.
(S:77:20) Triqtek fuq il-baħar, fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek; u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.
(S:77:21) Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek, b'id Mosè u Aron.


78. Tagħlim mill-istorja ta' Iżrael

(S:78:1) Maskil. Ta' Asaf. Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi, iftħu widnejkom għal kliem fommi.
(S:78:2) Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf; nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.
(S:78:3) Dak li smajna u tgħallimna, dak li qalulna missirijietna,
(S:78:4) aħna ma naħbuhx lil uliedhom, iżda nxandruh lin-nisel ta' warajhom: tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu, u l-għeġubijiet li għamel.
(S:78:5) Waqqaf drawwa b'tifkira għall-poplu ta' Ġakobb, għamel liġijiet għal Iżrael; u ordna lil missirijietna biex jgħallmuhom lil uliedhom,
(S:78:6) ħalli jkun jafhom in-nisel ta' warajhom; u l-ulied li jitwieldu minnhom jgħarrfuhom ukoll lil uliedhom,
(S:78:7) biex f'Alla jqiegħdu t-tama tagħhom; ma jinsewx l-għemejjel ta' Alla, iżda jħarsu l-kmandamenti tiegħu;
(S:78:8) u ma jkunux bħal missirijiethom, nies ta' ras iebsa li b'xejn ma tisma', li qalbhom kienet bla mistrieħ, u ruħhom lejn Alla infidila.
(S:78:9) Ulied Efrajm, mħarrġa fl-ark, treġġgħu lura f'jum it-taqbida;
(S:78:10) ma ħarsux il-patt ta' Alla, ma ridux jimxu fuq il-liġi tiegħu.
(S:78:11) Nsew l-għemejjel tiegħu u l-għeġubijiet li kien uriehom:
(S:78:12) l-għeġubijiet li għamel quddiem missirijiethom f'art l-Eġittu, fir-raba' ta' Sogħan.
(S:78:13) Feraq il-baħar biex għaddiehom minnu, l-ilmijiet bħal ħitan waqqaf;
(S:78:14) mexxiehom bi sħaba binhar, u b'ħuġġieġa ta' dawl billejl.
(S:78:15) Xaqqaq il-blat fid-deżert, sqiehom bħal b'baħar ta' l-ilma;
(S:78:16) ħareġ il-gliegel mill-blata, ġerra bħax-xmajjar l-ilma.
(S:78:17) Iżda huma kontrih komplew dinbu, qamu kontra Alla fid-deżert.
(S:78:18) Ġarrbu lill-Għoli f'qalbhom, billi talbuh l-ikel li xtaqu.
(S:78:19) Tkellmu kontra Alla, u qalu: "Jista' Alla jħejji mejda fid-deżert?
(S:78:20) Hu ħabat il-blat, u l-ilma ħareġ, widien ta' l-ilma gelglu; ma jistax jagħti ħobż ukoll, jew iħejji laħam għall-poplu tiegħu?"
(S:78:21) Għal dan il-kliem għadab il-Mulej; tkebbes in-nar għal Ġakobb, u s-saħna tiegħu xegħlet għal Iżrael.
(S:78:22) Għax huma ma emmnux lil Alla, ma ttamawx fl-għajnuna tiegħu.
(S:78:23) Imma hu ordna s-sħab fl-għoli, u fetaħ bwieb is-smewwiet;
(S:78:24) u xita ta' manna bagħtilhom x'jieklu, tahom il-qamħ mis-sema.
(S:78:25) Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin, ikel bix-xaba' bagħtilhom.
(S:78:26) Tella' r-riħ ilvant fis-smewwiet, ħareġ ir-riħ isfel b'qawwietu.
(S:78:27) Xita ta' laħam bħat-trab bagħtilhom, għasafar bħar-ramel tal-baħar;
(S:78:28) u waqqagħhom f'nofs it-tined tagħhom, madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru.
(S:78:29) Huma kielu u xebgħu għalkollox, għax hu tahom kemm kienu xtaqu.
(S:78:30) Anqas laħqu temmew xewqithom, kienu għadhom bl-ikel f'ħalqhom,
(S:78:31) xħin il-Mulej raġa' inkorla għalihom; qatlilhom l-aħjar nies tagħhom, iż-żgħażagħ ta' Iżrael ma' l-art xeħtilhom.
(S:78:32) B'danakollu baqgħu jidinbu, ma emmnux fl-għeġubijiet tiegħu.
(S:78:33) U temm ħajjithom f'nifs wieħed, is-snin tagħhom b'mewt għal għarrieda.
(S:78:34) Mbagħad kienu jfittxuh meta kien jeqridhom, kienu jindmu u jfittxu 'l Alla bil-ħerqa;
(S:78:35) kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom, Alla l-Għoli l-feddej tagħhom.
(S:78:36) Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom, kienu jigdbulu bi lsienhom.
(S:78:37) Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu, ma kinux fidili mal-patt tiegħu.
(S:78:38) Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija, ma kienx jasal biex jeqridhom; ħafna drabi kien iżomm il-korla, ma kienx jixgħel qilltu kollha.
(S:78:39) Kien jiftakar li bnedmin huma, bħal żiffa li tgħaddi u ma terġax lura.
(S:78:40) Kemm-il darba qamu kontrih fid-deżert, kemm-il darba nikktuh fl-art niexfa!
(S:78:41) Kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla, u jħeġġu l-korla tal-Qaddis ta' Iżrael.
(S:78:42) Ma kinux jiftakru f'għemil idejh, fil-jum li fdiehom mill-għadu,
(S:78:43) meta għamel il-mirakli fl-Eġittu, l-għeġubijiet fir-raba' ta' Sogħan.
(S:78:44) Bidel f'demm ix-xmajjar tagħhom, ma setgħux jixorbu min-nixxigħat tagħhom.
(S:78:45) Bagħtilhom dubbien li qeridhom, u żrinġijiet li ħarbtuhom.
(S:78:46) Telaq għad-dud l-uċuħ tar-raba', u għall-ġradijiet ix-xogħol ta' idejhom.
(S:78:47) Ħarbtilhom bis-silġ id-dwieli tagħhom, u s-siġar tat-tin bil-ġlata.
(S:78:48) Qered bis-silġ il-bhejjem tagħhom, u bis-sajjetti l-imrieħel tagħhom.
(S:78:49) Fetaħ għal fuqhom qawwet qilltu, is-saħna, l-għadab u l-hemm. Bagħtilhom l-anġli tal-ħsara,
(S:78:50) u witta t-triq għall-għadab tiegħu. Ma ħafrilhomx il-mewt, imma telaqhom għall-pesta.
(S:78:51) Qatel l-ulied il-kbar fl-Eġittu, l-ewwel frott ta' rġulithom fl-għerejjex ta' Ħam.
(S:78:52) U ħareġ bħal nagħaġ il-poplu tiegħu, bħal merħla fid-deżert mexxiehom.
(S:78:53) Qegħedhom fiż-żgur, u ma beżgħux; imma l-għedewwa tagħhom għattiehom il-baħar.
(S:78:54) U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu, fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu.
(S:78:55) Keċċa l-ġnus minn quddiemhom, u arthom qassam b'wirt lil Iżrael, fi djarhom daħħal il-poplu tiegħu.
(S:78:56) Ġarrbu u kiddu lil Alla l-Għoli, ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.
(S:78:57) Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom, għawwġu triqthom bħal ark li jqarraq bik.
(S:78:58) Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom, kebbsulu l-għira bl-idoli tagħhom.
(S:78:59) Sama' b'dan Alla, u nxtegħel bl-għadab, u warrab għal kollox lil Iżrael.
(S:78:60) Telaq is-santwarju ta' Silo, l-għarix fejn kien jgħammar fost il-bnedmin.
(S:78:61) Ħalla f'idejn l-għadu l-arka tiegħu, fejn kien hemm il-qawwa u l-glorja tiegħu.
(S:78:62) Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu, ħadha bl-aħrax kontra wirtu.
(S:78:63) In-nar qered liż-żgħażagħ tagħhom, siket l-għana taż-żwieġ għax-xbejbiet tagħhom.
(S:78:64) Il-qassisin tagħhom mis-sejf intlaqtu, u ma setgħux jibkuhom ir-romol tagħhom.
(S:78:65) Qam imbagħad Sidi l-Mulej bħal minn raqda, bħal gwerrier li jqum minn sakra.
(S:78:66) Laqat fuq wara l-għedewwa tiegħu, tefagħhom fl-għajb għal dejjem.
(S:78:67) U warrab id-dar ta' Ġużeppi, ma għażilx it-tribù ta' Efrajm;
(S:78:68) iżda għażel it-tribù ta' Ġuda, u l-għolja ta' Sijon li kien iħobb.
(S:78:69) Hemm bena s-santwarju tiegħu bħall-ogħla smewwiet, bnieh fis-sod bħall-art għal dejjem.
(S:78:70) Għażel lil David, qaddej tiegħu, ħadu minn qalb l-imrieħel;
(S:78:71) minn wara n-nagħaġ bil-ħrief tagħhom ġiebu, biex jirgħa 'l Ġakobb il-poplu tiegħu, u lil Iżrael il-wirt tiegħu.
(S:78:72) Hu kien jirgħahom b'qalb safja, bil-ħila ta' idejh mexxiehom.


79. Lment għall-ħerba ta' Ġerusalemm

(S:79:1) Salm ta' Asaf. O Alla, daħlu l-ġnus f'wirtek, niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek, għamlu 'l Ġerusalemm ħerba waħda.
(S:79:2) Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b'ikel lit-tjur ta' l-ajru; taw laħam ħbiebek lill-bhejjem ta' l-art.
(S:79:3) Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm; u ma kienx hemm min jidfinhom.
(S:79:4) Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna, għad-daħk u ż-żebliħ għal ta' madwarna.
(S:79:5) Mulej, għal dejjem se tibqa' inkurlat magħna? Se tibqa' mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?
(S:79:6) Sawwab qilltek fuq il-ġnus li ma jagħrfukx, fuq is-saltniet li ma jsejjħux ismek.
(S:79:7) Għax huma belgħu l-poplu ta' Ġakobb, u ħarbtu l-art fejn jgħammar.
(S:79:8) Tiftakrilniex il-ħtijiet ta' l-imgħoddi; fittex ejja u lqagħna bi ħnientek, għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
(S:79:9) Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, f'ġieħ is-sebħ ta' l-isem tiegħek; eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek.
(S:79:10) Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: "Fejn hu Alla tagħhom?" Ħa jkunu jafu l-ġnus quddiem għajnejna li int titħallas tad-demm li xerrdu tal-qaddejja tiegħek.
(S:79:11) Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin; fil-kobor ta' qawwietek salva 'l dawk li huma għall-mewt.
(S:79:12) Dawwar għal seba' darbiet għal fuq il-ġnus ta' madwarna it-tkasbir li tefgħu fuqek, Sidna.
(S:79:13) U aħna, il-poplu tiegħek u l-merħla tal-mergħa tiegħek, niżżuk ħajr għal dejjem; minn żmien għal żmien inxandru tifħirek.

80. Talba tal-mirbuħin

(S:80:1) Lill-mexxej tal-kor. Fuq"Il-Ġilj?". Xhieda. Ta' Asaf. Salm.
(S:80:2) O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen, int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi. Int li qiegħed fuq il-kerubini,
(S:80:3) iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi. Qajjem il-qawwa tiegħek, u ejja ħa ssalvana.
(S:80:4) Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.
(S:80:5) Mulej, Alla ta' l-eżerċti, kemm se ddum tinkorla minkejja t-talb tal-poplu tiegħek?
(S:80:6) Tmajthom il-ħobż magħġun bid-dmugħ, sqejthom id-dmugħ bix-xaba'.
(S:80:7) Għamilt minna t-tilwim tal-ġirien tagħna, l-għedewwa tagħna jiddieħku bina.
(S:80:8) Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.
(S:80:9) Int qlajt dielja mill-Eġittu, warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.
(S:80:10) Ħejjejt l-art għaliha; hi xenxlet għeruqha u mliet l-art.
(S:80:11) Tgħattew l-għoljiet bid-dell tagħha, bħaċ-ċedri l-kbar il-friegħi tagħha.
(S:80:12) Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha, sax-Xmara ż-żraġen tagħha.
(S:80:13) Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha, u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?
(S:80:14) Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ, il-bhejjem tar-raba' jirgħu fiha.
(S:80:15) Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti; ħares mis-sema, u ara, u żur 'il din id-dielja.
(S:80:16) Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek, ir-rimja li int kabbart għalik.
(S:80:17) Jinqerdu mal-ħarsa qalila ta' wiċċek dawk li tawha n-nar u qaċċtuha.
(S:80:18) Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek, fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
(S:80:19) Aħna ma nitbegħdux minnek; roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.
(S:80:20) Reġġagħna għal li konna, Alla ta' l-eżerċti; itfa' fuqna d-dija ta' wiċċek, u nkunu salvi.


81. L-għanja tal-Festa ta' l-Għerejjex

(S:81:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"L-Imgħasa?". Ta' Asaf.
(S:81:2) Għannu bil-ferħ lil Alla, qawwa tagħna, għajjtu bil-ferħ lil Alla ta' Ġakobb!
(S:81:3) Għollu leħen l-għana, doqqu t-tnabar, doqqu ċ-ċetra ħelwa ma' l-arpa.
(S:81:4) Doqqu t-tromba mal-qamar ġdid, mal-qamar mimli f'jum il-festa tagħna.
(S:81:5) Għax dan hu kmandament għal Iżrael, din liġi ta' Alla ta' Ġakobb.
(S:81:6) Dan l-ordni hu tah lil Ġużeppi, huwa u ħiereġ minn art l-Eġittu. Kliem li ma nafux qiegħed nisma':
(S:81:7) "Neħħejtlek it-tagħbija minn fuq dahrek, ħlistlek idek mill-irfigħ tal-qoffa.
(S:81:8) Fid-dwejjaq sejjaħtli, u jiena ħlistek; b'leħen moħbi, bħal f'ragħda, weġibtek; ħdejn l-ilma ta' Meriba ġarrabtek.
(S:81:9) Ismagħni, poplu tiegħi, ħa nlumek: Iżrael, m'hux li kont tismagħni!
(S:81:10) Ma jkollokx alla ieħor f'nofskom, tinxteħitx quddiem alla barrani.
(S:81:11) Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, li tellajtek mill-art ta' l-Eġittu. Iftaħ ħalqek u jien nimlihulek.
(S:81:12) Iżda l-poplu tiegħi ma semax minni, Iżrael ma riedx jaf bija.
(S:81:13) Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta' qalbhom, biex imxew skond il-fehmiet tagħhom.
(S:81:14) Jekk il-poplu tiegħi jisma' minni, jekk Iżrael jimxi fi triqati,
(S:81:15) minnufih inniżżel l-għedewwa tagħhom, idi ndawwar fuq dawk li huma kontrihom.
(S:81:16) Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom; din tkun xortihom għal dejjem.
(S:81:17) U lilhom nitmagħhom b'qamħ mill-aħjar, nxebbagħhom bl-għasel mill-blat."


82. L-Imħallef fuq l-imħallfin

(S:82:1) Salm ta' Asaf. Alla joqgħod fil-laqgħa ta' l-allat, f'nofs l-allat jaqta' s-sentenza:
(S:82:2) "Kemm se ddumu taqtgħu l-ħaqq bil-ħażen, u tħarsu lejn wiċċ il-ħżiena?
(S:82:3) Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim; mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa.
(S:82:4) Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar, minn id il-ħżiena salvawhom."
(S:82:5) La jafu u lanqas jifhmu, fid-dlam qegħdin jimxu; u s-sisien kollha ta' l-art qed jitheżhżu.
(S:82:6) Jien għedt li allat intom, ulied l-Għoli lkoll kemm intom.
(S:82:7) Imma bħal kull bniedem intom tmutu, bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu.
(S:82:8) Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art; għax tiegħek huma l-ġnus kollha!


83. Kontra l-ġemgħa ta' l-għedewwa

(S:83:1) Għanja. Salm ta' Asaf.
(S:83:2) O Alla, la torqodx, tiqafx u tiskotx, o Alla!
(S:83:3) Għax, ara, qamu l-għedewwa tiegħek, dawk li jobogħduk refgħu rashom.
(S:83:4) Jiftiehmu bejniethom kontra l-poplu tiegħek, jingħaqdu kontra l-poplu l-għażiż tiegħek.
(S:83:5) U jgħidu: "Ejjew, ħa nwarrbuhom minn fost il-ġnus; ma jissemmiex iżjed isem Iżrael?"
(S:83:6) Huma ngħaqdu fehma waħda, u għamlu patt bejniethom kontra tiegħek.
(S:83:7) Ir-razez ta' Edom u l-Ismagħelin, Mowabin u Ħagarin,
(S:83:8) Gebal, Għammon u Għamalek, il-Filistja man-nies ta' Tir;
(S:83:9) Assur ukoll ingħaqad magħhom, saru d-driegħ qawwi ta' wlied Lot.
(S:83:10) Imxi magħhom kif imxejt ma' Midjan u ma' Sisera, ma' Ġabin ħdejn il-wied ta' Kison,
(S:83:11) li nqerdu ħdejn Għajn-dor, saru bħal demel ta' l-art.
(S:83:12) Agħmel lill-kbarat tagħhom bħal Għoreb u bħal Żeb; bħal Żebaħ u Salmunna lill-kapijiet tagħhom ilkoll.
(S:83:13) Għax ilkoll kienu qalu: "Ħa nieħdu taħt idejna l-aħjar oqsma tal-poplu ta' Alla."
(S:83:14) Alla tiegħi, agħmilhom bħal tromba tar-riħ, bħal karfa li ttir maż-żiffa,
(S:83:15) bħal nar li l-bosk iqabbad, bħal ħuġġieġa li tkebbes l-għoljiet.
(S:83:16) Hekk ilħaqhom bit-tempesta tiegħek, werwirhom bir-riefnu tiegħek.
(S:83:17) Iksilhom wiċċhom bil-mistħija, li jaslu biex ifittxu ismek, Mulej.
(S:83:18) Jistħu u jinfixlu darba għal dejjem, jitħawwdu sa ma jintilfu.
(S:83:19) Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.


85. Xewqa kbira għat-tempju

(S:84:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq"L-Imgħasa?". Salm ta' wlied Koraħ.
(S:84:2) Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej ta' l-eżerċti!
(S:84:3) Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; ngħanni ferħan b'ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj.
(S:84:4) Sa l-għasfur isib fejn jgħammar, u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek; hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, Mulej ta' l-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!
(S:84:5) Henjin dawk li jgħammru f'darek; huma jfaħħruk għal dejjem.
(S:84:6) Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom, li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat-tempju.
(S:84:7) Huma u għaddejja minn wied niexef, ibiddluh f'nixxiegħa ta' ilma; u x-xita bikrija tbiddlu f'għadajjar.
(S:84:8) Jimxu u aktar jissaħħu, sa ma jidhru quddiem Alla f'Sijon.
(S:84:9) Mulej, Alla ta' l-eżerċti, isma' talbi; agħti widen, Alla ta' Ġakobb.
(S:84:10) Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna, ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek.
(S:84:11) Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f'post ieħor; aħjar noqgħod fuq l-għatba ta' dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.
(S:84:12) Għax xemx u tarka l-Mulej Alla, ħniena u ġieħ hu jagħti lilna. Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa.
(S:84:13) Mulej ta' l-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik!


85. Talba għall-qawmien ta' Iżrael

(S:85:1) Lill-mexxej tal-kor. Salm ta' wlied Koraħ.
(S:85:2) Urejt imħabbtek, Mulej, lejn artek; reġġajt 'il Ġakobb lura mill-jasar.
(S:85:3) Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek; ħfirtilhom dnubiethom kollha.
(S:85:4) Reġġajt lura l-qilla tiegħek; taffejt is-saħna tal-korla tiegħek.
(S:85:5) Reġġagħna għal li konna, Alla tas-salvazzjoni tagħna, warrab minn fuqna l-qilla tiegħek.
(S:85:6) Se tibqa' għal dejjem tinkorla għalina? Se tibqa' għal dejjem tagħdab kontrina?
(S:85:7) M'hux int li terġa' tagħtina l-ħajja, biex jifraħ bik il-poplu tiegħek?
(S:85:8) Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
(S:85:9) Ħa nisma' xi jgħid Alla; il-Mulej is-sliem ixandar, għall-poplu u l-ħbieb tiegħu, u għal dawk li jafdaw fih.
(S:85:10) Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu, biex jgħammar is-sebħ f'artna.
(S:85:11) It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu.
(S:85:12) Il-fedeltà mill-art tinbet, u l-ġustizzja mis-sema tixref.
(S:85:13) Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu, u artna tagħti l-frott tagħha.
(S:85:14) Il-ġustizzja quddiemu timxi, u s-sliem fuq il-passi tiegħu.


87. Talba fin-niket

(S:86:1) Talba. Ta' David. Agħtini widen, Mulej, u weġibni, għaliex jiena msejken u fqajjar.
(S:86:2) Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama.
(S:86:3) Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
(S:86:4) Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, għax lejk, Sidi, jien nerfa' ruħi.
(S:86:5) Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
(S:86:6) Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, isma' l-leħen ta' l-ilfiq tiegħi.
(S:86:7) F'jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, għax inti żgur tweġibni.
(S:86:8) Ħadd m'hu bħalek fost l-allat, Mulej, u xejn bħall-għemil tiegħek.
(S:86:9) Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, u jsebbħu ismek, Sidi.
(S:86:10) Għax kbir int, u għemejjel ta' l-għaġeb tagħmel; int waħdek Alla!
(S:86:11) Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-biża' ta' ismek.
(S:86:12) B'qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, u nsebbaħ ismek għal dejjem.
(S:86:13) Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, int ħlistni minn qiegħ l-imwiet.
(S:86:14) O Alla, nies kburin qamu għalija, ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; huma nies li ma jagħtux kasek.
(S:86:15) Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
(S:86:16) Ħares lejja u ħenn għalija, agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, salva l-iben tal-qaddejja tiegħek.
(S:86:17) Urini sinjal ta' tjubitek, ħa jaraw u jitħawwdu l-għedewwa tiegħi; għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni.


87. Sijon, omm il-popli

(S:87:1) Salm ta' wlied Koraħ. Għanja. Il-Mulej bena 'l Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;
(S:87:2) hu jħobb il-bibien tagħha aktar mill-għamajjar kollha ta' Ġakobb.
(S:87:3) O belt ta' Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:
(S:87:4) "Ngħodd 'il Raħab u 'l Babilonja ma' dawk li jagħrfuni. Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja, dawn twieldu hemm?"
(S:87:5) U għal Sijon jingħad: "Lkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha! U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f'postha."
(S:87:6) Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli: "Dan twieled hemm?"
(S:87:7) U jgħannu, huma u jiżfnu, dawk kollha li jgħammru fik.


88. Krib u lmenti fin-niket

(S:88:1) Għanja. Salm ta' wlied Koraħ. Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Fi żmien il-mar?"(?). Maskil. Ta' Ħeman, l-Eżraħi,
(S:88:2) Mulej, Alla tiegħi, binhar jien ngħajjat, billejl jien nitniehed quddiemek.
(S:88:3) Ħa tasal it-talba tiegħi għandek, agħti widen għat-talba tiegħi.
(S:88:4) Għax ruħi mimlija bil-hemm, lejn il-qabar qed toqrob ħajti.
(S:88:5) Jien magħdud ma' min nieżel fil-ħofra, sirt qisni bniedem bla saħħa.
(S:88:6) Fost il-mejtin hu friexi, bħall-maqtulin mimduda fil-qabar,
li fihom ma tiftakarx iżjed u m'humiex aktar taħt idejk.
(S:88:7) Inti xħettni f'qiegħ il-ħofra, fid-dlamijiet, f'qiegħ l-art.
(S:88:8) Fuqi tagħfas il-qilla tiegħek, fuqi tfajt l-imwieġ kollha tiegħek.
(S:88:9) Ħadtli 'l ħbiebi 'l bogħod minni, għamiltni ħaġa ta' għajb għalihom; ninsab magħluq, u ma nistax noħroġ;
(S:88:10) għajnejja mdallma bil-għali. Lilek, Mulej, kuljum insejjaħ, lejk immidd idejja.
(S:88:11) Tagħmel int għeġubijet mal-mejtin, jew se jqumu l-erwieħ biex ifaħħruk?
(S:88:12) Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, jew f'post it-telfien il-fedeltà tiegħek?
(S:88:13) Jingħarfu fid-dlam l-għeġubijiet tiegħek, jew f'art il-minsija l-ġustizzja tiegħek?
(S:88:14) Imma jien, Mulej, lejk ngħajjat, fil-għodu għandek tasal it-talba tiegħi.
(S:88:15) Għaliex, Mulej, twarrabni, u taħbi wiċċek minni?
(S:88:16) Msejken jien, u qisni mejjet sa minn żgħożiti, nħossni mifni, mgħobbi bil-biża' tiegħek.
(S:88:17) Għaddiet minn fuqi l-qilla tiegħek, fnietni l-imġiba tiegħek tal-biża'.
(S:88:18) Kuljum bħall-ilma jdawwruni, flimkien minn kull naħa jagħlquni.
(S:88:19) Int bigħedt minni l-ħbieb u l-qraba, sħabi huma d-dlamijiet.


89. Iżrael u l-wegħda ta' Alla lil David

(S:89:1) Maskil. Ta' Etan, l-Eżraħi.
(S:89:2) It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; f'kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
(S:89:3) Għax jien għedt: "Tjubitek tibqa' sħiħa għal dejjem; bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek."
(S:89:4) "Għamilt patt mal-magħżul tiegħi, ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
(S:89:5) 'Jien nagħmel li nislek jibqa' għal dejjem, li f'kull żmien jibqa' sħiħ it-tron tiegħek.'?"
(S:89:6) Ifaħħru s-smewwiet għeġubijietek, Mulej, u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin.
(S:89:7) Għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej? Min jixbah lill-Mulej fost dawk li hemm fis-sema?
(S:89:8) Tal-biża' Alla fil-laqgħa tal-qaddisin, kbir u tal-biża' fuq dawk kollha ta' madwaru.
(S:89:9) Mulej, Alla ta' l-eżerċti, min hu bħalek? Int qawwi, Mulej, u kollok fedeltà.
(S:89:10) Int taħkem fuq il-baħar imqalleb; meta jqumu l-imwieġ int trażżanhom.
(S:89:11) Int tisħaq 'il Raħab bħal midrub għall-mewt; bi driegħek setgħani tferrex l-għedewwa tiegħek.
(S:89:12) Tiegħek is-smewwiet u tiegħek l-art, id-dinja b'kull ma fiha int waqqaftha.
(S:89:13) It-Tramuntana u n-Nofsinhar inti ħlaqthom; b'ismek jifirħu t-Tabor u l-Ħermon.
(S:89:14) Driegħ kollu qawwa hu driegħek, b'saħħitha idek, merfugħa lemintek.
(S:89:15) Fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron tiegħek; tjieba u fedeltà jgħaddu quddiemek.
(S:89:16) Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, li jimxi, Mulej, fid-dawl ta' wiċċek.
(S:89:17) B'ismek jithennew il-jum kollu, u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
(S:89:18) Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom; għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
(S:89:19) Għax il-Mulej it-tarka tagħna; il-Qaddis ta' Iżrael is-sultan tagħna.
(S:89:20) Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom: "Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni; ħtart żagħżugħ u għollejtu fuq il-poplu.
(S:89:21) Sibt 'il David, qaddej tiegħi, biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu
; (S:89:22) tkun idi dejjem miegħu, u nsaħħu wkoll bi driegħi.
(S:89:23) Ma jgħakksux l-għadu tiegħu; ma jbaxxihx il-bniedem ħażin
. (S:89:24) Nxejjen quddiemu l-għedewwa tiegħu, u nsawwat lil min jobogħdu.
(S:89:25) Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi; b'ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.
(S:89:26) Is-setgħa ta' idejh nifrex fuq il-baħar; fuq ix-xmajjar taħkem il-leminija tiegħu.
(S:89:27) Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!
(S:89:28) U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi, l-ogħla fost is-slaten ta' l-art.
(S:89:29) It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem, u l-patt tiegħi miegħu jibqa' sħiħ.
(S:89:30) Nagħmel li nislu jibqa' għal dejjem; it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema.
(S:89:31) Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi, u ma jimxux skond il-preċetti tiegħi;
(S:89:32) jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi, u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi,
(S:89:33) jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga, u bis-swat il-ħażen tagħhom.
(S:89:34) Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu; ma niksirx il-kelma li tajtu.
(S:89:35) Ma nonqosx mill-patt tiegħi; ma nerġax lura minn kelmti.
(S:89:36) Ħlift bi qdusiti darba għal dejjem, żgur li b'David ma nqarraqx.
(S:89:37) Nislu għal dejjem jibqa'; it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.
(S:89:38) Bħall-qamar jibqa' għal dejjem; it-tron tiegħu aktar sod mis-sema."
(S:89:39) Imma int warrabt is-sultan midluk tiegħek; għadabt għalih u begħedtu minnek.
(S:89:40) Ħassart il-patt mal-qaddej tiegħek; kasbart ma' l-art il-kuruna tiegħu.
(S:89:41) Ġarraft il-ħitan tiegħu kollha; għamilt ħerba mis-swar tiegħu.
(S:89:42) Kull min jgħaddi minn ħdejh jisirqu; sar iż-żebliħ tal-ġirien tiegħu.
(S:89:43) Qajjimt il-leminija ta' l-għedewwa tiegħu, ferraħt 'il dawk kollha li huma kontrih.
(S:89:44) Reġġajtlu lura s-sejf misnun tiegħu; ma waqaftx miegħu fit-taqbida.
(S:89:45) Kissirtlu x-xettru ta' ġieħu; ma' l-art tfajtlu t-tron tiegħu.
(S:89:46) Qassartlu ż-żmien ta' żgħożitu, u ksejtu bil-mistħija.
(S:89:47) Mulej, se tibqa' għal dejjem tinħeba minna? Se jibqa' ħuġġieġa nar l-għadab tiegħek?
(S:89:48) Ftakar li ftit huma jiem ħajti. Għal daqshekk int ħlaqtu l-bniedem?
(S:89:49) Min hu li jgħix u ma jarax il-mewt? Min jeħlisha mis-setgħa ta' l-imwiet?
(S:89:50) Fejn hi, Sidi, it-tjieba tiegħek ta' dari? Fejn hi l-fedeltà li biha ħlift lil David?
(S:89:51) Ftakar, Sidi, kif inhu mkasbar il-qaddej tiegħek; kif qed nilqa' ġo fija ż-żebliħ tal-popli,
(S:89:52) iż-żebliħ li qed jagħmlulna l-għedewwa tiegħek, Mulej, li qed ikasbru kull ħjiel tas-sultan midluk tiegħek.
(S:89:53) Mbierek il-Mulej għal dejjem! Amen! Amen!


90. Ix-xejn tal-bniedem quddiem Alla

(S:90:1) Talba ta' Mosè, il-bniedem ta' Alla.
Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.
(S:90:2) Qabel ma twieldu l-muntanji, qabel ma tnisslu l-art u d-dinja, minn dejjem ta' dejjem int, o Alla!
(S:90:3) Int traġġa' l-bnedmin lejn it-trab, u tgħidilhom: "Erġgħu lura, intom bnedmin?"
(S:90:4) Elf sena huma għalik bħal jum ta' lbieraħ li għadda, jew bħal sahra tal-lejl.
(S:90:5) Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma. Huma bħall-ħaxix li jinbet fil-għodu;
(S:90:6) fil-għodu jwarrad u jħaddar, fil-għaxija jidbiel u jinxef.
(S:90:7) Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek, mibluha minħabba l-għadab tiegħek.
(S:90:8) Int ġibt quddiem għajnejk ħtijietna, dnubietna l-moħbija fid-dawl ta' wiċċek.
(S:90:9) Jiemna kollha jgħibu minħabba qilltek, jintemmu bħal tnehida s-snin ta' ħajjitna.
(S:90:10) Żmien ħajjitna hu b'kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f'saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.
(S:90:11) Min jista' jifhem il-qawwa ta' qilltek? Min jista' jqis il-biża' ta' għadbek?
(S:90:12) Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
(S:90:13) Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum? Ħenn għall-qaddejja tiegħek.
(S:90:14) Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek, biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
(S:90:15) Ferraħna daqs kemm għakkistna, għas-snin li fihom rajna l-ħsara.
(S:90:16) Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
(S:90:17) Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna! Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna, wettaq, iva, xogħol idejna.


91. Taħt il-ħarsien ta' Alla

(S:91:1) Int li tgħix għall-kenn ta' l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta' dak li jista' kollox,
(S:91:2) għid lill-Mulej: "Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama."
(S:91:3) Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt.
(S:91:4) Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.
(S:91:5) Ma tibżax mill-biża' tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar,
(S:91:6) minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f'nofsinhar.
(S:91:7) Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.
(S:91:8) Int dan tarah biss b'għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.
(S:91:9) Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek.
(S:91:10) Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek.
(S:91:11) Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha.
(S:91:12) Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma' xi ġebla riġlek.
(S:91:13) Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta' ljun u serp int tirfes.
(S:91:14) La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu.
(S:91:15) Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu;
(S:91:16) u b'għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.


92. L-għanja tal-ġust

(S:92:1) Salm. Għanja għal jum is-Sibt.
(S:92:2) Tajjeb li nfaħħru l-Mulej, li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
(S:92:3) Nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek, u billejl il-fedeltà tiegħek,
(S:92:4) fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa, u bid-daqq taċ-ċetra.
(S:92:5) Għax inti, Mulej, ferraħtni b'għemilek; għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.
(S:92:6) Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek, kemm huma għolja ħsibijietek!
(S:92:7) Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx, u l-iblah ma jifhimhomx.
(S:92:8) Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, lkoll għad jinqerdu għal dejjem.
(S:92:9) Imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.
(S:92:10) Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej, l-għedewwa tiegħek jintilfu; jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.
(S:92:11) Imma lili daqs gendus saħħaħtni, żejt ifuħ sawwabtli fuqi.
(S:92:12) Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi, widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.
(S:92:13) Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber.
(S:92:14) Mħawwlin f'dar il-Mulej, iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.
(S:92:15) Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollhom ħajja u ħdura,
(S:92:16) biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi, u ebda qerq ma jinsab fih.


93. Alla sultan kbir

(S:93:1) Il-Mulej isaltan; il-kobor libes, libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
(S:93:2) Mwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem; minn dejjem ta' dejjem int.
(S:93:3) Jgħollu x-xmajjar, Mulej, jgħollu x-xmajjar leħinhom, jgħollu x-xmajjar il-ħsejjes tagħhom.
(S:93:4) Aqwa mill-ħsejjes ta' l-ilma kotran, aqwa mill-imwieġ tal-baħar, qawwi l-Mulej fl-għoli.
(S:93:5) Il-kmandamenti tiegħek ta' min joqgħod fuqhom; qdusija lil darek tixraq, Mulej, sa kemm itul iż-żmien.


94. Alla jaf jitħallas

(S:94:1) Mulej, Alla li taf titħallas, Alla li taf titħallas, tfaċċa!
(S:94:2) Qum, mħallef tad-dinja, roddilhom li ħaqqhom lill-kburin.
(S:94:3) Kemm se jdumu l-ħżiena, Mulej, kemm se jdumu l-ħżiena jifirħu?
(S:94:4) Kliem kburi joħroġ minn fommhom; kull min jagħmel il-ħażen jiftaħar.
(S:94:5) Huma jkasbru, Mulej, lill-poplu tiegħek, u jgħakksu lill-poplu ta' wirtek.
(S:94:6) Joqtlu l-armla u l-barrani, u l-mewt jagħtu lill-iltiema;
(S:94:7) u jgħidu: "Ma jarax il-Mulej; ma jintebaħx Alla ta' Ġakobb."
(S:94:8) Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu! Nies bla moħħ, meta se tintebħu?
(S:94:9) Forsi min għamel il-widnejn ma jismax? Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax?
(S:94:10) Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx? Jew m'għandux għerf min jgħallem lill-bniedem?
(S:94:11) Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem, u jaf li m'humiex ħlief frugħa.
(S:94:12) Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej, li tgħallmu l-liġi tiegħek,
(S:94:13) biex isserrħu f'jiem l-għawġ, sa ma jitħaffer il-qabar għall-ħati.
(S:94:14) Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
(S:94:15) Għax il-ħaqq jerġa' jsir bil-ġustizzja, u fuqu jimxu dawk kollha ta' qalb safja.
(S:94:16) Min se jaqbeż għalija kontra l-ħżiena? Min se jżomm miegħi kontra min jagħmel il-ħażen?
(S:94:17) Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna, għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.
(S:94:18) Biżżejjed ngħid: "Qiegħed jiżloq riġli?" biex tjubitek, Mulej, tweżinni.
(S:94:19) Meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek ihennili ruħi.
(S:94:20) Jistgħu mħallfin ħżiena jissieħbu miegħek, li jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi?
(S:94:21) Jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust, u jikkundannaw in-nies bla ħtija.
(S:94:22) Iżda l-Mulej hu fortizza għalija, u Alla tiegħi l-blata tal-kenn tiegħi.
(S:94:23) Hu jdawwar għal fuqhom ħżunithom, għall-ħażen tagħhom jeqridhom; jeqridhom il-Mulej Alla tagħna!


95. Sejħa għat-tifħir lil Alla u għall-indiema

(S:95:1) Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej, ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
(S:95:2) Nersqu quddiemu b'għana ta' radd il-ħajr, ngħannulu b'għajat ta' ferħ.
(S:95:3) Għax Alla kbir hu l-Mulej, sultan kbir fuq l-allat kollha.
(S:95:4) F'idejh huma qigħan l-art, tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
(S:95:5) Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; tiegħu l-art, għax b'idejh saret.
(S:95:6) Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
(S:95:7) Għaliex hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u
n-nagħaġ tiegħu. M'hux li kontu llum tisimgħu leħnu!
(S:95:8) "La twebbsux qalbkom bħal f'Meriba, bħal dakinhar f'Massa, fid-deżert,
(S:95:9) meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, għalkemm raw dak li jien għamilt.
(S:95:10) Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; u jien għedt: 'Qalbu mħassra dan il-poplu, u triqati ma jagħrfux.'
(S:95:11) Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi?"


96. Tifħir lis-Sultan tad-dinja

(S:96:1) Għannu lill-Mulej għanja ġdida; għannu lill-Mulej fl-art kollha!
(S:96:2) Għannu lill-Mulej, bierku ismu! Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
(S:96:3) Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
(S:96:4) Għax kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna, tal-biża' aktar mill-allat kollha.
(S:96:5) Għax kollha frugħa l-allat tal-popli; Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!
(S:96:6) Ġmiel u sebħ huma quddiemu, qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.
(S:96:7) Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli, agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
(S:96:8) agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu! Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
(S:96:9) inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis; triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art!
(S:96:10) Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan?" Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek; hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.
(S:96:11) Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art, ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,
(S:96:12) ħa jifraħ ir-raba' u kull ma fih, u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
(S:96:13) quddiem il-Mulej, għax ġej, għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art. Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa tiegħu.


97. Is-setgħa u l-kobor ta' Alla Sultan

(S:97:1) Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, u jifirħu l-ħafna gżejjer!
(S:97:2) Sħab u dlam hemm madwaru; is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu.
(S:97:3) In-nar jimxi quddiemu, u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu.
(S:97:4) Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; tara dan l-art u titriegħed.
(S:97:5) Bħax-xama' jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej, quddiem is-Sid ta' l-art kollha.
(S:97:6) Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu; jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.
(S:97:7) Jinfixlu dawk kollha li jqimu l-idoli, li jiftaħru bix-xbihat fiergħa tagħhom; u quddiemu jinxteħtu l-allat kollha.
(S:97:8) Tisma' dan u tifraħ Sijon, jaqbżu bil-ferħ l-ibliet ta' Ġuda, minħabba l-ġustizzja tiegħek, Mulej.
(S:97:9) Għax int, Mulej, inti l-Għoli, 'il fuq mill-art kollha, ogħla ħafna mill-allat.
(S:97:10) Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen, iħares il-ħajja ta' ħbiebu, jeħlishom minn idejn il-ħżiena.
(S:97:11) Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust, u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
(S:97:12) Ifirħu, ġusti, fil-Mulej, u faħħru l-isem qaddis tiegħu.

98. Ferħ u tifħir wara r-rebħa

(S:98:1) Salm. Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ ta' l-għaġeb. Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu, u d-driegħ imqaddes tiegħu.
(S:98:2) Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f'għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
(S:98:3) Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu mal-poplu ta' Iżrael. L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, rat is-salvazzjoni ta' Alla tagħna.
(S:98:4) Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
(S:98:5) Għannu lill-Mulej biċ-ċetra, biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta' l-għana,
(S:98:6) bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti; għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!
(S:98:7) Ħa jriegħed il-baħar u kull ma fih, id-dinja u kull ma jgħammar fiha.
(S:98:8) Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom, u l-muntanji flimkien jgħajjtu bil-ferħ
(S:98:9) quddiem il-Mulej, għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art; hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa.


99. Alla sultan ġust

(S:99:1) Il-Mulej isaltan; jitkexkxu l-ġnus! Fuq il-kerubini t-tron tiegħu; ħa titheżheż l-art!
(S:99:2) Kbir il-Mulej f'Sijon; hu jaħkem fuq il-popli kollha.
(S:99:3) Ħa jfaħħru ismek, kbir u tal-biża', għax hu qaddis u qawwi.
(S:99:4) Int sultan li tħobb il-ġustizzja u waqqaft is-sewwa; id-dritt u s-sewwa tagħmel ma' Ġakobb.
(S:99:5) Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, inxteħtu quddiem mirfes riġlejh, għax hu qaddis!
(S:99:6) Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu, u Samwel fost dawk li jsejjħu ismu, kienu jsejjħu l-Mulej, u hu jweġibhom.
(S:99:7) F'kolonna ta' sħab kien jitkellem magħhom; kienu jħarsu l-preċetti u l-liġi li tahom.
(S:99:8) Mulej, Alla tagħna, inti smajthom; int Alla li tagħder kont għalihom; iżda tħallast ta' l-imġiba ħażina tagħhom.
(S:99:9) Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna, u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu; għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna!


100. Sejħa għat-tifħir fit-tempju

(S:100:1) Salm. Għal radd il-ħajr. Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta' l-art,
(S:100:2) aqdu bil-ferħ lill-Mulej, idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.
(S:100:3) Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
(S:100:4) Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu, bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu; roddulu ħajr u bierku ismu!
(S:100:5) Għax twajjeb il-Mulej, għal dejjem it-tjieba tiegħu; minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.


101. L-imġiba tajba tal-mexxejja tal-poplu

(S:101:1) Salm ta' David.
Ngħanni u nxandar it-tjieba u l-ġustizzja; lilek, Mulej, irrid ngħanni.
(S:101:2) Irrid nimxi bl-għaqal fit-triq il-perfetta; meta sa tiġi għandi? Nġib ruħi b'qalb safja ġewwa dari;
(S:101:3) ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja. Nobgħod 'il min jagħmel il-ħażen, u ma norbotx qalbi miegħu.
(S:101:4) Qalb imħassra nżommha 'l bogħod minni; il-ħażin ma rridx naf bih. (S:101:5) Min iqassas bil-moħbi fuq għajru, lil dan jien neqirdu. Min għajnejh merfugħa u qalbu mkabbra, ma nistax inġerrgħu.
(S:101:6) Nżomm għajnejja fuq it-twajbin ta' l-art, biex dawn joqogħdu miegħi. Min jimxi fit-triq il-perfetta, dan hu li jaqdini.
(S:101:7) Ma jgħammarx f'dari min jimxi bil-qerq; ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-gideb.
(S:101:8) Għodwa wara l-oħra neqred il-ħżiena kollha ta' l-art, biex inwarrab mill-belt tal-Mulej 'il kull min jagħmel il-ħażen.



102. Krib u talb fl-hemm

(S:102:1) Talba ta' wieħed imnikket, li fit-telqa tiegħu jiftaħ qalbu mdejjqa quddiem il-Mulej.
(S:102:2) Mulej, isma' t-talba tiegħi, ħa tasal għandek l-għajta tiegħi.
(S:102:3) Taħbix wiċċek minni f'jum id-dwejjaq tiegħi; ressaq widintek lejja, meta nsejjaħlek fittex weġibni!
(S:102:4) Għax jiemi bħal duħħan jgħibu; u għadmi bħal ħuġġieġa jaqbad.
(S:102:5) Nixfet qalbi bħal ħaxix maqtugħ; ninsa niekol sa l-ħobż tiegħi.
(S:102:6) Bl-ilfiq qawwi tiegħi sirt għadma u ġilda.
(S:102:7) Qisni xi tajra fix-xagħri; sirt bħal kokka qalb xi ħerba.
(S:102:8) Nibqa' mqajjem u nitniehed, bħal għasfur waħdu fuq bejt.
(S:102:9) Il-jum kollu jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, jixegħlu għalija u jidgħu bija.
(S:102:10) Niekol l-irmied bħal ħobż, u x-xorb tiegħi bid-dmugħ inħallat,
(S:102:11) minħabba l-għadab u s-saħna tiegħek, għax inti rfajtni, u mbagħad tlaqtni.
(S:102:12) Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta' filgħaxija; u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef.
(S:102:13) Imma int, Mulej, għal dejjem tibqa'; minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.
(S:102:14) Inti tqum u tħenn għal Sijon, għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.
(S:102:15) Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha; tiġihom ħasra mit-trab tagħha.
(S:102:16) Ħa jkollhom il-ġnus il-biża' ta' ismek, Mulej, u s-slaten kollha ta' l-art il-biża' tas-sebħ tiegħek,
(S:102:17) meta l-Mulej jerġa' jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu.
(S:102:18) U jisma' t-talb tal-mitluqin, ma jistmellx it-talb tagħhom.
(S:102:19) Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi, u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
(S:102:20) Il-Mulej iħares 'l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu, u jittawwal mis-sema lejn l-art,
(S:102:21) biex jisma' l-krib ta' l-ilsiera, biex jeħles 'il dawk li huma għall-mewt.
(S:102:22) U hekk jixxandar f'Sijon isem il-Mulej, u f'Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
(S:102:23) meta l-popli flimkien jinġemgħu, u saltniet biex jaqdu l-Mulej.
(S:102:24) Neħħieli saħħti f'nofs it-triq, qassarli ż-żmien ta' ħajti.
(S:102:25) Jien ngħidlu: "Alla tiegħi, la teħodnix f'nofs ħajti, la darba żmienek idum għal dejjem.
(S:102:26) L-art int waqqaftha sa mill-bidu; għemil idejk huma s-smewwiet.
(S:102:27) Huma jgħaddu, imma int tibqa'; bħal libsa huma lkoll jiqdiemu, tbiddilhom bħal libsa u jintemmu.
(S:102:28) Imma int li int tibqa'; bla tmiem huma s-snin tiegħek.
(S:102:29) Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom; nisilhom jibqa' għal dejjem quddiemek."


103. L-imħabba u l-ħniena ta' Alla

(S:103:1) Ta' David.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
(S:103:2) Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
(S:103:3) Hu li jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
(S:103:4) jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;
(S:103:5) ixabba' bil-ġid snin ħajtek, u bħal ta' l-ajkla tiġġedded żgħożitek.
(S:103:6) Il-Mulej jagħmel is-sewwa, u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
(S:103:7) Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu, l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.
(S:103:8) Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
(S:103:9) Ma joqgħodx jitlewwem magħna, u anqas jinkorla għal dejjem.
(S:103:10) Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.
(S:103:11) Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art, hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu;
(S:103:12) daqs kemm hu mbiegħed il-lvant mill-punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
(S:103:13) Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża' tiegħu.
(S:103:14) Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.
(S:103:15) Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem, bħall-fjur tar-raba', hekk jikber.
(S:103:16) Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa, u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien.
(S:103:17) Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem ma' dawk li għandhom il-biża' tiegħu, u s-sewwa tiegħu ma' wlied uliedhom;
(S:103:18) ma' dawk li jħarsu l-patt tiegħu, u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom.
(S:103:19) Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema, u saltnatu fuq kollox taħkem.
(S:103:20) Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha, setgħana u qawwija li tagħmlu l-ordni tiegħu, malli tisimgħu leħen il-kelma tiegħu.
(S:103:21) Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha, qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.
(S:103:22) Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha, kullimkien fis-saltna tiegħu. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

104. Tifħir lil Alla l-ħallieq

(S:104:1) Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej! Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta! Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
(S:104:2) bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb. Inti frixt is-smewwiet bħal tinda,
(S:104:3) waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek. Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek, fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.
(S:104:4) L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek, u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek.
(S:104:5) Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha, b'mod li qatt ma titħarrek;
(S:104:6) bl-ibħra, bħal b'libsa, inti ksejtha; u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.
(S:104:7) Malli inti ċċanfarhom, jaħarbu; malli jriegħed leħnek, jitkexkxu.
(S:104:8) Ma' l-għoljiet jogħlew, fil-widien jinżlu; posthom, li int tajthom, jieħdu.
(S:104:9) Ma jaqbżux it-tarf li int ħażżiżtilhom, biex qatt aktar ma jerġgħu jgħattu l-art.
(S:104:10) L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien, u huma jiġru qalb l-għoljiet.
(S:104:11) Jisqu l-bhejjem kollha tar-raba', u l-ħmir selvaġġi jaqtgħu l-għatx tagħhom.
(S:104:12) Ħdejhom jgħammru l-għasafar ta' l-ajru, minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.
(S:104:13) Inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.
(S:104:14) Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art,
(S:104:15) nbid li jferraħ qalb il-bniedem, żejt li jsebbħilhom wiċċhom, u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.
(S:104:16) Jixbgħu bl-ilma s-siġar tal-Mulej, iċ-ċedri tal-Libanu li hu ħawwel.
(S:104:17) Fihom ibejjtu l-għasafar, iċ-ċikonja tgħammar fil-qċaċet tagħhom.
(S:104:18) Fl-għoljiet il-kbar joqogħdu ċ-ċriev, l-irdum jagħti l-kenn lill-fniek tax-xagħri.
(S:104:19) Il-qamar int għamilt biex juri ż-żmien, u lix-xemx urejtha xħin għandha tinżel.
(S:104:20) Titfa' d-dlam, u jsir il-lejl; fih jiġġerrew il-bhejjem kollha tal-bosk.
(S:104:21) Frieħ l-iljun jgħajjtu biex jaħtfu, jittallbu mingħand Alla l-ikel tagħhom.
(S:104:22) Malli titla' x-xemx jinġabru, fl-għerien tagħhom jitgeddsu.
(S:104:23) U l-bniedem joħroġ għax-xogħol, u jibqa' jaħdem sa filgħaxija.
(S:104:24) Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-għerf għamilthom; Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
(S:104:25) Dan il-baħar ta' kobor u wisa' bla tarf, li fih jimraħ ħut bla għadd; bhejjem żgħar u bhejjem kbar.
(S:104:26) Id-dgħajjes jimxu fuq il-mewġ tiegħu, fih jitliegħeb il-Levjatan, li int għamilt.
(S:104:27) Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha li tagħtihom ikilhom f'waqtu.
(S:104:28) Inti tagħtihom, u huma jiġbru; tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.
(S:104:29) Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu; jekk teħdilhom nifishom, imutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
(S:104:30) Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.
(S:104:31) Jibqa' sebħ il-Mulej għal dejjem! Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
(S:104:32) Kif hu jħares lejn l-art titheżheż; kif imiss l-għoljiet, idaħħnu.
(S:104:33) Ngħanni lill-Mulej tul ħajti kollha, ndoqq lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.
(S:104:34) Ħa togħġbu l-għanja tiegħi, għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi.
(S:104:35) Jintemmu minn fuq l-art il-midinbin, u jgħibu l-ħżiena. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej. Hallelujah!

105. It-tjieba ta' Alla ma' Iżrael

(S:105:1) Faħħru l-Mulej u xandru ismu, għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
(S:105:2) Għannulu u doqqulu, xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
(S:105:3) Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu; tifraħ il-qalb ta' dawk li jfittxu l-Mulej.
(S:105:4) Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, fittxu 'l wiċċu l-ħin kollu.
(S:105:5) Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
(S:105:6) Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu, ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
(S:105:7) Jaħweh hu Alla tagħna! Ma' l-art kollha l-ġudizzji tiegħu!
(S:105:8) Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu, fil-kelma li ta għal elf nisel,
(S:105:9) fil-patt li għamel ma' Abraham, fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,
(S:105:10) li ġedded lil Ġakobb b'liġi, lil Iżrael b'patt għal dejjem,
(S:105:11) meta qal: "Lilek nagħti l-art ta' Kangħan, bħala sehem wirtkom.
" (S:105:12) Ftit kienu għadhom jgħoddu, ma kinux ħlief ftit barranin f'dik l-art,
(S:105:13) jiġġerrew minn ġens għal ieħor, minn saltna għal għand poplu ieħor.
(S:105:14) Hu ma ħalla 'l ħadd jaħqarhom; slaten rażżan minħabba fihom:
(S:105:15) "Tmissux 'il dawk li huma kkonsagrati lili, tagħmlux deni lill-profeti tiegħi."
(S:105:16) Mbagħad bagħat il-ġuħ fuq l-art, qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba' tagħhom.
(S:105:17) Kien bagħat qabilhom raġel, 'il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir.
(S:105:18) Rabtulu riġlejh bil-ktajjen, dawwrulu l-ħadid ma' għonqu,
(S:105:19) sakemm seħħ dak li kien ħabbar, u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu.
(S:105:20) Is-sultan bagħat iħollu, dak li jaħkem il-popli ħelsu.
(S:105:21) Għamlu sid fuq id-dar tiegħu, ħallielu f'idejh ġidu kollu,
(S:105:22) biex jgħallem hu stess lill-kbarat, u juri l-għerf lill-kapijiet tiegħu.
(S:105:23) Mbagħad Iżrael niżel fl-Eġittu, Ġakobb għex barrani fl-art ta' Ħam.
(S:105:24) U kattar ħafna l-poplu tiegħu, saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.
(S:105:25) Dawwrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu, biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu.
(S:105:26) Bagħat lil Mosè, il-qaddej tiegħu, u lil Aron, li hu kien għażel.
(S:105:27) Wera bihom għeġubijietu, ħwejjeġ ta' l-għaġeb fl-art ta' Ħam.
(S:105:28) Bagħat id-dlam, u dalam; iżda huma webbsu rashom għal kliemu.
(S:105:29) Biddlilhom l-ilma f'demm, qerdilhom il-ħut tagħhom.
(S:105:30) Arthom imtliet biż-żrinġijiet, sa ġol-kmamar tas-slaten tagħhom.
(S:105:31) Mal-kelma tiegħu ġew qtajja' ta' dubbien, u nemus ma' arthom kollha.
(S:105:32) Tahom is-silġ minflok ix-xita; ilsna tan-nar ileħħu f'arthom.
(S:105:33) Laqtilhom id-dwieli u s-siġar tat-tin, qerdilhom is-siġar tar-raba' tagħhom.
(S:105:34) Mal-kelma tiegħu ġew il-ġradijiet, ġradijiet żgħar li ħadd ma jgħoddhom.
(S:105:35) U belgħu l-ħxejjex kollha f'arthom, kielu l-frott tar-raba' tagħhom.
(S:105:36) Qatel l-ulied il-kbar kollha ta' arthom, l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.
(S:105:37) Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb, ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom.
(S:105:38) Ferħu l-Eġizzjani bit-tluq tagħhom, għax fuqhom kien waqa' l-biża' tagħhom.
(S:105:39) Firex sħaba biex ikenninhom, xegħel in-nar għad-dawl billejl.
(S:105:40) Talbuh u bagħtilhom is-summien; temagħhom sax-xaba' bil-ħobż mis-sema.
(S:105:41) Xaqqaq blata u minnha ħareġ l-ilma, li ġera mad-deżert bħal xmara.
(S:105:42) Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu, u f'Abraham, il-qaddej tiegħu.
(S:105:43) U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, b'għajat ta' ferħ lill-magħżulin tiegħu.
(S:105:44) U tahom artijiet il-ġnus, u xogħol il-popli wirtuh huma,
(S:105:45) biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu, u jżommu l-liġijiet tiegħu. Hallelujah!


106. Stqarrija tal-poplu ta' Alla

(S:106:1) Hallelujah! Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
(S:106:2) Min jista' jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej, jew isemma' t-tifħir tiegħu kollu?
(S:106:3) Hieni min jimxi bid-dritt, min jagħmel dejjem is-sewwa.
(S:106:4) Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek; aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,
(S:106:5) biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek, biex nifraħ għall-ferħ ta' ġensek, u niftaħar mal-poplu ta' wirtek.
(S:106:6) Aħna dnibna, bħal missirijietna, waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
(S:106:7) Missirijietna fl-Eġittu ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek, ma ftakrux fit-tjieba kbira tiegħek; u ħaduha kontra Alla l-Għoli ħdejn il-Baħar tal-Qasab.
(S:106:8) Iżda hu salvahom minħabba f'ismu, biex juri l-qawwa tiegħu.
(S:106:9) Ċanfar lill-Baħar tal-Qasab, u dan nixef; mexxiehom f'qiegħ il-baħar bħal f'deżert.
(S:106:10) Salvahom minn id dawk li jobogħduhom; fdiehom minn id l-għedewwa tagħhom.
(S:106:11) L-ilma għatta lil dawk li għakksuhom; anqas wieħed ma baqa' minnhom.
(S:106:12) Mbagħad emmnu fi kliemu, u għana ta' tifħir għannewlu.
(S:106:13) Iżda malajr insew għemilu; mank stennew li jseħħ ħsiebu.
(S:106:14) U qabdithom kilba bla lġiem fid-deżert, u ġarrbu lil Alla fix-xagħri,
(S:106:15) u tahom kull ma talbuh, anzi fgahom bl-ikel sa mnifsejhom.
(S:106:16) Ġiethom l-għira għal Mosè fl-għerejjex, u għal Aron, il-qaddis tal-Mulej.
(S:106:17) Nfetħet l-art u belgħet 'il Datan, u għalqet taħtha 'l Abiram u 'l sħabu.
(S:106:18) Ħaraq in-nar il-ġemgħa tan-nies tagħhom, nqerdu l-ħżiena fil-ħuġġieġa tan-nar.
(S:106:19) Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb, qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
(S:106:20) Bidlu 'l Alla, il-glorja tagħhom, ma' xbieha ta' gendus jiekol il-ħaxix.
(S:106:21) U nsew 'l Alla, li salvahom, li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
(S:106:22) għeġubijiet fl-art ta' Ħam, ħwejjeġ tal-biża' fil-Baħar tal-Qasab. (S:106:23) Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom, li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu, li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu, biex iberrdu u ma jeqridhomx.
(S:106:24) Mbagħad maqdru l-art li tgħaxxaq, għax ma emmnux fil-kelma tiegħu.
(S:106:25) Qagħdu jgergru fl-għerejjex tagħhom, ma ridux jisimgħu leħen il-Mulej.
(S:106:26) Għalhekk rafa' idu kontrihom, b'ħalfa li jmiddhom fid-deżert,
(S:106:27) li fost il-ġnus ixerred 'l uliedhom u ma' l-artijiet iferrixhom.
(S:106:28) Huma ngħataw lil Bagħal-pegħor, kielu mill-vittmi maqtula lill-allat mejta.
(S:106:29) Irrabjawh bl-imġiba tagħhom, u marda kerha faqqgħet fosthom.
(S:106:30) Qam imbagħad Fineħas u tħallas, u l-kastig waqaf għalkollox.
(S:106:31) Dan swielu għall-ġid tiegħu, minn nisel għal nisel, għal dejjem.
(S:106:32) Nkurlawh ukoll ħdejn l-ilma ta' Meriba, mqar Mosè weħel minħabba fihom;
(S:106:33) għax huma tellfulu sabru, u qal dak li ġie fi lsienu.
(S:106:34) Huma ma qerdux il-popli, kif il-Mulej kien qalilhom;
(S:106:35) imma tħalltu mal-ġnus, u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.
(S:106:36) Taw qima lill-idoli tagħhom, li saru bħal nassa għalihom.
(S:106:37) Qatlu b'sagrifiċċji lix-xjaten lil uliedhom subjien u bniet.
(S:106:38) Xerrdu demm bla ħtija, demm uliedhom subjien u bniet, li ssagrifikaw lill-idoli ta' Kangħan; u l-art tniġġset bid-dmija.
(S:106:39) Hekk tħassru bl-għemejjel tagħhom, u żnew bl-imġiba tagħhom.
(S:106:40) Għalhekk inkorla l-Mulej għall-poplu tiegħu, u stmell il-wirt tiegħu.
(S:106:41) U telaqhom f'idejn il-ġnus, ħakmuhom dawk li jobogħduhom.
(S:106:42) Għakksuhom l-għedewwa tagħhom, u kellhom joqogħdu taħt idejhom.
(S:106:43) Ħafna drabi hu ħelishom, iżda huma webbsu rashom miegħu, u ġġarrfu bil-ħażen tagħhom.
(S:106:44) Iżda hu ħares lejn l-hemm tagħhom, xħin sama' t-tnehid tagħhom.
(S:106:45) Ftakar fil-patt tiegħu magħhom; u fit-tjieba kbira tiegħu ħenn għalihom.
(S:106:46) U għamel li jsibu l-ħniena minn dawk kollha li kienu jassruhom.
(S:106:47) Salvana, Mulej, Alla tagħna, u iġmagħna minn fost il-ġnus, biex inroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek u niftaħru bit-tifħir tiegħek.
(S:106:48) Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, minn dejjem għal dejjem! Ħa jgħid il-poplu kollu: "Amen?" Hallelujah!


107. Alla jsalvana minn kull periklu

(S:107:1) Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:107:2) Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej, dawk li hu fdiehom mill-ħakma ta' l-għadu;
(S:107:3) ġabarhom minn ħafna artijiet, mil-lvant u l-punent, mit-tramuntana u n-nofsinhar.
(S:107:4) Kienu jiġġerrew fid-deżert, u jterrqu fix-xagħri; belt fejn jgħammru ma sabux.
(S:107:5) Bil-għatx u bil-ġuħ, saħħithom bdiet tħallihom.
(S:107:6) Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
(S:107:7) U qabbadhom it-triq it-tajba, biex imorru f'belt fejn jgħammru.
(S:107:8) Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
(S:107:9) Għaliex hu jxabba' lil min hu bil-għatx, u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ.
(S:107:10) Kienu fid-dlam u f'dell il-mewt, miżmuma fl-għaks u l-ktajjen,
(S:107:11) għax ħaduha kontra l-kelma ta' Alla, u warrbu l-ħsieb ta' l-Għoli.
(S:107:12) Għalhekk b'xogħol iebes għakkishom; waqgħu mitluqa bla ma sabu għajnuna.
(S:107:13) Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
(S:107:14) U ħariġhom mid-dlam u minn dell il-mewt, u kisser il-ktajjen tagħhom.
(S:107:15) Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
(S:107:16) Kisser il-bwieb tal-bronż, u qaċċat l-istaneg tal-ħadid.
(S:107:17) Nfnew minħabba l-imġiba ħażina tagħhom; sofrew minħabba ħżunithom.
(S:107:18) L-ikel kien jiġihom ħażin; kienu waslu sa wara bieb il-mewt.
(S:107:19) Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
(S:107:20) Bagħat il-kelma tiegħu u fejjaqhom, u ħelishom mit-telfien.
(S:107:21) Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
(S:107:22) U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr, u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.
(S:107:23) Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna, li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
(S:107:24) raw l-opri tal-Mulej u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.
(S:107:25) Hu ordna u qajjem riefnu, li qanqal imwieġ il-baħar.
(S:107:26) Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar; qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.
(S:107:27) Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra, u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.
(S:107:28) Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom, u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
(S:107:29) U bidel ir-riefnu f'żiffa, u sikket mewġ il-baħar.
(S:107:30) Huma ferħu għax ibbnazza; u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
(S:107:31) Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
(S:107:32) Ikabbruh fil-ġemgħa tal-poplu, u jfaħħruh fil-laqgħa tal-kbarat.
(S:107:33) Hu jbiddel ix-xmajjar f'deżert, u n-nixxigħat f'art niexfa.
(S:107:34) Art tajba jibdilha f'art mielħa, minħabba l-ħażen ta' dawk li jgħixu fiha.
(S:107:35) Hu jbiddel id-deżert f'għadajjar, u l-art niexfa f'nixxigħat ta' l-ilma.
(S:107:36) Hemmhekk lill-imġewwħin jagħtihom fejn jgħammru; u huma jibnu l-belt fejn joqogħdu.
(S:107:37) Jiżirgħu r-raba' u jħawwlu d-dwieli, u jiġbru ħafna frott.
(S:107:38) Hu jberikhom u joktru ħafna, ma jnaqqsilhomx l-imrieħel tagħhom.
(S:107:39) Jekk jiġu li jonqsu u jintelqu, magħkusa mill-hemm u mill-għali,
(S:107:40) hu jixħet it-tmaqdir fuq il-kbarat, u jitlaqhom jiġġerrew f'deżert bla triqat.
(S:107:41) Imma joħroġ mill-hemm lill-imsejkna, u jkattrilhom bħal merħla 'l nieshom.
(S:107:42) Jaraw dan it-twajbin u jifirħu, u l-ħżiena kollha jagħlqu ħalqhom.
(S:107:43) Min hu bil-għaqal iżomm dan f'moħħu, u jifhem it-tjieba tal-Mulej.


108. Talba għar-rebħa

(S:108:1) Għanja. Salm ta' David. (S:
108:2) Sħiħa qalbi, o Alla! Ħa ngħanni u ninseġ għanja:
(S:108:3) Qum, ruħ tiegħi, qum arpa u ċetra! Ħa nqajjem sbiħ il-jum!
(S:108:4) Nfaħħrek, Mulej, fost il-popli, ngħannilek fost il-ġnus;
(S:108:5) għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
(S:108:6) Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla! Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha,
(S:108:7) biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; għinna bil-leminija tiegħek u weġibna!
(S:108:8) Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: "Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem, nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.
(S:108:9) Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manassi, Efrajm hu l-elmu ta' rasi, u Ġuda x-xettru tiegħi.
(S:108:10) Mowab lenbija fejn ninħasel, fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, fuq Filistja nifraħ rebbieħ?"
(S:108:11) Min se jwassalni sal-belt bis-swar? Min se jeħodni sa Edom?
(S:108:12) M'hux int, o Alla, li warrabtna, u li m'għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?
(S:108:13) Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem,
(S:108:14) Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna; hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.


109. Talba kontra min ixerred il-kalunji

(S:109:1) Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. O Alla, li jiena nfaħħar, tibqax sieket!
(S:109:2) Għax nies ħżiena u qarrieqa fetħu fommhom kontrija; tkellmu u gidbu fuqi.
(S:109:3) Bi kliem il-mibegħda dawwruni, għal xejn b'xejn ħaduha kontrija.
(S:109:4) Għad li jien ħabbejthom, huma jixluni; imma jiena bqajt nitlob.
(S:109:5) Iħallsuni għall-ġid bid-deni, u għal imħabbti bil-mibegħda.
(S:109:6) Qegħedlu fuqu bniedem ħażin, ħa jkollu min jixlih fuq lemintu.
(S:109:7) Quddiem il-ħaqq ħa joħroġ ħati, u t-talba tiegħu titqies bi dnub.
(S:109:8) Ftit ikunu l-jiem ta' ħajtu, ħaddieħor jeħodlu xogħlu.
(S:109:9) Ikunu wliedu ltiema, u martu armla.
(S:109:10) Jiġġerrew u jittallbu wliedu, jitkeċċew min djarhom imħarbta.
(S:109:11) Jeħodlu kull ma għandu minn silfu, jaħtaflu l-barrani qligħ xogħlu.
(S:109:12) Ħadd ma juri tjieba miegħu, ħadd ma jħenn għall-iltiema tiegħu.
(S:109:13) Jinqata' darba għal dejjem nislu, f'nisel wieħed jitħassar ismu
. (S:109:14) Titfakkar il-ħtija ta' missirijietu, u dnub ommu ma jintesiex:
(S:109:15) ikunu dejjem quddiem il-Mulej, u tinqered mill-art it-tifkira tiegħu.
(S:109:16) Għax ma ħasibx biex jagħmel il-ħniena, imma ħabbat l-imsejken u l-fqajjar, biex joqtol 'il min hu qalbu maqsuma.
(S:109:17) Is-saħta ħabb; u s-saħta tinżel fuqu; u l-barka li ma ħabbx titbiegħed minnu!
(S:109:18) Hu libes is-saħta bħal libsa; ħa tidħollu bħall-ilma f'ġismu, u bħal żejt f'għadmu!
(S:109:19) Tkunlu bħal libsa li tkebbu, u bħal ħżiem li dejjem iħażżmu.
(S:109:20) Hekk iħallas il-Mulej lil dawk li jixluni, lil dawk li jgħidu l-ħażin fuqi.
(S:109:21) Imma int, Mulej Sidi, aqbeż għalija f'ġieħ ismek, eħlisni fil-ħniena u t-tjieba tiegħek.
(S:109:22) Għax jiena msejken u fqajjar, u qalbi muġugħa ġewwa fija.
(S:109:23) Qiegħed ngħib bħal dell li jgħaddi, mtajjar qisni ġrad.
(S:109:24) Bis-sawm dgħajfa rkubbtejja, niexef ġismi u magħlub.
(S:109:25) Fuqi waqa' t-tmaqdir tagħhom, iħarsu lejja u jħarrku rashom.
(S:109:26) Għinni, Mulej, Alla tiegħi; salvani fit-tjieba tiegħek.
(S:109:27) Ħa jagħraf li dan hu għemil tiegħek, li dan, Mulej, int għamiltu.
(S:109:28) Jisħtuni huma, imma int tberikni; ħa jqumu l-għedewwa u jistħu, imma jifraħ il-qaddej tiegħek.
(S:109:29) Jitgħattew bit-tmaqdir dawk li jixluni, jitkebbu bħal b'mantell bil-mistħija.
(S:109:30) Niżżi ħajr ħafna lill-Mulej, f'ġemgħa kbira ta' nies infaħħru.
(S:109:31) Għax hu joqgħod fuq il-lemin tal-fqajjar, biex isalvah minn dawk li jaqtgħuhielu għall-mewt.


110. Il-Messija, sultan u qassis rebbieħ

(S:110:1) Salm ta' David. Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: "Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk."
(S:110:2) Ix-xettru tal-qawwa tiegħek jibgħat il-Mulej minn Sijon: aħkem f'nofs l-għedewwa tiegħek.
(S:110:3) Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek fuq l-għoljiet imqaddsa, sa minn qabel is-sebħ bħan-nida jien nissiltek.
(S:110:4) Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobx bih: "Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek?"
(S:110:5) Sidi fuq lemintek, jidrob is-slaten f'jum qilltu.
(S:110:6) Jagħmel ħaqq mill-ġnus, kullimkien bil-mejtin jimtela; ifarrak l-irjus fil-wesgħa ta' l-art.
(S:110:7) Mill-wied jixrob fi triqtu, għalhekk jerfa' 'l fuq rasu


111. Kbir u twajjeb il-Mulej

(S:111:1) Hallelujah! Nrodd ħajr lill-Mulej b'qalbi kollha, fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
(S:111:2) Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.
(S:111:3) Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.
(S:111:4) Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; twajjeb u ħanin il-Mulej.
(S:111:5) Hu jagħti l-għajxien lil min jibża' minnu, jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
(S:111:6) Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta' għemilu, meta qassam lilhom art il-ġnus. (S:111:7) Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; ta' min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,
(S:111:8) mwettqa għal dejjem ta' dejjem, magħmula bis-sewwa u bid-dritt.
(S:111:9) Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu. Qaddis u tal-biża' hu ismu!
(S:111:10) Il-bidu ta' l-għerf hu l-biża' tal-Mulej: tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, għal dejjem jibqa' t-tifħir tiegħu!


112. Sliem u ġid tal-bniedem sewwa

(S:112:1) Hallelujah! Hieni l-bniedem li jibża' mill-Mulej, li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!
(S:112:2) Setgħan fuq l-art ikun nislu; nisel it-tajbin ikun imbierek.
(S:112:3) Ġid u għana jkunu f'daru; għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu.
(S:112:4) Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin; twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
(S:112:5) Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.
(S:112:6) Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel; għal dejjem tibqa' t-tifkira tiegħu.
(S:112:7) Xejn ma jibża' minn aħbar ħażina; qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.
(S:112:8) Qalbu qawwija, m'għandux mniex jibża', sa ma jara mxejjen l-għadu tiegħu.
(S:112:9) Iqassam u jagħti lill-foqra; għal dejjem tibqa' l-ġustizzja tiegħu; rasu merfugħa bil-ġieħ.
(S:112:10) Jarah il-ħażin u jinkedd, jgħażgħaż snienu u jtertaq qalbu. Imma x-xewqa tal-ħżiena tibqa' bla temma.




113. Alla l-Għoli jħares lejn iż-żgħar

(S:113:1) Hallelujah! Faħħru, qaddejja tal-Mulej, faħħru isem il-Mulej.
(S:113:2) Ikun isem il-Mulej imbierek, minn issa u għal dejjem!
(S:113:3) Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha ikun imfaħħar isem il-Mulej!
(S:113:4) Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
(S:113:5) Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fl-għoli?
(S:113:6) Hu li jħares 'l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art.
(S:113:7) Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, u jerfa' mill-miżbla l-fqajjar,
(S:113:8) biex mal-kbarat iqiegħdu, mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
(S:113:9) Il-mara bla wlied iqegħedha f'darha, jagħmilha omm ferħana b'uliedha. Hallelujah!


114. L-għanja ta' l-Għid

(S:114:1) Meta ħareġ Iżrael mill-Eġittu, Ġakobb minn poplu ta' lsien barrani,
(S:114:2) Ġuda sar is-santwarju tiegħu, Iżrael is-saltna tiegħu.
(S:114:3) Il-baħar rah u ħarab, il-Ġordan raġa' lura.
(S:114:4) Qabżu bħal kbiex il-muntanji, u bħal ħrief il-għoljiet.
(S:114:5) Xi ġralek, baħar, biex taħrab? Xi ġralek, Ġordan, biex terġa' lura?
S:114:6) Xi ġralkom, muntanji, biex taqbżu bħal kbiex, u intom, għoljiet, biex taqbżu bħal ħrief?
(S:114:7) Triegħed, art, quddiem is-Sid, quddiem Alla ta' Ġakobb,
(S:114:8) li jbiddel il-blat f'għadira, iż-żonqor f'għajn ta' ilma.


115. Il-Mulej waħdu hu Alla

(S:115:1) Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, iżda lil ismek sebbaħ, għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.
(S:115:2) Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: "Fejn hu Alla tagħhom?"
(S:115:3) Fis-smewwiet hu Alla tagħna; hu jagħmel kull ma jogħġbu.
(S:115:4) Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, xogħol ta' idejn il-bniedem.
(S:115:5) Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
(S:115:6) għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
(S:115:7) għandhom l-idejn, u ma jmissux; għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
(S:115:8) Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, u dawk kollha li jittamaw fihom.
(S:115:9) Iżrael ittama fil-Mulej; hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
(S:115:10) Dar Aron ittamaw fil-Mulej; hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
(S:115:11) Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
(S:115:12) Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; ibierek 'il dar Iżrael, ibierek 'il dar Aron.
(S:115:13) Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej, kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.
(S:115:14) Ikattarkom ħafna l-Mulej, lilkom u 'l uliedkom.
(S:115:15) Mberkin intom mill-Mulej, li għamel is-sema u l-art.
(S:115:16) Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; imma l-art hu taha lill-bnedmin.
(S:115:17) M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;
(S:115:18) imma aħna li nbierku l-Mulej, minn issa u għal dejjem. Hallelujah!


116. Fiduċja sħiħa fil-Mulej

(S:116:1) Nħobb il-Mulej, għax sama' leħen it-tħannin tiegħi;
(S:116:2) għaliex hu tani widen fil-jum li fih sejjaħtlu.
(S:116:3) Il-ħbula tal-mewt dawwruni, l-irbit ta' l-Imwiet ħakimni; fin-niket u l-hemm sibt ruħi. (
S:116:4) Imma isem il-Mulej sejjaħt: "Mulej, nitolbok, salvani?"
(S:116:5) Ħanin il-Mulej, u ġust; twajjeb hu Alla tagħna.
(S:116:6) Iħares id-dgħajfa l-Mulej; jien kont magħkus, u hu ħelisni.
(S:116:7) Erġa', ruħ tiegħi, għall-mistrieħ tiegħek, għax il-Mulej għamillek il-ġid.
(S:116:8) Għax mill-mewt ħelisli 'l ħajti, lil għajnejja mid-dmugħ u 'l riġlejja mit-tfixkil.
(S:116:9) Jien nimxi quddiem il-Mulej f'art il-ħajjin.
(S:116:10) Bqajt nemmen, mqar meta għedt: "Jiena mdejjaq ħafna?"
(S:116:11) Jien għedt fin-niket tiegħi: "Qarrieq hu kull bniedem."
(S:116:12) Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
(S:116:13) Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.
(S:116:14) Ntemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, quddiem il-poplu tiegħu kollu.
(S:116:15) Għażiża f'għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
(S:116:16) Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek, jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek. Int ħallejtli l-irbit tiegħi. (
S:116:17) Lilek noffri sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, u isem il-Mulej insejjaħ.
(S:116:18) Ntemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi, quddiem il-poplu tiegħu kollu,
(S:116:19) fil-btieħi ta' dar il-Mulej, ġo nofsok, Ġerusalemm! Hallelujah!


117. Il-popli jfaħħru lil Alla

(S:117:1) Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, sebbħuh, intom popli lkoll! (S:
117:2) Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, il-fedeltà tal-Mulej tibqa' għal dejjem. Hallelujah!




118. Purċissjoni trijonfali

(S:118:1) Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
(S:118:2) Ħa jgħidu wlied Iżrael: "Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
(S:118:3) Ħa tgħid dar Aron: "Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
(S:118:4) Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej: "Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
(S:118:5) Sejjaħt il-Mulej fid-dwejjaq tiegħi; u l-Mulej weġibni, u ħariġni fil-wisa'.
(S:118:6) La l-Mulej miegħi, m'għandix għax nibża'; x'jista' jagħmilli l-bniedem?
(S:118:7) Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, u nħares b'wiċċi minn quddiem lejn l-għedewwa tiegħi.
(S:118:8) Aħjar tiskenn fil-Mulej milli tittama fil-bnedmin.
(S:118:9) Aħjar tiskenn fil-Mulej milli tittama fil-kbarat.
(S:118:10) Il-ġnus kollha dawwruni; imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
(S:118:11) Dawwruni, minn kull naħa rassewni; imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
(S:118:12) Bħan-naħal daru miegħi, bħan-nar tax-xewk madwari jħeġġu; imma f'isem il-Mulej irbaħthom.
(S:118:13) B'saħħithom kollha imbuttawni biex naqa'; imma l-Mulej tani l-għajnuna.
(S:118:14) Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej; hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.
(S:118:15) Għajat ta' ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin: il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila!
(S:118:16) Il-leminija tal-Mulej 'il fuq merfugħa, il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta' ħila.
(S:118:17) Ma mmutx, imma nibqa' ngħix, u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
(S:118:18) Ħaqarni tassew il-Mulej, iżda ma telaqnix għall-mewt.
(S:118:19) Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja; ħa nidħol minnhom u nrodd ħajr lill-Mulej.
(S:118:20) Dan hu bieb il-Mulej; il-ġusti jidħlu minnu.
(S:118:21) Niżżik ħajr talli weġibtni u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
(S:118:22) Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.
(S:118:23) Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.
(S:118:24) Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih!
(S:118:25) Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana! Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
(S:118:26) Mbierek minn ġej f'isem il-Mulej! Nberkukom minn dar il-Mulej.
(S:118:27) Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. Tqassmu f'purċissjoni bil-friegħi f'idejkom sa ħdejn l-artal.
(S:118:28) Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
(S:118:29) Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!


119. Il-ġmiel tal-Liġi ta' Alla

(S:119:1) Henjin dawk li triqthom bla ħtija, li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
S:119:2) Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, u li jfittxuh b'qalbhom kollha.
(S:119:3) Huma ma jagħmlux ħażen, imma jimxu fit-triqat tal-Mulej.
(S:119:4) Int tajt il-preċetti tiegħek, biex inħarsuhom bir-reqqa.
(S:119:5) Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek!
(S:119:6) Mbagħad ma jkollix għax nistħi, la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha.
(S:119:7) Mbagħad infaħħrek b'qalb safja. Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.
(S:119:8) Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; la tħallinix għalkollox!
(S:119:9) Kif jista' żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? Billi jħares il-kelma tiegħek.
(S:119:10) B'qalbi kollha jiena nfittxek; tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
(S:119:11) Jien żammejt kelmtek f'qalbi, biex ma nidneb qatt kontrik.
(S:119:12) Mbierek int, Mulej! Għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:13) B'xufftejja jiena nxandar id-digrieti kollha ta' fommok.
(S:119:14) Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek, daqs kieku kelli l-għana kollu.
(S:119:15) Fuq il-preċetti tiegħek irrid naħseb, u nżomm għajnejja fuq triqatek.
(S:119:16) Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq, qatt ma ninsa l-kelma tiegħek.
(S:119:17) Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
(S:119:18) Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
(S:119:19) Barrani jien fuq l-art; taħbix minni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:20) Tinfena qalbi l-ħin kollu bix-xewqa tad-digrieti tiegħek.
(S:119:21) Il-kburin inti ċċanfarhom; misħut min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.
(S:119:22) Neħħi minn fuqi t-tagħjir u tkasbir tagħhom. għax jiena nħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:23) Mqar jekk il-kbarat joqogħdu jqassu fuqi, fuq il-kmandamenti tiegħek jibqa' jaħseb il-qaddej tiegħek.
(S:119:24) Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi, huma jagħtuni l-parir tajjeb.
(S:119:25) Mixħuta fit-trab hi ruħi; aħjini int skond kelmtek.
(S:119:26) Triqati wrejtek, u int weġibtni; għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:27) Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek, biex naħseb fuq għeġubijietek.
(S:119:28) Jiena nfejt bin-niket; erfagħni int skond kelmtek.
(S:119:29) Biegħed minni triq il-gideb; agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.
(S:119:30) Jiena għażilt it-triq tas-sewwa; ħtart għalija d-digrieti tiegħek.
(S:119:31) Nżomm sħiħ mal-preċetti tiegħek; Mulej, tħallinix naqa' fil-mistħija.
(S:119:32) Jien niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek, għax int saħħaħtli qalbi.
(S:119:33) Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; jiena rrid nibqa' fiha sa l-aħħar.
(S:119:34) Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek u nagħmilha b'qalbi kollha.
(S:119:35) Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
(S:119:36) Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, u mhux lejn ir-regħba.
(S:119:37) Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
(S:119:38) Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, li int għamilt ma' dawk li jibżgħu minnek.
(S:119:39) Warrab minni l-għajb li nibża' minnu, għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
(S:119:40) Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.
(S:119:41) Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej, u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda tiegħek.
(S:119:42) Mbagħad nagħti tweġiba lil min jgħajjarni, għax jien nafda fil-kelma tiegħek.
(S:119:43) Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa, għax jien fid-digrieti tiegħek nittama.
(S:119:44) Nħares il-liġi tiegħek għal dejjem, u għal dejjem ta' dejjem.
(S:119:45) U nkun bla xkiel fil-mixi tiegħi, għax jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
(S:119:46) U nitkellem fuq il-preċetti tiegħek quddiem is-slaten, u ma nistħix.
(S:119:47) Nitgħaxxaq bil-kmandamenti tiegħek, li jiena ħabbejt.
(S:119:48) Nerfa' idejja lejn il-kmandamenti tiegħek, u naħseb fuq il-preċetti tiegħek.
(S:119:49) Ftakar fil-kelma li tajt lill-qaddej tiegħek, li biha inti ttamajtni.
(S:119:50) Dan hu l-faraġ fin-niket tiegħi: li l-wegħda tiegħek tagħtini l-ħajja.
(S:119:51) Jiddieħku bija l-kburin għall-aħħar; imma jiena ma nitbigħedx mil-liġi tiegħek.

(S:119:52) Niftakar fid-digrieti tiegħek ta' dari; fihom, Mulej, jiena nsib il-faraġ tiegħi.
(S:119:53) Nagħdab għall-aħħar minħabba l-ħżiena li jitilqu l-liġi tiegħek.
(S:119:54) L-għanja tiegħi l-kmandamenti tiegħek, f'dan il-post fejn jien barrani.
(S:119:55) Billejl f'ismek niftakar, Mulej, u nħares il-liġi tiegħek.
(S:119:56) Din hi l-barka li messet lili: li jiena nħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:57) Jien għedt, Mulej: "Dan hu sehmi, li nħares il-kelma tiegħek."
(S:119:58) Quddiemek nitlob b'qalbi kollha; ħenn għalija skond il-wegħda tiegħek.
(S:119:59) Jien qist sewwa l-mixi tiegħi, u rġajt lura lejn il-preċetti tiegħek.
(S:119:60) Ngħaġġel u ma nitnikkirx, biex inħares il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:61) Il-ħbula tal-ħżiena dawramejt għalquni, imma jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
(S:119:62) F'nofs il-lejl inqum infaħħrek minħabba d-digrieti ġusti tiegħek.
(S:119:63) Nissieħeb ma' kull min għandu l-biża' tiegħek, ma' dawk li jħarsu l-preċetti tiegħek.
(S:119:64) Mimlija, Mulej, l-art bit-tjieba tiegħek; għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:65) Ġid għamilt mal-qaddej tiegħek, Mulej, skond il-kelma tiegħek.
(S:119:66) Fehma tajba u għerf għallimni, għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
(S:119:67) Qabel ma għakkistni, jien kont fl-iżball; imma issa nħares il-kelma tiegħek.
(S:119:68) Twajjeb int, u l-ġid tagħmel; għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:69) Jixluni l-kburin bil-gideb; imma jien b'qalbi kollha nħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:70) Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom; imma jien bil-liġi tiegħek nitgħaxxaq.
(S:119:71) Swieli ta' ġid li għakkistni, għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:72) Aħjar għalija l-liġi ta' fommok mill-eluf ta' flejjes tad-deheb u l-fidda.
(S:119:73) Idejk għamluni u sawwruni; fehemni u għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:74) Jarani u jifraħ min għandu l-biża' tiegħek, għax jiena ttamajt fil-kelma tiegħek.
(S:119:75) Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek; u li skond is-sewwa għakkistni.
(S:119:76) Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi, skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek,
(S:119:77) Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja; għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.
(S:119:78) Jistħu l-kburin, li bil-qerq jaħqruni; imma jien naħseb fil-preċetti tiegħek.
(S:119:79) Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek, dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.
(S:119:80) Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, biex ma jkollix għax nistħi.
(S:119:81) Ninfena bix-xewqa tas-salvazzjoni tiegħek; jien nittama fil-kelma tiegħek.
(S:119:82) Għejew għajnejja jistennew il-wegħda tiegħek; u jien jistaqsi: "Meta se tfarraġni?"
(S:119:83) Sirt qisni ġild imnixxef fid-duħħan; imma ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:84) Kemm se jdum jistenna l-qaddej tiegħek? Meta se tagħmel ħaqq minn dawk li jħabbtuni?
(S:119:85) Ħaffru l-kburin ħofra għalija, dawk li ma jimxux skond il-liġi tiegħek.
(S:119:86) Sewwa huma l-kmandamenti tiegħek kollha; għinni int, meta bil-qerq iħabbtuni.
(S:119:87) Għal ftit ma qerdunix minn din l-art; imma jien ma ħallejtx il-preċetti tiegħek.
(S:119:88) Fit-tjieba tiegħek agħtini l-ħajja; u jiena nħares il-preċetti ta' fommok.
(S:119:89) Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek; hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.
(S:119:90) Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek; fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod.
(S:119:91) B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum; għax kollox hu għall-qadi tiegħek.
(S:119:92) Li ma sibtx l-hena fil-liġi tiegħek, kont nintemm fin-niket tiegħi.
(S:119:93) Ma ninsa qatt il-preċetti tiegħek, għax bihom int tagħtini l-ħajja.
(S:119:94) Tiegħek jien; salvani int! Jiena nfittex il-preċetti tiegħek.
(S:119:95) Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni; imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.
(S:119:96) Jien rajt it-tmiem ta' kull ma jgħaddi; imma bla tarf il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:97) Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.
(S:119:98) Il-kmandament tiegħek għal dejjem miegħi, jagħmilni egħref mill-għedewwa tiegħi.
(S:119:99) Jien nifhem aktar mill-imgħallmin tiegħi kollha, għax ħsiebi fil-kmandamenti tiegħek.
(S:119:100) Aktar mix-xjuħ jien bil-għaqal, għax inħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:101) Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, biex inħares il-kelma tiegħek.
(S:119:102) Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed, għax int kont li għallimthomli.
(S:119:103) Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek! Oħla mill-għasel għal fommi.
(S:119:104) Jien ksibt id-dehen bil-preċetti tiegħek; għalhekk nobgħod kull triq qarrieqa.
(S:119:105) Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.

(S:119:106) Ħlift, u rrid inżomm kelmti, li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.
(S:119:107) Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej; agħtini l-ħajja skond il-kelma tiegħek.
(S:119:108) Ilqa', Mulej, il-qima ta' fommi, u għallimni d-digrieti tiegħek.
(S:119:109) Ħajti dejjem fit-tiġrif, imma qatt ma ninsa l-liġi tiegħek.
(S:119:110) Il-ħżiena nasbuli x-xibka, imma jien ma warrabtx mill-preċetti tiegħek.
(S:119:111) Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem; huma l-għaxqa ta' qalbi.
(S:119:112) Nħajjar 'il qalbi biex tħares il-kmandamenti tiegħek, għal dejjem u sa l-aħħar.
(S:119:113) In-nies ta' żewġt iqlub nobgħodhom; imma l-liġi tiegħek inħobbha.
(S:119:114) Inti l-kenn u t-tarka tiegħi; fil-kelma tiegħek jien nittama.
(S:119:115) Tbiegħdu minni, intom nies ħżiena, biex inħares il-kmandamenti ta' Alla tiegħi.
(S:119:116) Żommni skond il-wegħda tiegħek, biex nibqa' ħaj; tħallix bla temma t-tama tiegħi.
(S:119:117) Għinni int, u jiena nsalva; u ħsiebi jkun dejjem fil-kmandamenti tiegħek.
(S:119:118) Int tistmell 'il kull min jitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek, għax qarrieqa l-fehma tagħhom.
(S:119:119) Bħal skart għalik il-ħżiena ta' l-art; għalhekk inħobb il-preċetti tiegħek.
(S:119:120) Jitkexkex ġismi bil-biża' tiegħek; mid-digrieti tiegħek nibża'.
(S:119:121) Jien għamilt il-ħaqq u s-sewwa; titlaqnix f'idejn dawk li jaħqruni.
(S:119:122) Serraħ ras il-qaddej tiegħek li tridlu l-ġid; tħallix li l-kburin jgħakksuni.
(S:119:123) Għejew għajnejja jistennew is-salvazzjoni tiegħek, u l-wegħda tal-ġustizzja tiegħek.
(S:119:124) Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek, għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:125) Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen, biex nagħraf il-preċetti tiegħek.

(S:119:126) Issa l-waqt li tindaħal, Mulej, għax kisru l-liġi tiegħek.
(S:119:127) Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek, aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.
(S:119:128) Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek, u nobgħod kull triq qarrieqa.
(S:119:129) Ta' l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek, għalhekk tħarishom qalbi.
(S:119:130) It-tifsir ta' kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx.
(S:119:131) Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ, għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
(S:119:132) Dur lejja u ħenn għalija, kif dejjem tagħmel ma' min iħobb 'l ismek.
(S:119:133) Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skond il-wegħda tiegħek, u ebda deni ma jaħkem fuqi.
(S:119:134) Eħlisni mill-moħqrija tal-bniedem, u nħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:135) Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, għallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:136) Id-dmugħ bħal wied iġelben minn għajnejja, għax ma jħarsux il-bnedmin il-liġi tiegħek.
(S:119:137) Ġust int, Mulej; u sewwa d-digrieti tiegħek.
(S:119:138) Bil-ġustizzja għamilt il-preċetti tiegħek, u b'fedeltà mill-akbar.
(S:119:139) Tifnini l-ħeġġa tiegħi, għax insew kelmtek l-għedewwa tiegħi.
(S:119:140) Il-wegħda tiegħek jien ippruvajtha; għalhekk iħobbha l-qaddej tiegħek.
(S:119:141) Għalkemm jien żgħir u mżeblaħ, ma ninsiex il-preċetti tiegħek.
(S:119:142) Ġustizzja ta' dejjem hi l-ġustizzja tiegħek, u sewwa l-liġi tiegħek.
(S:119:143) Għalkemm id-diqa u n-niket waqgħu fuqi, il-kmandamenti tiegħek baqgħu l-għaxqa tiegħi.
(S:119:144) Ġustizzja ta' dejjem il-preċetti tiegħek; agħtini d-dehen biex ikolli l-ħajja.
(S:119:145) B'qalbi kollha ngħajjatlek; weġibni, Mulej; irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:146) Lilek insejjaħ: salvani int; u nħares il-preċetti tiegħek.
(S:119:147) Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; u fi kliemek jien nittama.
(S:119:148) B'għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.
(S:119:149) Isma' leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.
(S:119:150) Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.
(S:119:151) Imm'inti ħdejja, Mulej; sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:152) Jien ili naf mill-preċetti tiegħek li għal dejjem int waqqafthom.
(S:119:153) Ħares lejn in-niket tiegħi, u eħlisni, għax jien ma nsejtx il-liġi tiegħek.
(S:119:154) Iddefendi l-kawża tiegħi, u ifdini; agħtini l-ħajja skond il-wegħda tiegħek.
(S:119:155) 'Il bogħod mill-ħżiena s-salvazzjoni, għax ma jfittxux il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:156) Kbira l-ħniena tiegħek, Mulej; agħtini l-ħajja skond id-digrieti tiegħek.
(S:119:157) Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni; imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.
(S:119:158) Nara 'l dawk li ħallewk u nistkerrahhom, għax ma jħarsux il-kelma tiegħek.
(S:119:159) Ara, kif inħobb il-preċetti tiegħek, Mulej; agħtini l-ħajja skond it-tjieba tiegħek.
(S:119:160) Is-sewwa tiegħek il-qofol ta' kelmtek; għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek.
(S:119:161) Il-kbarat għal xejn b'xejn jagħmlu għalija, imma minn kelmtek tibża' qalbi.
(S:119:162) Ferħan jien minħabba l-wegħda tiegħek, bħal min isib xi priża kbira.
(S:119:163) Il-qerq nobogħdu u nistkerrhu, imma l-liġi tiegħek inħobbha.
(S:119:164) Seba' darbiet kull jum infaħħrek għad-digrieti ġusti tiegħek.
(S:119:165) Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek; ma hemm ebda tfixkil għalihom.
(S:119:166) Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej; u nħares il-kmandamenti tiegħek.
(S:119:167) Ruħi tħares il-preċetti tiegħek; u jiena nħobbhom ħafna.
(S:119:168) Nħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek; quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha.
(S:119:169) Ħa tasal quddiemek, Mulej, l-għajta tiegħi; agħtini d-dehen skond il-kelma tiegħek.
(S:119:170) Ħa jasal quddiemek it-tħannin tiegħi; eħlisni skond il-wegħda tiegħek.
(S:119:171) Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek, għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:172) Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek, għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek.
(S:119:173) Ħa tkun idek l-għajnuna tiegħi, għax jien ħtart il-preċetti tiegħek.
(S:119:174) Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej; il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.
(S:119:175) Ħa nibqa' ħaj, biex infaħħrek! Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi!
(S:119:176) Jien ħriġt mit-triq bħal nagħġa mitlufa; fittex il-qaddej tiegħek, għax jien ma nsejtx il-kmandamenti tiegħek.



120. Lment kontra l-ilsna qarrieqa

(S:120:1) Għanja tat-Telgħat. Fid-dwejjaq tiegħi l-Mulej sejjaħt; u hu weġibni.
(S:120:2) Mulej, eħlisni mix-xufftejn giddieba u mill-ilsna qarrieqa.
(S:120:3) X'se tieħu b'dan, u x'se jiswielek, lsien qarrieq?
(S:120:4) Vleġeġ misnuna ta' wieħed b'saħħtu, u ġamar tal-ġummar.
(S:120:5) Msejken jien, li ngħix barrani f'Mesek; li ngħammar fl-għerejjex ta' Kedar!
(S:120:6) Ili ngħix biżżejjed ma' dawk li jobogħdu s-sliem.
(S:120:7) Jien sliem irrid; imma malli nitkellem, nsibhom lesti għall-ġlied.


121. Il-Mulej jgħasses fuqna

(S:121:1) Għanja tat-Telgħat Nerfa' għajnejja lejn l-għoljiet; mnejn se tiġini l-għajnuna?
(S:121:2) L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.
(S:121:3) Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; ma jongħosx dak li jħarsek.
(S:121:4) Ara, la jongħos u lanqas jorqod dak li jħares lil Iżrael.
(S:121:5) Il-Mulej hu dak li jħarsek; il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
(S:121:6) Ma tolqtokx ix-xemx binhar, anqas il-qamar billejl.
(S:121:7) Iħarsek il-Mulej minn kull deni; hu jħarislek ħajtek.
(S:121:8) Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem.


122. Pellegrinaġġ għal Ġerusalemm

(S:122:1) Għanja tat-Telgħat. Ta' David.
Fraħt meta qaluli: "Sejrin f'dar il-Mulej?"
(S:122:2) Diġà qegħdin riġlejna fi bwiebek, Ġerusalemm!
(S:122:3) Ġerusalemm, mibnija bħal belt, magħquda ħaġa waħda.
(S:122:4) Lejha t-tribujiet jitilgħu, it-tribujiet tal-Mulej, biex, skond il-liġi ta' Iżrael, ifaħħru isem il-Mulej.
(S:122:5) Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, it-tronijiet tad-dar ta' David.
(S:122:6) Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: "Ħa jkollhom is-sliem dawk kollha li jħobbuk!
(S:122:7) Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, u l-ġid fil-palazzi tiegħek?"
(S:122:8) Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik?"
(S:122:9) Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, nixtieq illi jkollok il-ġid.



122. Fiduċja f'Alla fit-tiġrib

(S:123:1) Għanja tat-Telgħat.
Lejk nerfa' għajnejja, int li tgħammar fis-smewwiet.
(S:123:2) Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom; bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha; hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, sa ma jkollu ħniena minna.
(S:123:3) Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina, għax mitmugħa sax-xaba' bit-tagħjir.
(S:123:4) Mxebbgħa għall-aħħar ruħna biż-żebliħ ta' l-għonja, bit-tagħjir tal-kburin.


124. Alla waħdu jeħles il-poplu

(S:124:1) Għanja tat-Telgħat. Ta' David. Li ma kienx il-Mulej magħna - ħa jgħid hekk Iżrael –
(S:124:2) li ma kienx il-Mulej magħna, meta qamu għalina n-nies,
(S:124:3) ħajjin kienu jibilgħuna, meta nxtegħlu bl-għadab għalina.
(S:124:4) L-ilma kien jgħerriqna, il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
(S:124:5) minn fuqna kien jgħaddi mewġ ta' l-ilma qawwi.
(S:124:6) Mbierek il-Mulej, li ma telaqniex priża għal snienhom.
(S:124:7) Ħajjitna bħal għasfur ħelset mix-xbiek tan-nassaba. Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.
(S:124:8) L-għajnuna tagħna f'isem il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.



125. Alla jħares lill-poplu

(S:125:1) Għanja tat-Telgħat. Min jittama fil-Mulej hu bħall-għolja ta' Sijon, li qatt ma titħarrek, imma fis-sod għal dejjem.
(S:125:2) Bħalma l-għoljiet iduru madwar Ġerusalemm, hekk il-Mulej madwar il-poplu tiegħu, minn issa u għal dejjem.
(S:125:3) Ma jitħalliex ix-xettru tal-ħżiena fuq l-art, wirt il-ġusti, biex ma jiġrix li l-ġusti imiddu idejhom għall-ħażen.
(S:125:4) Agħmel il-ġid, Mulej, lit-tajbin u lil dawk ta' qalbhom safja.
(S:125:5) Imma 'l dawk li jgħawwġu triqthom jitlaqhom il-Mulej ma' dawk li jagħmlu l-ħażen. Sliem għal Iżrael!


126. Il-ferħ tal-meħlusin

(S:126:1) Għanja tat-Telgħat. Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon, konna qisna mitlufa f'ħolma;
(S:126:2) mbagħad bid-daħk imtela fommna, u bl-għajat ta' ferħ ilsienna. Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: "Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom?"
(S:126:3) Kbir f'għemilu l-Mulej magħna! U aħna bil-ferħ imtlejna. (S:126:4) Biddel, Mulej, xortina bħall-widien tan-Negeb!
(S:126:5) Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana ta' ferħ.
(S:126:6) Huma u sejrin, imorru jibku, iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ. Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ. iġorru l-qatet f'idejhom.


127. L-ulied don u barka ta' Alla

(S:127:1) Għanja tat-Telgħat. Ta' Salamun. Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, għalxejn jishar l-għassies.
(S:127:2) Ma jiswielkom xejn li tbakkru, jew li ddumu ma tistrieħu u li tieklu ħobż it-tbatija; għax sa fl-irqad hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.
(S:127:3) Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
(S:127:4) Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, hekk huma wlied iż-żgħożija.
(S:127:5) Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! Ma jinfixilx meta jiltaqa' ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.


128. Familja tajba u hienja

(S:128:1) Għanja tat-Telgħat. Hieni kull min jibża' mill-Mulej, kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
(S:128:2) Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol; hieni int, u riżqek tajjeb!
(S:128:3) Martek tkun bħal dielja għammiela fl-irkejjen ta' darek; uliedek bħal xitel taż-żebbuġ madwar il-mejda tiegħek.
(S:128:4) Ara, kif ikun imbierek il-bniedem li jibża' mill-Mulej!
(S:128:5) Ibierkek il-Mulej minn Sijon! Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
(S:128:6) Jalla tara wlied uliedek! Sliem għal Iżrael!


129. Kontra l-għedewwa ta' Iżrael

(S:129:1) Għanja tat-Telgħat. Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti - ħa jgħid hekk Iżrael –
(S:129:2) ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, imma ma rnexxilhomx jegħlbuni.
(S:129:3) Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, raddiet twal bis-swat għamluli.
(S:129:4) Imma ġust hu l-Mulej, u qatta' minn fuqi l-irbit tal-ħżiena.
(S:129:5) Ħa jinfixlu u jmorru lura dawk kollha li jobogħdu 'l Sijon.
(S:129:6) Ikunu bħall-ħaxix tal-bjut, li jinxef qabel ma jikber,
(S:129:7) li bih il-ħassâd ma jimliex idu, lanqas ħdanu min jorbot il-qatet.
(S:129:8) U ma jgħidux dawk li jkunu għaddejja: "Il-barka ta' Alla fuqkom! Nberkukom f'isem il-Mulej?"


130. Talba għall-maħfra tad-dnubiet

(S:130:1) Għanja tat-Telgħat. Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
(S:130:2) isma', Sidi, il-leħen tiegħi! Ħa jkunu widnejk miftuħa, jiena u nitolbok bil-ħniena.
(S:130:3) Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jista' jżomm sħiħ?
(S:130:4) Imma għandek hemm il-maħfra, biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.
S:130:5) Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f'kelmtu tittama.
(S:130:6) Tistenna ruħi lil Sidi, aktar milli l-għassiesa s-sebħ. Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,
(S:130:7) jistenna Iżrael lill-Mulej! Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
(S:130:8) Hu li jifdi lil Iżrael minn ħtijietu kollha.


131. Umiltà u fiduċja

(S:131:1) Għanja tat-telgħat. Ta' David. Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni.
S:131:2) Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f'ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija.
(S:131:3) Ittama, Iżrael, fil-Mulej, minn issa u għal dejjem!






132. Il-wegħda ta' Alla lil David

(S:132:1) Għanja tat-Telgħat. Ftakar, Mulej, f'David u fl-hemm tiegħu kollu.
(S:132:2) Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej, u wiegħed lil Alla, il-Qawwi
ta' Ġakobb:
(S:132:3) "Ma nidħolx taħt is-saqaf ta' dari, ma nitlax fuq il-friex
ta' soddti,
(S:132:4) ma nagħlaqx għajnejja u norqod u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,
(S:132:5) sa ma nsib post għall-Mulej, għamara għal Alla, il-Qawwi
ta' Ġakobb."
(S:132:6) Araw, smajna bl-arka f'Efrata, sibnieha fir-raba' ta' Ġagħar.
(S:132:7) Ħa nidħlu fl-għamara tiegħu, ninxteħtu quddiem il-mirfes
ta' riġlejh!
(S:132:8) Qum u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka
tal-qawwa tiegħek.
(S:132:9) Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, jgħajjtu bil-ferħ il-ħbieb tiegħek.
(S:132:10) Minħabba f'David, il-qaddej tiegħek, twarrabx wiċċ is-sultan, il-midluk tiegħek.
(S:132:11) Il-Mulej ħalef wegħda lil David, u żgur li ma jerġax lura minnha: "Wieħed min-nisel tiegħek jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek.
(S:132:12) Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi u l-preċetti li jien nagħtihom, uliedhom ukoll għal dejjem joqogħdu fuq it-tron tiegħek."
(S:132:13) Għax il-Mulej għażel 'il Sijon, u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
(S:132:14) "Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem! Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!
S:132:15) Bil-barka nimla l-ħażniet tagħha, bil-ħobż inxabba' l-foqra tagħha.
(S:132:16) Bis-salvazzjoni nlibbes il-qassisin tagħha, bil-ferħ jgħajjtu l-ħbieb tagħha.
(S:132:17) Hemm inqajjem qawwa lil David, inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.
(S:132:18) Bil-mistħija nlibbes l-għedewwa tiegħu, imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu."


133. Tifħir lill-imħabba ta' l-aħwa

(S:133:1) Għanja tat-Telgħat. Ta' David. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!
(S:133:2) Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, li jinżel mal-leħja tiegħu, li jinżel mal-leħja ta' Aron, sa fuq l-għonq ta' ħwejġu.
(S:133:3) Hu bħan-nida tal-Ħermon, li tinżel fuq l-għoljiet ta' Sijon; għax hemm il-Mulej jagħti l-barka, hemm jagħti l-ħajja għal dejjem.


134. L-aħħar tislima lit-tempju

(S:134:1) Għanja tat-Telgħat.
Ejjew, bierku l-Mulej, qaddejja kollha tal-Mulej, intom li toqogħdu f'dar il-Mulej.
S:134:2) Erfgħu idejkom lejn it-tempju, u bierku l-Mulej fil-ljieli.
(S:134:3) Ibierkek il-Mulej minn Sijon, hu li għamel is-sema u l-art!


135. Tifħir lil Alla għall-għeġubijiet tiegħu

(S:135:1) Hallelujah! Faħħru isem il-Mulej, faħħruh, qaddejja tal-Mulej,
(S:135:2) intom li qegħdin f'dar il-Mulej, fil-wesgħat ta' madwar it-tempju ta' Alla tagħna.
(S:135:3) Faħħru l-Mulej, għax hu tajjeb, għannu lil ismu, għax hu sabiħ.
(S:135:4) Għax għażel il-Mulej 'il Ġakobb, lil Iżrael, biex ikun il-poplu tiegħu.
(S:135:5) Naf tassew li kbir il-Mulej; fuq l-allat kollha Alla Sidna.
(S:135:6) Kull ma jogħġbu l-Mulej jagħmlu fis-smewwiet u fuq l-art, fil-baħar u f'qiegħ l-ibħra kollha.
(S:135:7) Hu jtella' s-sħab minn truf l-art, jibgħat il-beraq u x-xita, joħroġ l-irjieħ mill-imħażen tiegħu.
(S:135:8) Hu darab l-ulied il-kbar ta' l-Eġittu, kemm bnedmin u kemm bhejjem.
(S:135:9) Sinjali u għeġubijiet għamel f'nofsok, Eġittu, u laqtu l-Fargħun u l-qaddejja tiegħu kollha.
(S:135:10) Hu darab ġnus bla għadd, u qered slaten qawwija.
(S:135:11) Qered 'il Siħon, sultan ta' l-Amurrin, lil Għog, sultan ta' Basan, u s-saltniet kollha ta' Kangħan.
(S:135:12) U l-art tagħhom qassamha b'wirt, b'wirt lil Iżrael, il-poplu tiegħu.
(S:135:13) Mulej, għal dejjem idum ismek! Mulej, minn żmien għal żmien il-fama tiegħek!
(S:135:14) Għax il-Mulej jagħmel ħaqq mal-poplu tiegħu, juri ħniena mal-qaddejja tiegħu.
(S:135:15) L-idoli tal-ġnus m'humiex ħlief deheb u fidda, xogħol ta' id il-bniedem:
(S:135:16) għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
(S:135:17) għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.
(S:135:18) Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, u dawk kollha li jittamaw fihom.
(S:135:19) Bierek, Iżrael, il-Mulej; bierek, dar Aron, il-Mulej;
(S:135:20) bierek, dar Levi, il-Mulej; bierku l-Mulej, intom li tibżgħu mill-Mulej.
(S:135:21) Mbierek il-Mulej minn Sijon, hu li joqgħod f'Ġerusalemm! Hallelujah!


136. Litanija ta' radd il-ħajr

(S:136:1) Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:2) Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:3) Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:4) Hu waħdu għamel għeġubijiet kbar, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:5) Hu li għamel is-smewwiet bil-ħsieb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:6) Li firex l-art fuq l-ilmijiet, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:7) Li għamel id-dawl il-kbar, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:8) Għamel ix-xemx biex taħkem fuq il-jum, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:9) Il-qamar u l-kwiekeb biex jaħkmu fuq il-lejl għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:10) Hu darab l-Eġizzjani f'uliedhom il-kbar, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:11) U ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:12) Ħariġhom b'id qawwija u bi driegħ merfugħ, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:13) Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:14) U għadda lil Iżrael minn ġo nofshom, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:15) Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu fil-Baħar tal-Qasab, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:16) Hu mexxa fid-deżert il-poplu tiegħu, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:17) U xejjen slaten qawwija, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:18) Qered slaten kbar, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:19) Qered lil Siħon, sultan ta' l-Amurrin, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:20) U 'l Għog, sultan ta' Basan, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:21) U l-art tagħhom qassamha b'wirt, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:22) B'wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:23) Meta konna magħkusin ftakar fina, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:24) U ħelisna mill-għedewwa tagħna, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.
(S:136:25) Lil kulħadd hu jagħti l-ikel, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. (
S:136:26) Roddu ħajr lil Alla tas-smewwiet, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.


137. Għanja ta' l-itturufnat

(S:137:1) F'xatt ix-xmajjar ta' Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u niftakru f'Sijon.
(S:137:2) Mas-siġar tal-luq tagħha, dendilna ċ-ċetri tagħna.
(S:137:3) Għax hemm, dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja; dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta' ferħ: "Għannulna mill-għana ta' Sijon."
(S:137:4) Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f'art barranija?
(S:137:5) Tibbiesli idi l-leminija, jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!
(S:137:6) Jeħilli lsieni mas-saqaf ta' ħalqi, jekk ma niftakarx fik, jekk ma nżommx 'il Ġerusalemm 'il fuq minn kull ferħ tiegħi!
(S:137:7) Ftakar, Mulej, x'qalu wlied Edom f'jum il-waqgħa ta' Ġerusalemm, meta bdew jgħidu: "Ġarrfuha, ġarrfuha sal-pedamenti tagħha?"
(S:137:8) Ja Belt tal-Babilonja, int għad tinqered! Hieni min iħallsek għal kull ma għamiltilna!
(S:137:9) Hieni min jaħtaflek it-trabi tiegħek u jsabbathomlok mal-blat!


138. Innu ta' radd il-ħajr

(S:138:1) Ta' David. Nroddlok ħajr, Mulej, b'qalbi kollha, għaliex int smajt kliem fommi. Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
(S:138:2) B'wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek, u nroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek, għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
(S:138:3) Meta sejjaħtlek, int weġibtni, kattarli l-qawwa f'ruħi.
(S:138:4) Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha ta' l-art, għaliex semgħu l-kliem ta' fommok.
(S:138:5) U jgħannu l-imġiba tal-Mulej, għax kbir hu sebħ il-Mulej.
(S:138:6) Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar; u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.
(S:138:7) Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti; terfa' idek kontra l-għedewwa tiegħi, u l-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.
(S:138:8) Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi. It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa' għal dejjem; la titlaqx għemil idejk!


139. Alla jinsab kullimkien

(S:139:1) Lill-mexxej tal-kor. Salm ta' David. Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
S:139:2) int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
(S:139:3) Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi; triqati kollha inti tafhom sewwa.
(S:139:4) Nkun għadni anqas lissint il-kelma, meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.
(S:139:5) Dawramejt inti tħaddanni, u tqegħedli idek fuqi.
(S:139:6) L-għerf tiegħek ta' l-għaġeb, ma nwassalx għalih; għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.
(S:139:7) Fejn immur 'il bogħod mill-ispirtu tiegħek? Jew fejn nista' naħrab minn quddiem wiċċek?
(S:139:8) Jekk nitla' fis-smewwiet, hemm int; jekk nimtedd f'qiegħ l-art, int hemm ukoll.
S:139:9) Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ, u mmur ngħammar fi truf il-baħar,
(S:139:10) hemm ukoll tilħaqni idek, u taqbadni l-leminija tiegħek.
(S:139:11) Jekk ngħid: "Ħa jaħbini d-dlam, ħa jkunli d-dawl lejl madwari?"
(S:139:12) anqas id-dlam ma hu mudlam; għalik il-lejl jiddi bħan-nhar; id-dlam bħad-dawl għalik.
(S:139:13) Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f'ġuf ommi inti nsiġtni.
(S:139:14) Nroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni: ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U 'l ruħi inti tafha tajjeb.
(S:139:15) Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-satra u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.
(S:139:16) Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek; u jiemi kienu ġa magħduda meta ebda wieħed ma kien għad hemm.
(S:139:17) Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!
(S:139:18) Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel; xħin nasal fl-aħħar, nkun għadni fil-bidu miegħek.
(S:139:19) M'hux li kont teqred il-ħżiena, o Alla! M'hux li l-qattiela jitbiegħdu minni!
(S:139:20) Nies li b'qerq kontrik jeħduha, li għalxejn kontrik iqumu.
(S:139:21) Kemm nobgħodhom, Mulej, lil dawk li jobogħduk, kemm nistmellhom lil dawk li jqumu kontrik!
(S:139:22) B'mibegħda mill-akbar nobgħodhom, għalija huma għedewwa tiegħi.
(S:139:23) Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi; iflini, u kun af ħsibijieti.
(S:139:24) Ara iniex miexi fi triq ħażina, u mexxini fit-triq ta' dejjem.


140. Talba għall-ħelsien mill-ħżiena

(S:140:1) Lill-mexxej tal-kor. Salm ta' David.
(S:140:2) Eħlisni, Mulej, mill-bnedmin ħżiena, min-nies tad-dnewwa ħarisni,
(S:140:3) li f'qalbhom inisslu ħsibijiet ħżiena, li jqajjmu l-ġlied kuljum.
(S:140:4) Lsienhom daqs tas-serp isinnu, semm ta' lifgħa taħt xufftejhom.
(S:140:5) Żommni, Mulej, minn idejn il-ħżiena, min-nies tad-dnewwa ħarisni, li ħsiebhom hu li jfixkluni.
(S:140:6) Nies kburin ħejjewli nassa, firxuli l-ħbula bħal xibka, u tul it-triq nasbu għalija.
(S:140:7) Jien għedt lill-Mulej: "Int Alla tiegħi; isma', Mulej, leħen it-tħannin tiegħi."
(S:140:8) Sidi Mulej, fortizza tas-salvazzjoni tiegħi, inti l-għata ta' rasi f'jum it-taqbida.
(S:140:9) Taqtgħalhomx xewqithom, Mulej, lill-ħżiena, tħallihomx jilħqu l-għanijiet tagħhom.
(S:140:10) Ma jerfgħux rashom dawk li jdawwruni; ħa jaħkimhom il-qerq ta' xufftejhom.
(S:140:11) Ixħet fuqhom ġamar jaqbad, itfagħhom fi bjar mnejn qatt ma jqumu.
(S:140:12) Ma jgħammrux fl-art in-nies ta' lsien ħażin; id-deni jwassal għall-qerda n-nies tad-dnewwa.
(S:140:13) Jien naf li l-Mulej jagħmel ħaqq ma' l-imsejken, u jagħti raġun lill-fqajjar.
(S:140:14) Iva, il-ġusti jfaħħru ismek; u t-tajbin jgħammru quddiemek.



141. Talba għall-ħarsien mill-ħażen

(S:141:1) Salm ta' David. Lilek, Mulej, nsejjaħ; fittex għinni! Isma' leħni, jiena u nsejjaħlek.
(S:141:2) Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek; ikunu idejja merfugħa 'l fuq bħas-sagrifiċċju fil-għaxija.
(S:141:3) Qegħedli, Mulej, lġiem fuq fommi, agħmilli l-għassa ma' bieb xufftejja.
(S:141:4) Tħallix li qalbi ddur lejn ħwejjeġ ħżiena biex jiena nagħmel dak li hu ħażin; tħallix li nissieħeb ma' nies ħżiena, u anqas induq l-ikel bnin tagħhom.
(S:141:5) Ħa jsawwatni l-ġust u jċanfarni, għax dan jagħmlu mqanqal mit-tjieba. Imma żejt il-midneb ma jidliklix rasi; jien nibqa' nitlob kontra ħżunithom.
(S:141:6) Fuq il-blat jitwaddbu l-kapijiet tagħhom; mbagħad jitgħallmu li sabiħ hu kliemi.
(S:141:7) Bħall-frak u l-laqx ma' l-art imxerred, hekk jitferrex għadamhom f'daħlet qiegħ l-art.
(S:141:8) Imma lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar għajnejja, fik nistkenn, la tħallinix nintrema.
(S:141:9) Ħarisni mix-xibka li firxu għalija, min-nassa ta' dawk li jagħmlu l-ħażen.
(S:141:10) Ħa jaqgħu l-ħżiena fix-xbiek tagħhom, waqt li jiena waħdi neħlisha.


142. Krib u tnehid fl-hemm

(S:142:1) Maskil. Ta' David meta kien fl-għar. Talba.
(S:142:2) B'leħen qawwi lill-Mulej insejjaħ, b'leħen qawwi lill-Mulej nitlob.
(S:142:3) Nressaq quddiemu t-tnehid tiegħi, id-dwejjaq tiegħi quddiemu nqiegħed.
(S:142:4) Xħin ruħi ġo fija tinfena, int tkun taf minn xiex għaddej. Fit-triq li fiha nimxi, huma ħbew nassa għalija.
(S:142:5) Nħares fuq il-lemin u nara li m'hemm ħadd min jagħti kasi, m'hemmx mnejn nista' naħrab, m'hemm ħadd min jieħu ħsiebi.
(S:142:6) Lilek, Mulej, nsejjaħ; ngħidlek: "Inti l-kenn tiegħi, inti sehmi f'art il-ħajjin.
(S:142:7) Agħti widen għall-għajta tiegħi, għax ninsab mitluq għall-aħħar. Eħlisni minn dawk li daru għalija, għax huma aqwa minni.
(S:142:8) Mill-ħabs oħroġni, biex inrodd ħajr lil ismek. Madwari jduru l-ġusti, għax int timxi tajjeb miegħi."



143. Talba umli u niedma

(S:143:1) Salm ta' David. Mulej, isma' t-talba tiegħi, agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek.
(S:143:2) Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek.
(S:143:3) Għax l-għadu għamel għalija, ma' l-art tefagħni taħt riġlejh; fid-dlam xeħetni ngħammar, bħal min imut għal dejjem,
(S:143:4) ruħi tinfena minn ġewwa, qalbi titniehed ġewwa fija.
(S:143:5) Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, naħseb f'kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.
(S:143:6) Lejk immidd idejja, ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek.
(S:143:7) Fittex weġibni, Mulej! Ruħi tinsab bla saħħa. La taħbix wiċċek minni, li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar.
(S:143:8) Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, għax lejk jien nerfa' ruħi.
(S:143:9) Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, għax inti l-kenn tiegħi.
(S:143:10) Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi. L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja.
(S:143:11) F'ġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek.
(S:143:12) Fit-tjieba tiegħek xejjen l-għedewwa tiegħi, eqred 'il dawk kollha li huma kontrija; għax jiena l-qaddej tiegħek.


144. Rebħ, ġid u sliem

(S:144:1) Ta' David. Mbierek il-Mulej, il-blata tiegħi, li jħarriġli idejja għat-taqbida u subgħajja għat-taqtigħa.
(S:144:2) Tjieba tiegħi u qawwa tiegħi, kenn tiegħi u ħellies tiegħi, tarka tiegħi, fih jien nistkenn; hu li jrażżan il-popli taħti.
(S:144:3) Mulej, x'inhu l-bniedem biex taħseb fih, jew bin il-bniedem biex tiftakar fih?
(S:144:4) Bħal daqsxejn ta' nifs hu l-bniedem; bħal dell li jgħaddi huma jiemu.
(S:144:5) Ofroq, Mulej, is-smewwiet tiegħek, u inżel; miss l-għoljiet, u huma jdaħħnu.
(S:144:6) Agħmel il-beraq u xerridhom; faqqa' s-sajjetti u ħarrabhom.
(S:144:7) Midd idek mill-għoli, aħtafni mill-ilma kotran; eħlisni minn id il-barrani,
(S:144:8) li b'fommu jgħid il-gideb, u b'lemintu jixhed il-qerq.
(S:144:9) O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek, fuq arpa ta' għaxar kordi ngħannihielek.
(S:144:10) Int li tagħti r-rebħa lis-slaten, li teħles lil David, il-qaddej tiegħek.
(S:144:11) Mis-sejf tal-ħażin ħarisni; eħlisni minn id il-barrani, li b'fommu jgħid il-gideb, u b'lemintu jixhed il-qerq.
(S:144:12) Ħa jkunu wliedna f'żgħożithom bħal xitel imlaħħaq sewwa; uliedna l-bniet bħal kolonni minquxa, iżejjnu l-irkejjen tal-palazzi.
(S:144:13) Ħa jkunu l-imħażen tagħna mfawwra, u jagħtu kull xorta ta' ġid. L-imrieħel bl-eluf iwelldu, għaxriet ta' eluf fir-raba' tagħna;
(S:144:14) ħa jkunu mgħobbija il-bhejjem tagħna. Ebda selħa fis-swar, ħadd ma jaqa' lsir, ma jkunx hemm biki fil-pjazez tagħna.
(S:144:15) Hieni l-poplu li għandu dan kollu! Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!


145. Alla kbir u tajjeb

(S:145:1) Tifħir. Ta' David. Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, u nbierek ismek għal dejjem ta' dejjem.
(S:145:2) Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta' dejjem.
(S:145:3) Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu.
(S:145:4) Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, u s-setgħa tiegħek ixandru.
(S:145:5) Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru, u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.
(S:145:6) Il-qawwa ta' l-għemejjel tiegħek tal-biża' jxandru; u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
(S:145:7) It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, jgħajjtu bil-ferħ minħabba
l-ġustizzja tiegħek.
(S:145:8) Twajjeb u ħanin il-Mulej, idum biex jagħdab u kollu tjieba.
(S:145:9) Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel.
(S:145:10) Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej; iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
(S:145:11) Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu,
(S:145:12) biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek, u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
(S:145:13) Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha, minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. Ta' kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha, twajjeb f'dak kollu li għamel.
(S:145:14) Iwieżen il-Mulej 'il kull min se jaqa', iqajjem 'il kull min hu mitluq.
(S:145:15) Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.
(S:145:16) Int tiftaħ idek, u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.
(S:145:17) Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f'dak kollu li għamel.
(S:145:18) Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.
(S:145:19) Jaqtgħalhom xewqthom 'il dawk li jibżgħu minnu, jisma' l-għajta tagħhom, u jsalvahom.
(S:145:20) Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom.
(S:145:21) Tifħir il-Mulej ixandar fommi; u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu għal dejjem ta' dejjem!


146. Tama f'Alla waħdu

(S:146:1) Hallelujah! Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
(S:146:2) Nfaħħar il-Mulej tul ħajti kollha; ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.
(S:146:3) La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.
(S:146:4) Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa' jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.
(S:146:5) Hieni min f'Alla ta' Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
(S:146:6) li għamel is-sema, l-art u l-baħar, u kull ma jinsab fihom; hu li jżomm kelmtu għal dejjem,
(S:146:7) li jagħmel ħaqq lill-maħqurin, u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin. Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin;
(S:146:8) il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja; il-Mulej li jerfa' lill-milwijin; il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
(S:146:9) il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla, imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
(S:146:10) Il-Mulej isaltan għal dejjem; Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. Hallelujah!


147. Il-Mulej benefattur ta' Iżrael

(S:147:1) Hallelujah! Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna; għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
(S:147:2) Jibni 'l Ġerusalemm il-Mulej, jiġma' l-imxerrdin ta' Iżrael.
(S:147:3) Hu jfejjaq il-qlub maqsuma, hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
(S:147:4) Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb; kollha jsejjħilhom b'isimhom.
(S:147:5) Kbir Sidna l-Mulej, u ta' qawwa kbira; bla tarf id-dehen tiegħu.
(S:147:6) Jerfa' l-imsejknin il-Mulej, u jniżżel sa l-art il-ħżiena.
(S:147:7) Għannu lill-Mulej innu ta' radd il-ħajr; doqqu fuq l-arpa lil Alla tagħna.
(S:147:8) Hu li jiksi bis-sħab is-smewwiet, iħejji għall-art ix-xita, u jnibbet il-ħaxix fuq l-għoljiet.
(S:147:9) Hu jipprovdi lill-bhejjem l-għalf tagħhom, u lill-frieħ taċ-ċawl meta jgħajjtu.
(S:147:10) Ma jitgħaxxaqx bis-saħħa taż-żiemel, anqas b'riġlejn l-irġiel b'saħħithom.
(S:147:11) Jitgħaxxaq il-Mulej b'min għandu l-biża' tiegħu, u b'min jittama fit-tjieba tiegħu.
(S:147:12) Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej; faħħar 'l Alla tiegħek, Sijon!
(S:147:13) Hu jsaħħaħ l-istaneg ta' bwiebek, u jbierek ġewwa fik 'l uliedek.
(S:147:14) Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta' artek, u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
(S:147:15) Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu; bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
(S:147:16) Jibgħat is-silġ bħas-suf; ixerred bħar-rmied il-ġlata.
(S:147:17) Jitfa' s-silġ bħal frak tal-ħobż; u jagħqad l-ilma bil-kesħa tiegħu.
(S:147:18) Isamma' kelmtu, u jinħall is-silġ; jonfoħ ir-riħ tiegħu, u jiġri l-ilma!
(S:147:19) Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb, il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
(S:147:20) Ma għamel hekk ma' ebda poplu; lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. Hallelujah!


148. Il-ħlejjaq kollha jfaħħru lill-Ħallieq

(S:148:1) Hallelujah! Faħħru l-Mulej mis-smewwiet, faħħruh fl-ogħla smewwiet!
(S:148:2) Faħħruh, anġli tiegħu kollha, faħħruh, eżerċti tiegħu kollha!
(S:148:3) Faħħruh, intom xemx u qamar, faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu!
(S:148:4) Faħħruh, smewwiet l-aktar għolja, u intom ilmijiet ta' fuq is-smewwiet!
(S:148:5) Ħa jfaħħru dawn kollha isem il-Mulej: għax hu kkmanda, u huma nħolqu;
(S:148:6) hu waqqafhom għal dejjem ta' dejjem; tahom ordni li qatt ma tgħaddi.
(S:148:7) Faħħru l-Mulej minn fuq l-art, mostri tal-baħar u abbissi kollha.
(S:148:8) In-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar, l-irwiefen, li jisimgħu kelmtu,
(S:148:9) il-muntanji u l-għoljiet kollha, is-siġar tal-frott u ċ-ċedri kollha,
(S:148:10) il-bhejjem selvaġġi u l-annimali kollha, il-bhejjem li jitkaxkru u l-għasafar li jtiru,
(S:148:11) is-slaten ta' l-art u l-ġnus kollha, il-kbarat u l-imħallfin kollha ta' l-art,
(S:148:12) iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll, ix-xjuħ flimkien mat-tfal:
(S:148:13) ħa jfaħħru isem il-Mulej, għax ismu waħdu l-għoli, sebħu 'l fuq mill-art u s-sema!
(S:148:14) Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu; dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha, għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu. Hallelujah!


149. Għanja tar-rebħa

(S:149:1) Hallelujah! Għannu lill-Mulej għanja ġdida: fil-ġemgħa ta' ħbiebu t-tifħir tiegħu!
(S:149:2) Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
(S:149:3) Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
(S:149:4) Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
(S:149:5) Bil-glorja jithennew ħbiebu, u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
(S:149:6) It-tifħir ta' Alla jkun fuq fommhom, u sjuf b'żewġt ixfar f'idejhom,
(S:149:7) biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, u jagħtu l-kastig lill-popli,
(S:149:8) jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
(S:149:9) jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom; dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. Hallelujah!



150. L-aħħar hallelujah

(S:150:1) Hallelujah! Faħħru 'l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu, faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!
(S:150:2) Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu, faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf!
(S:150:3) Faħħruh bid-daqq tat-tromba, faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!
(S:150:4) Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar!
(S:150:5) Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!
(S:150:6) Kull ma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej! Hallelujah!





######################################################